Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar erba' films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 3 t'April 2017 10:39
Smurfs: The Lost Village [3D]

Vuċijiet Ewlenin: Demi Lovato; Rainn Wilson; Joe Manganiello; Michelle Rodriguez; Julia Roberts

Direttur: Kelly Asbury

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 90 min | Ċert: U

‘The Smurfs’, dawk il-kreaturi żgħar, ħelwin ta' kulur blu/vjola, jew kif nafuhom aħjar bħala ‘I Puffi’, kienu maħluqa [impinġijin] fl-1958 minn Peyo, l-artist Belġjan Pierre Culliford. Għat-tielet darba, dawn il-ħlejjaq ċkejknin qed jirritornaw fuq il-liżar ċinematografiku fil-film ‘Smurfs: The Lost Village’, din id-darba fi produzzjoni kollha kemm hi animata bbażata minn fuq is-serje ta' kotba komiks oriġinali. Dan ix-xogħol ġdid li hu aktar addattat għall-familji bi tfal żgħar, jippreżenta avventura verament movimentata [għall-proċess tad-3D diġitali], ikkulurita, b'fotografija tassew ċara u mdawla. Din id-darba, i Puffi se jazzardaw 'l hemm mill-konfini tal-post fejn jabitaw, il-Foresta Projbita. Smurfette tingħaqad ma' sħabha, Brainy, Clumsy u Hefty fuq vjaġġ ta' skoperta, biex ifittxu jekk ’il bogħod mill-ambjent tagħhom jeżistux kreaturi oħra bħalhom. F'din l-art tassew ġdida u misterjuża għalihom se jiffaċċjaw sorpriżi kbar, perikli minn sorsi li ma jistennewhomx u anki mumenti ta' ferħ. Għall-ewwel darba f'ħajjithom se jaraw ‘dragonflies’, draguni li meta jkunu rrabjati joħroġ in-nar minn imnifsejhom, fjuri sbieħ li kapaċi jiekluhom u anki pjanti li jimlewhom bil-bews. Fuq kollox, din l-avventura se sservihom biex jiskopru l-akbar sigriet fl-istorja tagħhom. ‘Smurfs: The Lost Village’ kontinwament jiżviluppa b'manjiera ta' azzjoni mħarrka u b'xi kanzunetti tal-widna.

 

Life

Atturi Ewlenin: Jake Gyllenhaal; Rebecca Ferguson; Ryan Reynolds; Hiroyuki Sanada

Direttur: Daniel Espinosa

Maħruġ minn KRS Releasing 

Tul: 103 min | Ċert: 15

Wieħed mill-isbaħ films tal-biża' u xjenza fittizja, li wkoll akkwista l-fama ta' xogħol kult, hu dak tal-1979 ‘Alien’. Dan appuntu kien ispirat minn ‘It! The Terror Beyond Space’, produzzjoni ta' kategorija ‘B’, ta' baġit żgħir, tal-1958. Wieħed mill-aktar films brillanti tax-xjenza fittizja ta' dan l-aħħar kien dak li rebaħ l-Oscar, ‘Gravity’ [2013]. ‘Life’ hi produzzjoni li tikkombina elementi mit-tnejn, però ħafna aktar mix-xogħol ta' 37 sena ilu. Ambjentat kollu kemm hu ġo stazzjon spazjali, ‘International Space Station’, tim ta' xjentisti jiskopru forma ta' ħajja aljena li tevolvi malajr u tidher li ma tkunx tista' tinqered. Din il-kreatura qisha qarnita li tħoss ruħha mminaċċjata, tikkawża terrur kbir ġol-vettura spazjali meta tipprova teqred lill-astronawti, li tilfu kull kuntatt mad-dinja, wieħed wieħed. Dawn ix-xjentisti jkunu tal-fehma li xi ħlieqa bħal din kienet il-kawża li fuq il-pjaneta Mars m'hemmx ħajja u qed jibżgħu li l-eżistenza fid-dinja tista' wkoll tkun f'periklu kbir. ‘Life’ hu thriller morbidu, mimli tensjoni, b'ħafna mwiet makabri, kontinwament movimentat bl-astronawti jiskappaw minn kull kompartament bla gravità, b'ħeffa kbira u jagħlqu kull fetħa warajhom biex it-terrur li huma stess ikkreaw ma jtemmilhomx hajjithom f'kefrija kbira. B'dak kollu li x-xjentisti qed sikwit jiskopru, dan il-film tax-xjenza fittizja jista', fil-futur qarib, isir fattwali. Nistgħu nistennew sequel!

 

Ghost in the shell

Atturi Ewlenin: Scarlett Johansson; Michael Pitt; Juliette Binoche; ‘Beat’ Takeshi Kitano

Direttur: Rupert Sanders.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 106 min | Ċert: 15

Fl-1995 ħareġ il-film animat Ġappuniż, ‘Ghost In The Shell’ li kien ibbażat minn fuq il-Manga [komik] Ġappuniż tant imfaħħar tal-1989 tal-istess isem ta' Masamune Shirow, li akkwista l-atmosfera ta' xogħol kult. Steven Spielberg, snin ilu, kien wera l-fehma li jista' jidderiġih b'atturi reali. Din il-ħaġa issa saret realtà u mess lil Rupert Sanders li jieħu t-tmun ta' dan ix-xogħol.  ‘Ghost In The Shell’ hu film b'atmosfera mistika, mimli azzjoni u effetti speċjali viżivi tajbin. Fil-futur qarib, Major [Johansson] hi l-ewwel waħda tal-kwalità tagħha, bejn umana u robot. Salvata mill-mewt minn inċident ikrah, ġiet ittrenjata bħala s-suldat perfett, biex twaqqaf lill-aktar kriminali perikolużi li hemm mas-saqajn. Din il-kreatura anki tkun kapaċi teħodha ma' livell ġdid ta' terroriżmu li jinfiltra fil-menti tan-nies. Waqt li tkun fuq biċċa xogħol tassew importanti u ta' sogru kbir, tiskopri dwar il-gideb li qalulha biex salvaw ħajjitha. Hi tibda tfittex fuq il-passat tagħha u min kien responsabbli li ġabha f'din is-sura u issa hija determinata taġixxi b'kull mezz possibbli. L-ewwel mira tagħha huma l-eżekuttivi ta' Hanka Robotics li jispeċjalizzaw fit-teknoloġija ‘cyber’.  ‘Ghost In The Shell’ jeċċella sewwa fis-sets imponenti li fih, fid-direzzjoni tal-arti u viżwalment b'mod ammirabbli u preċiż tistħajjel li qed tara ktieb komik jew film animat b'atturi veri.

 

A Quiet Passion

Atturi Ewlenin: Cynthia Nixon; Jennifer Ehle; Keith Carradine; Duncan Duff; Emma Bell

Direttur: Terence Davies

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 125 min | Ċert: 12A

Id-direttur Brittaniku, Terence Davies, din id-darba dawwar ħarstu lejn il-poetessa Amerikana, Emily Dickinson [1830-1886]. ‘A Quiet Passion’ hu film bijografiku dwar il-ħajja iżolata u pjutost misterjuża ta' din il-mara erudita, kulta u bil-qawwa kollha indipendenti. Iż-żagħżugħa Emily [Bell] trabbiet ġo familja tat-tajjeb, attendiet skejjel ta' prestiġju u kienet intelliġenti ħafna. Emily Elizabeth Dickinson [Nixon], issa adulta, saret rekluża, dejjem fil-konfini tad-dar, tikteb il-poeżiji waħedha u taħbihom biex ħadd ma jsibhom. Hi qatt ma żżewġet u s-solitudni tagħha hija l-kawża tad-dominanza li missierha, Edward [Carradine] kellu fuqha jew jista' jkun ukoll li ma kellhiex suċċess fl-imħabba ta' wieħed qrib tal-familja. Sikwit kienet turi superjorità fuq ħutha u trid li kulħadd ikun ta' perfezzjoni bħalha, tant li wara argument, darba ħuha Austin [Duff], b'rabja fuqu, qalilha li "you are ugly like your poems” u oħtha Lavinia jew Vinnie [Ehle], sostniet li trid tiġġudika lil kulħadd bil-ktiterji għoljin li tħaddan. Il-poeżiji tagħha dwar in-natura, l-imħabba u l-mewt huma miktuba b'versi brillanti u oriġinali. Fi żmienha [hi mietet ta' 56 sena] ftit biss ġew ippubblikati u t-talba tagħha biex wara mewtha jinħarqu l-manuskritti kollha ma ġietx rispettata. ‘A Quiet Passion’ hu xogħol ieħor fl-istil brillanti, uniku u poetiku ta' Davies, b'fotografija skwiżita, jeċċella fid-disinn tal-produzzjoni, b'atmosfera klawstrofobika u b'parti ta' bravura ntensa minn Cynthia Nixon, l-aktar meta kull tant ħin taqra parti minn dawn il-poeżiji.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook