Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

rakkont | Fliexken tal-ħalib

Rakkont ieħor mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

Sharon Calleja / 19 t'Awwissu 2017 10:16
Kull darba li ngħaddi minn quddiem il-post...kull darba donni nibża.

Forsi ta’ min jibża’. Forsi le. Lanqas naf x’naqbad naħseb.

Iżda dik il-ġrajja ma nista’ ninsiha qatt. Le, ser tibqa’ ttimbrata f’moħħi sal-aħħar nifs. Għaliex dakinhar inbidlet ħajti. Dakinhar donni bdejt nemmen li hemm xi ħaġa ħafna ikbar milli wieħed jista’ jaħseb.

Dakinhar.

Il-ħanut tal-merċa.

Il-ħanut li kelli jiena.

Jiena jisimni Salvinu. Għaddejt tfuliti kollha ngħin lill-familja tiegħi fil-ħanut iċ-ċkejken tal-merċa, li kien jinsab kantuniera mal-pjazza f’raħal twelidi. Ma kienx ħanut kbir. Imma għal dak iż-żmien, għal dak iż-żmien kien fih kollox.

Il-familja tiegħi kienu jiftħu kmieni ħafna filgħodu, u għalkemm għan-nies kienu jagħlqu għal xis-seba’, konna ndumu ftit hemm sakemm nerġgħu nimlew l-affarijiet fuq l-ixkafef, nirranġaw kollox f’postu u nżommu l-prodotti friski u l-ħanut nadif.

Meta mietu l-ġenituri tiegħi, il-ħanut tal-merċa għadda għandi. U għalija, għalija kien bidu ta’ xogħol illi jiena kont nieħu gost nagħmel minn meta kont għadni żgħir.

Il-ħanut tal-merċa.

Kien id-dinja ċkejkna tiegħi. Hemm kienu jiġu jixtru n-nies tar-raħal kollu. Kienu jieqfu jgħidu kelma miegħi; min jiftaħ qalbu, min jibki, min jgħidli ġrajjiet kurrenti, min jiġi jieħu gost izekzek fuq xi ħadd mir-raħal u min jiġi jixtri mingħajr qatt ma qalli bonġu jew bonswa. Insomma, f’ħanut kont niltaqa’ ma’ ħafna nies u kulħadd għandu l-karattru tiegħu.

Imma dakinhar...

Dakinhar ma nista’ ninsiha qatt...

Dakinhar rajtha għall-ewwel darba.

U dik. Dik il-mara bidlitli ħajti.

Dakinhar kien li bdejt nemmen li hemm xi ħaġa ikbar milli qatt kont naħseb.  Bdejt nemmen li l-imħabba hija l-iskop ewlieni tal-eżistenza umana.

Dakinhar. Iva, dakinhar.

Kont għalaqt il-ħanut. Sakkart il-bieb. Ħaddiema miegħi ma kellix. Kollox waħdi kont nagħmel. Dejjem laħħaqt. U għalhekk kont qiegħed waħdi.

Ftaħt il-kexxun tal-flus u bdejt ngħodd il-liri. Dak iż-żmien konna għadna bil-lira Maltija. Malli billejt subgħajja ma’ lsieni u bdejt ngħodd, smajt ħoss.

Ħarist ’il barra minn ġol-bieb tal-ħġieġ u ndunajt li kienet qabdet ix-xita.

Ħoss. Ħoss ieħor. Sajjetta. Xegħel kullimkien.

Inħsadt.

Dak il-ħin rajtha. L-ewwel darba.

Rajt mara niexfa, liebsa libsa bajda, twila, perpura ttir mar-riħ u tixxarrab bix-xita. Kienet qiegħda tħares lejja minn barra. Wiċċha mal-ħġieġ. Donnha kellha bżonn l-għajnuna.

Bla ma qgħadt naħsibha darbtejn, ġrejt lejn il-bieb u ftaħtilha.

Daħlet tistkenn fil-ħanut. Sajjetta. Rajtha sew.

Kienet tidher pallida, ħuġbejha rqaq wisq, idejha kienu qiegħdin jirtogħdu. Kienet imxarrba għasra u l-libsa bajda li kellha fuqha kienet tidher imwaħħla magħha.

“X’għandek bżonn?” staqsejtha, hekk kif rajtha tħares madwar il-ħanut.

Lil din il-mara qatt ma kont rajtha qabel.

“Żewġ fliexken ħalib.” Leħinha kien baxx. Ma ħarsitx f’wiċċi. Donnha kienet qiegħda tevita li tħares f’għajnejja. Forsi kienet qiegħda tistħi.

Tbissimtilha għaliex kont naf li kien għad fadalli żewġ fliexken ħalib fil-friġġ ta’ wara l-bank. Dak iż-żmien, il-ħalib kien għadu jiġi fil-fliexken. U għalhekk, bla ma qgħadt naħsibha, mort quddiem il-friġġ u tajtha dak li talbitni.

Sellmitli.  Bla kliem u bla sliem telqet ’il barra.

Mhux għax stennejtha tħallasni. Kont indunajt li l-mara kienet tidher li tinsab fil-gwaj.

Telqet.

L-għada, għamilt ġurnata xogħol normali, u bejn ħaġa u bejn oħra, kont insejt l-avveniment tal-ġurnata preċedenti.

Sa xħin...

Sa xħin kont erġajt għalaqt u kont qed nerġa’ ngħodd il-flus.

Din id-darba smajt tektika żgħira mal-ħġieġa tal-bieb. Illum ma kinitx xita u għalhekk smajtha ċara iżjed mill-ġurnata ta’ qabel. Mort inħaffef lejn il-bieb.

Ftaħtilha.

Indunajt li donnha llum kellha d-dmugħ nieżel minn għajnejha. U kienet bl-istess libsa ta’ lbieraħ.

Miskina, bdejt ngħid bejni u bejn ruħi. Din il-mara għandha bżonn l-għajnuna.

“Tista’ jekk jogħġbok...” bdiet tgħidli b’leħen kemmxejn maħnuq, rasha baxxuta lejn l-art.

“Ħalib?” staqsejtha.

Għamlitli iva b’rasha.

Bla ma għidtilha kelma oħra, mort fil-friġġ u newwiltilha żewġ fliexken ħalib frisk.

Sellmitli u telqet.

Bqajt hemm inħares warajha, hekk kif innutajt li kienet qasmet it-triq u ntilfet hemm barra fid-dlam tal-lejl.

Komplejt xogħli u qabad jiddispjaċini li ma kontx staqsejtha jekk kellhiex bżonn xi ħaġa oħra. Forsi r-raġel tagħha kien marid, forsi hi kienet qiegħda tgħix fit-triq...min jaf?

Għamilt il-ħsieb li l-għada nsaqsiha. Jekk tiġi. Jekk tiġi kont ser insaqsiha żgur.

U oħroġ il-għaġeb, reġgħet ġiet. L-istess ħin. L-istess libsa. L-istess sitwazzjoni.

“Għandek bżonn l-għajnuna?” staqsejtha qabel tajtha l-ħalib.

Mingħajr ma għolliet ħarsitha ‘il fuq, għamlitli iva b’rasha, ħadet il-ħalib u telqet ‘il barra.

“Stenna ftit!” bdejt ngħidilha.

Kienet ħallietni hekk, bla kliem. U lanqas kienet qaltli x’kellha bżonn.

Qbadt, u mingħajr ma’ qgħadt naħsibha, tlaqt ’il barra warajha.

Bdiet miexja tul it-triq u jiena bdejt nimxi warajha, mingħajr ma ħallejtha tarani. Ma ridthiex tinduna bija, għax żgur kont ingerrixha! Kienet tidher mara ta’ ftit kliem.

Imxejna u mxejna. Wasalna fi triq dejqa li tagħti għal sqaq u mxiet lejn il-kantuniera. Daħlet f’din it-triq. Imxejt warajha. Ksirt il-kantuniera u waqaft hemm bilwieqfa, qisni iblah. Il-mara ma kienet tidher imkien! U żgur ma kinitx daħlet ġewwa għax ma kont smajt l-ebda bieb jinfetaħ jew jingħalaq! U hawn, hawn f’din it-triq, bieb wieħed kien hemm.

Stramba. Sitwazzjoni stramba tassew.

Għamilt il-ħsieb. Ersaqt lejn il-bieb u ppruvajt niftħu. Kien imsakkar.

Bdejt inħabbat bilmod fuq il-bieb, bejn għax kien xi ftit tard u bejn għax kien id-dlam u bdejt ninkwieta li kont rajt ħażin u forsi kien joħroġ xi ħadd u jagħmel għalija.

Il-bieb baqa’ magħluq.

“Sinjura?” bdejt ngħajjat, nipprova nagħmel widnejja mal-bieb ħalli nisma’.

U dak il-ħin smajtha.

Tarbija. Kien hemm ħoss ta’ tarbija tibki.

Bla ma qgħadt naħsibha, tajt skoss kbir lill-bieb b’saqajja u nfetaħ beraħ.

Malli ftaħt il-bieb, xammejt riħa qawwija ta’ dekompożizzjoni u x-xena li rajt quddiemi ma kont ser ninsiha qatt!

Kienet kamra kbira. Salott. Ġewwa f’din il-kamra rajt tarbija f’kerrikot, tagħti b’idejha u saqajha. Kienet qiegħda tibki. Tibki u tolfoq.

Ħarist fil-ġenb. Lejn is-sufan. Qalbi għamlet tikk.

Fuq is-sufan rajt lilha. Kienet hi. Iva, emmnuni, hi kienet. Dik il-mara. Dik il-mara li kienet ġiet fil-ħanut tiegħi għal tliet darbiet! Iżda dik il-mara...

Iżda...

Kienet mejta!

“Kif jista’ jkun?” bdejt nhewden waħdi. Kelli nagħmel biċċa mill-qmis li kelli fuqi quddiem imnieħri għax ma stajtx nieħu nifs. Issa stajt ninnota li kien evidenti li din il-mara kienet ilha mejta għal iktar minn jumejn żgur! Imma kif jista’ jkun? Jien kont għadni kemm rajtha!

Imbagħad rajthom.

Kienu qegħdin maġenbha.

Żewġ fliexken mimlija ħalib li kont għadni kemm tajtha! Kienu maġenb idha tal-lemin!

Bilkemm ridt nemmen...fil-bidu bdejt naħseb illi kont qiegħed nhewden. Bdejt nogħrok għajnejja u nberraqhom.

Iżda mbagħad ersaqt lejn it-tarbija, li kienet għadha qiegħda tibki. Mort biex nerfagħha ħalli noħroġha minn postha. Mort nara x’kellha bżonn...

U dak il-ħin rajthom.

Biex inkun għidt il-verità, dak il-ħin infqajt nibki. Ma stajtx inżomm id-dmugħ. Beda jinqatgħali n-nifs. Bdejt inħossni qed nistordi. Ħarsti marret minn fuq it-tarbija għal dak li kien hemm maġenbha fil-kerrikot.

Erba’ fliexken ħalib vojta...mill-ħanut tiegħi...

Rassejt it-tarbija miegħi, ħarist lejn ommha u b’leħen maħnuq u miksur għidtilha, “L-imħabba ta’ bejn omm u tarbija...”

Niżżilt ħarsti lejn it-tarbija.

“Qalbi, il-mamà mietet...imma lilek...lilek żammitek ħajja...”

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook