Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Liem huma dawk il-films ġodda li se jagħmlu d-debutt tagħhom fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa?

Carmel Bonnici / 31 ta' Lulju 2017 14:05
Captain Underpants: The First Epic Movie

Vuċijiet Ewlenin: Kevin Hart; Ed Helms; Nick Kroll; Thomas Middleditch; Jordan Peele; Kristen Schaal

Direttur: David Soren

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 85 min

Ċert: U

 

Dav Pilkey hu awtur ta' serje ta' kotba għat-tfal, ta' suċċess qawwi u anki l-illustratur ta' ‘The Adventures Of Captain Underpants’.  Minn fuq l-ewwel erba' kotba ta' din is-sensiela ġie ffilmjat ix-xogħol animat ‘Captain Underpants: The First Epic Movie’.  Din hi produzzjoni addattata ħafna għaż-żgħar, bi tpinġija sempliċi u effettiva, u b'avventuri tassew pjaċevoli u farseski. George Beard [vuċi ta' Hart] u Harold Hutchins [Middleditch] huma żewġt itfal imqarqċin li sikwit jiddeffsu f'xi bawxata. B'moħħ tassew immaġinattiv jgħaddu ħafna ħin f'kamra fuq siġra fejn jivvintaw ħafna kotba komiks dwar l-ispissjat Captain Underpants. B'hekk, dawn il-komiks fihom tpinġija addattata għall-età tagħhom u t-ton tal-film jimxi fuq dan il-livell. Billi dawn iż-żewġ brikkuni sikwit jidhru quddiem il-prinċipal tal-iskola, hu jhedded li se jifridhom mill-istess klassi. B'kumbinazzjoni jirnexxilhom iraqqduh u jbiddluh f'karattru ta' ineffiċjenza grassa, bl-isem ta' Captain Underpants [Helms]. Dan ix-xorta ta' supereroj jiddeffes f'ħafna inċidenti tassew tad-daħk, però fl-aħħar verament jagħmel unur lill-irwol li jeżerċita. ‘Captain Underpants: The First Epic Movie’ huwa espressiv ħafna, b'ritmu eċċellenti għaż-żgħar u jista' wkoll jappella għal xi adulti. Nistennew aktar avventuri spinti ta' dan il-karattru liebes ‘nappy’ ta' tarbija u forsi wkoll ta' Mrs. Anthrope, is-segretarja tal-iskola, li tagħha ż-żewġt iħbieb iddedikaw komik.

 

Dunkirk

Atturi Ewlenin: Fionn Whitehead; Jack Lowden; Tom Glynn-Carney; Mark Rylance; Kenneth Branagh; Tom Hardy

Direttur: Christopher Nolan

Maħruġ minn: KRS Releasing

Tul: 106 min

Ċert:12A 

 

Fix-xhur tal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, it-truppi Brittanici u dawk alleati sabu ruħhom maqtugħin minn kullimkien fl-art, iżolati fuq ix-xtut ta' Dunkirk fi Franza, b'darhom mal-baħar. Mal-400,000 suldat u l-kmandanti tagħhom kienu kontinwament għal ġimgħa sħiħa l-mira ta' attakki mill-ajru tal-għadu mingħajr ma jistgħu jiddefendu ruħhom jew ifittxu kenn. Miraklu biss seta' jsalva l-ħajja ta' ħafna minn dawn. ‘Dunkirk’, il-film dirett u miktub minn Christopher Nolan, forsi wieħed mid-diretturi l-iżjed innovattivi tal-mument, jirrakkonta b'mod eżileranti li jippnotizzak u b'mużika ta' Hans Zimmer li tnissel fik ansjetà'u tama, kif dan il-miraklu tassew ġara. Billi l-bastimenti kbar ma setgħux jidħlu fil-bajjiet baxxi ta' Dunkirk, 26 mil ’il bogħod, mill-Ingliterra gzuz ta' dgħajjes żgħar ta' nies ċivili rriskjaw ħajjithom f'tellieqa kontra l-ħin biex isalvaw kemm jistgħu. L-evakwazzjoni grandjuza ta' Dunkirk barra li wriet l-ispirtu altruwistiku uman fl-aqwa livell nobbli tiegħu, kellha effett kbir ta' kif wara żvolġiet il-gwerra. Barra li Christopher Nolan tana film spettakulari mimli movimenti, l-umanità tal-istorja tiddomina sewwa. L-andament jiżvolġi kemm fuq l-art, kemm fuq il-baħar u anki fl-ajru - kważi dejjem jikkonċentra ruħu f'dan il-post fejn nibtet tama u kuraġġ sfieq.  Ix-xeni ta' ġiri wara xulxin fl-ajru, u attakki ħorox bejn ajruplani tal-Alleati u dawk Ġermaniżi jfakkru f'films bħal ‘Von Richtofen And Brown’ [The Red Baron], ‘Aces High’ u diversi oħrajn. Il-qofol ta' din il-ġrajja tizvolgi mil-lat tad-dgħajsa ta' Mr Dawson [Rylance] u ibnu Peter [Glynn-Carney] li kien wieħed minn tal-ewwel li wasal hemm. L-evakwazzjoni ta' Dunkirk rajnieha f'bosta films, fosthom ‘Mrs. Miniver’ [1942], ‘Dunkirk’ [1958] u reċentement f'‘Their Finest’.  Tajbin ħafna huma grupp ta' atturi żgħażagħ ġodda, Fionn Whitehead, Jack Lowden u Tom Glynn-Carney. ‘Dunkirk’ għandu jinvolvik b'interess sinċier matulu kollu!

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook