Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Din il-ġimgħa fis-swali taċ-ċinema, ir-rebbieħ tal-oscar għall-aqwa film, 'Moonlight', fost films oħra

Carmel Bonnici / 14 ta' Marzu 2017 11:07
Kong: Skull Island

Atturi Ewlenin: Tom Hiddleston; Samuel L. Jackson; Brie Larsen; John Goodman; Toby Kebbell; John C. Reilly

Direttur: Jordan Vogt-Roberts

Maħruġ minn KRS Releasing | Tul: 118 min | Cert: 12A

Minn żmien għal żmien, Hollywood iħobb jagħti titwila lill-aktar mostru maħbub fiċ-ċinema, il-gorilla ġganteska King Kong. Wara s-suċċess li kiseb il-film ‘King Kong’ tal-1933, inħadmu żewġ blokkbasters oħra - fl-1976 u fl-2005. Minkejja effetti speċjali viżwali mill-aqwa, speċjalment il-produzzjoni tal-2005, ix-xogħol tassew atmosferiku tal-1933, b'teknika kważi primittiva, jibqa' l-kapulavur assolut minn dawn it-tlieta. Issa wasal iż-żmien biex tinħoloq avventura oħra, ‘Kong: Skull Island’ fuq din il-kreatura mitika, ambjentat fl-1973 fl-eqqel tal-gwerra fil-Vjetnam. Grupp ta' xjentisti, suldati u avventuriera kuraġġużi jingħaqdu flimkien biex jesploraw gżira eżotika, abbandunata u misterjuża fil-Paċifiku. Is-sbuħija ta' dan il-post hi xi ħaġa tal-għaġeb, iżda l-perikli li jinsabu hemm huma ħafna u fatali. Dan it-tim li jasal bil-helikopters meta jisplodu xi bombi biex jiċċekkjaw għal theżżiż ta' terremoti, jqanqal ir-rabja ta' gorilla kbira li tkissrilhom l-inġenji kollha.  Maqtugħin minn kull kuntatt u anki mxerrdin fi gruppi żgħar, dalwaqt se jirrealizzaw li dan mhux post għall-umani billi fih jinsabu diversi mostri differenti preistorici, feroċi u qattiela li se jagħmlu għalihom malajr. L-iskop tagħhom issa se jkun li jaraw kif se jirnexxilhom isalvaw. Tama ċkejkna tista' tiġi minn sorsi mhux mistennija. ‘Kong: Skull Island’ jippreżentalna avventuri gwappi u stupendi, b'armi sofistikati moderni, però nieqes mill-atmosfera mitika u sorprendenti tal-film oriġinali. Prosit għall-fotografija skwiżita u panoramika miġbuda f'diversi postijiet imbegħdin bħall-Hawaii, il-Kosta tad-Deheb tal-Awstralja u lokalitajiet differenti fil-Vjetnam li qatt qabel ma dehru fuq il-liżar il-kbir. Il-bidu ecitanti jfakkar f'‘Hell In The Pacific’ [1968] [suldat Amerikan u ieħor Ġappuniż turufnati fil-gwerra fuq gżira diżabitata jattakkaw lil xulxin], kif ukoll f'‘Apocalypse Now’ u anki jmiss ġeneri oħra bħal ‘Jurassic Park’.  Avventura qawwija li taqtagħlek nifsek!

 

Moonlight

Atturi Ewlenin: Trevante Rhodes; Andre' Holland; Janelle Monae; Ashton Sanders; Naomie Harris; Mahershala Ali

Direttur: Barry Jenkins

Maħruġ minn KRS Releasing | Tul: 111 min | Ċert: 15

Minn żmien għal żmien, minn Hollywood joħroġ xi film indipendenti, ta' livell ċkejken, però ta' natura speċjali li tant jintogħġob fil-festivals u mill-kritiċi. Wieħed minn dawn huwa ‘Moonlight’.  Ibbażat minn fuq reċta teatrali qasira ta' Tarell Alvin McCraney, ‘In Moonlight Black Boys Look Blue’, din il-produzzjoni tiffoka fuq tliet stadji mill-ħajja ta' Chiron. Ta' għaxar snin, Chiron [Alex Hibbert] magħruf bħala Little, tfajjel Afrikan/Amerikan li jgħix fi kwartier fqir ta' Miami fejn id-droga u l-kriminalità jirrenjaw, kuljum jitħabat biex isib postu fil-ħajja normali. Meta darba jissakkar ġo dar abbandunata biex jeħles minn tfal oħra li grew warajh, ikun Juan [Ali], negozjant tad-droga li jieħdu taħt il-protezzjoni tiegħu, billi m'għandux missier, u l-omm tiddependi fuq id-drogi. Issa adolexxenti, Chiron [Sanders], li sikwit ikun il-mira tal-bulijiet, fl-iskola jpattieha sewwa lil wieħed. Wara xi ftit żmien il-ħabs, l-adult Chiron [Rhodes] iħossu komdu fil-preżenza ta' Kevin [Jharrel Jerome]. Bl-isem issa ta' Black, hu jmur Atlanta jimita lil Juan, li kien miet, billi jinnegozja fid-drogi u jsuq karozza fl-istess stil tal-protettur tiegħu ta' qabel. Lejla waħda, Kevin [Holland] iċempillu u jistiednu għandu fir-ristorant tiegħu. Il-ħbiberija ta' qabel se terġa' tirranka? ‘Moonlight’ li tassew jibbrilla fit-tielet fażi tiegħu, jirrifletti biċ-ċar il-ħajja fl-Amerika tal-preżent waqt li hu dramm solidu u serju ta' formazzjoni fiżika pjutost tormentata, mgħejjun tajjeb minn grupp ta' atturi fl-aqwa tagħhom. Film rebbieħ ta' 3 Oscars, fosthom għall-Aqwa Film.

 

Viceroy’s House

Atturi Ewlenin: Hugh Bonneville; Gillian Anderson; Manish Dayal; Huma Qureshi; Michael Gambon

Direttrici: Gurinder Chadha

Maħruġ minn KRS Releasing | Tul: 106 min | Ċert: 12A

Għal aktar minn żewġ sekli, l-Indja kienet tifforma parti sostanzjali mill-qawwa tal-Imperu Brittaniku.  Dan is-sotto kontinent eżotiku ta' diversi kulturi, reliġjonijiet, lingwi u djaletti oħra kien magħruf bħala ‘The Jewel In The Crown’. Nista' ngħid, però, li t-tmiem tal-ħakma Brittanika f'dan il-pajjiż kellha effett katastrofiku. ‘Viceroy's House’ hu film ta' xeħta elaborata u grandjuza, mimli movimenti pjuttost kaotiċi meta l-Indja, biex tieħu l-indipendenza kellha tinqasam fi tnejn - l-Indja u l-Pakistan, l-aktar minħabba ż-żewġ reliġjonijiet dominanti, tal-Musulmani u tal-maġġoranza Hindu. Din il-qasma ta' proporzjonijiet ġganteski rat ‘diaspora’ tremenda, fejn mal-14-il miljun ruħ kellhom iterrqu bil-mixi lejn post ieħor, kif ukoll mal-miljun persuna mietu matul dan il-vjaġġ. ‘Viceroy's House’ jiffoka fuq id-dar maġisterjali tat-titlu, il-post fejn l-aktar bniedem b'awtorità kien jgħix fl-Indja. Fl-1947, is-sena ta' dan ir-rakkont, dan kien Lord Mountbatten, l-aħħar ‘viċire’ li kien jgħix f'dan il-lok, fejn fis-sular ta' fuq saru n-negozjati ta' dan l-avveniment bejn Lord Mountbatten [Bonneville] u l-mexxejja Indjani, Nehru, Ghandi u Jinnah, waqt li isfel l-Indjani li jaħdmu hemm, mal-500, kienu nċerti kif ir-riżultat aħħari ta' dawn it-taħditiet se jolqtuhom. Din id-dar li damet 17-il sena biex tinbena u tlestiet fl-1929, għoxrin sena wara saret ir-residenza tal-ewwel President ta' dan il-pajjiż.  Il-qasma titanika saret pjutost bil-għaġġla, ġabet ħafna sagrifiċċji u niket fuq dawk li kellhom jivvjaġġaw, fosthom in-nanniet tad-direttrici Gurinder Ċhada, li però twieldet f'Nairobi l-Kenja u tgħix fil-punent ta' Londra. ‘Viceroy's House’ permezz anki ta' xi filmati tal-epoka juri l-aspett traġiku u trawmatiku ta' deċiżjoni ta' malajr.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook