Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Miċ-ċinema din il-ġimgħa...

Films ġodda fis-swali taċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 12 ta' Ġunju 2017 13:25
Baywatch

Atturi Ewlenin: Dwayne Johnson; Zac Efron; Priyanka Chopra; Alexandra Daddario; Jon Bass; Kelly Rohrbach

Direttur: Seth Gordon.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 116 min

Ċert:15

Hawn min hu tal-fehma li "Baywatch" kienet l-aktar sensiela televiżiva Amerikana ta' suċċess ta' kull żmien.  L-isem minnufih iġib quddiem il-moħħ immaġini ta' ġranet sajfin xemxin, żgħażagħ lebsin mill-inqas li ħadithom ix-xemx, xeni ta' wħud li jirkbu l-mewġ, gwardji tax-xatt fiżikament fl-aħjar ta' saħħithom u ġiri fuq ir-ramel bis-"slow motion" ta' dawn il-gwardjani lebsin malja ħamra.  Mitch Buchannon [Johnson] hu l-mexxej ħabrieki ta' dawn il-gwardji, alert, devot f'xogħlu, ċajtier u jkompli ma' kulħadd.  Meta Matt Brody [Efron] rekluta ġdid, prużuntuż u xi ftit mimli bih inniffsu jingħaqad magħhom, l-armonija ta' bejn dawn li jħarsu x-xtut u ta' sess divers, tidher li se tisfratta.  L-andament, però jieħu żvolta oħra meta dawn il-qalbenin jiskopru pjan ta' xi kriminali organizzat minn negozjant qawwi taż-żejt, mill-jott tiegħu li jista' jipperikola l-ħarsien futur ta’ Emerald Bay.  Primarjament, "Baywatch" hija kummiedja kultant sfrenata, b'referenzi għas-sess, b'sekwenzi ta' azzjoni ta' salvataġġ, speċjalment minn vapur vampa nar u b'eċitament imħarrek lejn it-tmiem b'atmosfera piroteknika.  Il-fiżika atletika u l-attribwiti sesswali prominenti żgur li jiddominaw din il-produzzjoni allokata f'bajja ta' Florida minn waħda ta' California tas-serje oriġinali.  Pamela Anderson u David Hasselhoff li saru popolari mit-TV, jidhru wkoll f'żewġ partiċelli.

My Cousin Rachel

Atturi Ewlenin: Rachel Weisz; Sam Claflin; Holliday Grainger; Iain Glen; Pierfrancesco Favino

Direttur: Roger Michell

Maħruġ minn KRS Releasing. 

Tul: 106 min 

Ċert: 12A

L-awtriċi Daphne Du Maurier hi rinomata għall-ħafna kotba tagħha, forma ta' thrillers b'misteru fil-qalbha tagħhom, b'andament ta' tensjoni, passjoni bi problemi psikoloġiċi, xi kultant f'xi relazzjoni ossessiva. Dawn il-volumi tant intrigaw ħafna lil Alfred Hitchcock li dderieġa tlieta minnhom. Wieħed mill-aktar pubblikazzjonijiet popolari tagħha, kien "My Cousin Rachel", miktub fl-1951 u sena wara l-dehret verżjoni ċinematografika tiegħu. Id-direttur Roger Michell reġa' addatta din l-istorja għal fuq il-liżar il-kbir u għall-udjenzi moderni, minkejja li l-istorja sseħħ fis-seklu dsatax.  Raġel żagħżugħ Ingliż iħejji pjan ta' vendetta kontra l-kuġina sbejħa u misterjuża tiegħu, Rachel [Weisz], meta jibda jemmen li hi qatlet lil dak li kien jieħu ħsiebha. Però, meta hi tiġi biex iżżur id-dar tal-mejjet żewġha hu Philip [Claflin] idawwar ħsibijietu meta quddiemu jara mara hekk attraenti. Il-film ikompli jiżvolġi b'atmosfera qawwija u ambigwa ta' xewqa żienja u suspett morbidu. It-tfittxija tiegħu għall-verità tittormentah bil-kbir u tpoġġi lill-udjenzi fuq ix-xwiek.

 

 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook