Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

rakkont | L-imqareb

Ir-rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja

Sharon Calleja / 1 t'Awwissu 2017 14:04
Eżatt malli dħalt fil-kċina, xammejt riħa tfuħ ta’ bajd u bejken moqlija. Ir-riħa tfuħ kienet imliet l-arja tad-dar kbira fejn konna ngħixu.

Kienet qiegħda hemm bit-taġen f’idha, liebsa l-fardal. Issajjar. Issajjar u tkanta xi melodija minn taħt l-ilsien. Kienet tidher ferħana.

Ommi.

L-għażiża ommi.

Naf. Naf li xi kultant kont inqabbiżhielha. Mhux xi kultant, insomma, ħafna drabi. Kont nipprova nkun kwiet. Imma mhux dejjem kien jirnexxili.

Kont ngħinha ħafna fil-faċendi. Kont immur nixtrilha. Kont naħsel il-platti. Kollox kont nagħmel. Qatt ma qaltli grazzi.

Għax jien kont inħobbha. Mhux ovvja jekk dik kienet ommi? L-imħabba ta’ bejn omm u iben, dik l-imħabba tibqa’ speċjali. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien. U jiġri x’jiġri.

Avolja qabel kienet tħobbni. Qabel kienet tilgħab miegħi. Kienet tlibbisni ħwejjeġ nodfa. Ħwejjeġ ifuħu. Kienet tlestili l-ikel kull filgħodu. Tippettnali x-xagħar. Tara li nkun sew u tajjeb.

Iżda issa...

Issa...

Issa kienet inbidlet. Inbidlet ħafna.

Qabel, meta kienet għadha miżżewwġa lill-papà, kienet tfissidni, tħobbni u kienet teħodni l-iskola hi.

Iżda issa....issa le. Donnha ma kinitx għadha tarani gustuż. Donnha kienet tarani żejjed.

Donnha issa kienet tarani bħala tifel imqareb.

Iva, hekk hu.

Ġieli smajtu jgħidilha kontrija. Smajtu jgħidilha li jiena wisq imqareb.

U hu, hu qatt ma kien jgħajjatli b’ismi.

“L-imqareb, ejja ’l hawn!”

“L-imqareb, mur ixtrili!”

“L-imqareb....dan...l-imqareb dak...”

Forsi f’għajnejh hekk kont.

Kont l-imqareb.

U kemm kien ilu joqgħod magħna, hu; Steve, kemm kien ilu jgħix id-dar, ma tantx kienet tagħti kasi. Donnu jiena kont il-ħtija tal-ġlied bejniethom.

Għax Steve ma kienx iħobbni. U meta kont nagħmel xi praspura minn tiegħi, Steve ma kienx bħall-papà. Steve kien itini daqqa t’għajn kerha. U jiena kont ninduna. Kont ninduna li ma kienx iħobbni.

“Dak imqareb! Dak imqareb! It-tifel li għandek!” kien jgħidilha.

U hi, hi kienet saret kważi temmnu. Ifhem, mhux għax jiena kont xi anġlu...imma min ma kienx jagħmel xi praspura żgħira fi tfulitu? Minn tifel ta’ disa’ snin x’tippretendi? Li nkun xi beqqu?

Insomma, dakinhar filgħodu, eżatt malli xammejt ir-riħa tal-ikel, ħassejtni xi ftit bl-aptit. Kienet ilha ma tagħmilli ftit kolazzjon! Waħedhom kienu jieklu! Xħin kont nitlaq jien lejn l-iskola.

Issss...mhux sew!

“Ejja....toħlomx!” qaltli ommi, tħares lejja biċ-ċiera. “Itlaq lejn l-iskola!”

“Kemm ifuħ!” għidtilha.

“M’hemmx paroli! Itlaq!” qaltli.

Dak il-ħin daħal hu fil-kċina. Steve. Ma nagħtihiex tort lil ommi li kienet saret tħobbu. Kien raġel mibni u sabiħ, mogħni b’natural ħelu. Meta kienu joħorġu, tgħidx kemm kienu jieħdu gost. U lili, lili kienu jħalluni ma’ Madalen, il-ġara. Għax Steve kien jgħid li ma kienx jieħu gost bija magħhom.

Kienu jgħiduli biex lill-papà ma ngħidlux. Ma ngħidlux li ma kienu jeħduni mkien magħhom. Ġieli anke ħallewni d-dar waħdi.

Ersaqt ħdejn ommi biex nagħtiha bewsa, iżda kienet mitlufa titbissem lil Steve u lili ma kinitx ratni sejjer ħdejha.

Bla ma għamilt ħoss ieħor, tlaqt ’il barra. Ma ridtx intellifhom.

Xħin kont nofs triq ftakart. Kont erġajt insejt inġib xi ħaġa tal-ikel miegħi lejn l-iskola! Issa x’kont se naqbad nagħmel? Kien ser itini l-ġuħ...

 

Margaret semgħet il-bieb ta’ barra jingħalaq.

Ajma, għall-erwieħ kien mar l-iskola! Kemm kien imqareb! Ma kellux minuta kwiet f’ġismu...

“Telaq...” bdiet tgħid lil Steve f’widnejh, waqt li bdiet itteftiflu f’xagħru. Kultant il-komportament ta’ Andrea kien sar idejjaqha. Idejjaqha wisq. Kemm kien ilha li kienet keċċiet lil missieru ’l barra, kien donnu rribella kontriha!

“Qed nimmissjah lill-pa...” kien ta’ sikwit jgħidilha.

“Il-papà dejjem kien iħallini norqod ħdejkom...”

Margaret u Steve reġgħu marru fil-kamra tas-sodda. Ma tantx kien jimporta li l-ikel kienu ser jikluh kiesaħ!

Wara xi tliet kwarti, Margaret reġgħet marret fil-kċina, pronta ħalli tieħu l-ikel fil-kamra tas-sodda u joqogħdu jikluh hemm.

Inħasdet.

X’affarijiet dawn! Kif jista’ jkun? Kemm kien ilu hawn?

“Int x’int tagħmel hawn?” staqsietu tirrabja. Riedet kważi tagħtih daqqa ġo wiċċu. Bdiet tieħu nifsijiet twal u ħasset fawra tielgħa għal rasha. “Jien bgħattek l-iskola!”

“Iva ma...” qalilha b’ton baxx, iħares lejha b’ċertu mod li kien inkwetat. Indunat li kellu xi demm u grif ma’ moħħu.

“Ivvintajt xi waħda?” staqsietu b’leħen għoli. “Iġġilidt! Żgur iġġilidt!” Jekk jarah Steve...Żgur kienet tinqala’ xi waħda!

“Mamà...le. Iva. Jien inħobbok mamà!” qalilha. Għajnejh kienu jidhru qegħdin jleqqu hekk kif kienu qegħdin jirriflettu fid-dawl tax-xemx li kien dieħel mill-persjana tat-tieqa, eżatt fejn kien hemm hu.

“Andrea...” bdiet tgħidlu kważi taqta’ nifisha. “Dan l-aħħar sirt ma nifilħekx! Sirt wisq...wisq imqareb!”

“Le mama...” weġibha bilkemm jinstema’. “Jien inħobbok lilek!”

Kif seta’ jfehema? Li hu lilha biss kellu? Li għalih kienet kollox? Li lilha kien jaraha bħala kollox għalih? Li magħha biss seta’ jitkellem?

“Mur f’kamartek! Mur f’kamartek!” bdiet tgħajjat kważi tintilef minn sensiha bin-nervi.

Andrea ħares lejha tal-aħħar, baxxa rasu lejn l-art u telaq lejn kamartu.

Eżatt dak il-mument stess, beda jdoqq it-telefon li kien hemm fuq it-tavolin, fuq tvalja rrakmata tal-bizzilla.

“Dar Piscopo,” qalet Margaret. Kienet għadha qed tħossha bla nifs bin-nervi li kien għamlilha t-tifel.

“Sinjura hawnhekk mill-iskola ta’ Andrea,” kien leħen maskili li nstema’ fuq in-naħa l-oħra tal-linja.

“Eħe? X’reġa’ għamel issa?” staqsietu. La taqta’ kienet ser titla’ fuq u tagħtih lezzjoni kif imiss! Żgur kien reġa’ ġġieled u daħal fil-gwaj!

“Ibnek Andrea...sinjura, jiena s-surmast.”

“Iva qed nisimgħek!” weġbitu. Aqlagħha, kella aptit tgħidlu. Kemm kien ġej fit-tul biex jgħidilha?

“Ibnek kellu inċident...” qalilha.

“Inċident kif?”

“Kien hawn tifel li kien qed jiġi msawwat minn xi grupp tfal ikbar minnu u apparentament, Andrea daħal f’nofshom ħalli jilqa’ għalih.”

“Eħe?” staqsietu.

Jiġifieri...? Forsi ma kienx...Forsi kien...

“It-tifel tiegħek ġie msawwat sew. Daru għalih xi ħames subien kbar u kellna nibagħtuh lejn l-isptar.”

“Għalhekk ġie hawn mela, għax beża’!” bdiet tgħid kważi waħedha.

“Ma jimpurtax.”

“Le sinjura, forsi m’intix qiegħda tifhem. Andrea miet mat-triq,” semgħet lis-surmast jgħidilha. “Avolja ppruvaw isalvawh...ma rnexxielhomx. Ibnek, sinjura Piscopo, ibnek Andrea miet! Bħalissa jinsab...”

“Int qed tiċċajta?” staqsietu kważi tidħak, taqtagħlu diskorsu. “Għandek żball ta. Ibni.....ibni...” bdiet tlaqlaq hekk kif ħassitha konfuża. “Żomm waħda l-linja, surmast!”

Margaret waddbet it-telefon la kafkaf fuq it-tavolin u marret tiġri lejn il-kamra tiegħu.

Ħabbtet fuq il-bieb.

Silenzju.

“Andrea?” għajtet, hekk kif fetħet il-bieb ta’ kamartu beraħ u semgħet il-bieb ta’ kamartu jżaqżaq.

Kemm kien ilha ma tidħol f’kamartu! Kemm kien ilha ma tiġi hawn ġew!

Ftakret fl-istejjer li kienet toqgħod tirrakkuntalu meta kien għadu hawn ir-raġel. Ftakret f’għajnejh miftuħin beraħ bil-ferħ. F’leħnu eċċitat ħalli jara kif ser tispiċċa l-istorja...

Margaret ħasset għoqla tiela’ fi griżmejha.

Il-kamra ta’ Andrea kienet vojta.

Is-sodda kienet magħmula b’mod perfett. Il-ġugarelli kienu kollha f’posthom. L-art kienet nadifa tazza.

Resqet bil-mod lejn is-sodda ta’ Andrea u maġenbha rat ir-ritratt li kienu ħadu t-tlieta li huma meta kienu għadhom familja, imdawwar fil-gwarniċ.

Qabdet ir-ritratt u bdiet tħares lejh.

“L-imqareb...l-imqareb tiegħi...” bdiet tlissen b’leħen maħnuq.

“Mamà... le. Iva. Jien inħobbok mamà!” il-kliem li kien qalilha beda jidwi f’moħħha.

“Sinjura Piscopo?” kien għadu qed isejħilha s-surmast min-naħa l-oħra tal-linja, hemm isfel fil-kċina. “Naħseb qatgħetli l-linja...”

Il-linja tat-telefon bdiet iddoqq.

Margaret kienet qiegħda kokka mal-art ħdejn is-sodda ta’ Andrea tibki kemm tiflaħ.

Kienet taf.

Kienet taf li dan l-aħħar, dan l-aħħar lanqas biss kienet għadha tagħti kasu!

Kienet tilfitu!

Kienet tilfitni.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook