Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

IT

Barra li hu film tal-qtajja' u anki xi mwiet imdemmija, ‘It’ jiżvolġi ċarament it-tema taż-żogħżija

Carmel Bonnici / 18 ta' Settembru 2017 15:46
Atturi Ewlenin: Bill Skarsgard; Jaeden Lieberher; Jeremy Roy Taylor; Sophia Lillis; Finn Wolfhard

Direttur: Andy Muschietti

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 135 min

Ċert: 15

Wieħed mill-kotba tal-biża' u t-twerwir tal-awtur Stephen King, li werwer lill-ħafna qarrejja għal snin sħaħ u li qatt qabel ma ġie addattat għall-liżar ċinematografiku hu "It". 27 sena ilu dehret mini-serje televiżiva ta' dan il-volum, jisimha wkoll ‘It’. Barra li hu film tal-qtajja' u anki xi mwiet imdemmija, ‘It’ jiżvolġi ċarament it-tema taż-żogħżija, dwar sebat itfal imfarfrin li jsejħu lilhom infushom ‘it-tellifin’, billi huma skartati mill-bqija tat-tfal tal-belt ta' Derry, f'Maine, u li sikwit ikunu l-mira tal-bulijiet, hi evidenti sewwa.

Barra minn hekk, dawn jinsabu mwerwrin minn esseru li sikwit ibiddel surtu, li jsibuh bħala Pennywise, il-Ballerin Buffu [Skarsgard]. Niftakru wkoll li King kiteb il-ktieb affaxxinanti ‘Stand By Me’ dwar il-passaġġ tal-ħajja ta' xi tfal miż-żogħżija għall-addolexxenza, li nħadem film fl-1986, ukoll ambjentat fis-sajf ta' Maine, ir-reġjun nattiv ta' dan l-awtur u dan ix-xogħol jikkumplimentah b'dan il-mod.

Bit-tfal iduru kullimkien bir-roti, imorru jgħumu u jgħarrxu 'l hemm u 'l hawn ukoll jalludi għal Stephen Spielberg fi produzzjonijiet bħal ‘ET - The Extra-Terrestrial’ [1982] u ‘The Goonies’[1985]. Il-belt ta' Derry, kull 27 sena tkun il-lok fejn dan il-misħut, li hu wkoll kannibalu, ifittex il-vittmi żgħar tiegħu.

Infatti, f'bidu eċċellenti dawn id-delitti faħxin jerġgħu jibdew meta tifel żgħir, f'xita nieżla jiġri wara dgħajsa tal-karti, meħuda mill-kurrent tal-ilma, f'xi triqat u jiġi wiċċ imb wiċċ mal-Buffu b'imnieħru aħmar u b'ħafna bżieżaq f'idejh [dan ġie ikkupjat fil-film ‘Killer Klowns From Outer Space’ [1988]. Mimlijin biża', is-sebat itfal iwarrbu t-tensjoni minn fuqhom, jingħaqdu u jmorru jiffaċċjaw għadu misterjuż u soprannaturali.

‘It’ hu addattament elaborat, tassew effettiv fl-ewwel siegħa u nofs tiegħu u ta' livell għoli, bl-imwiet u d-dehriet tal-waħx jiżdiedu lejn l-aħħar 45 minuta.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook