Oħti Helen

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Dak il-lejl ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn.

Għadni niftakru qisu lbieraħ. U nibqa’.

Oħti Helen.

Dakinhar kont tlift lil oħti.

Għalkemm kull min jitlef lil xi ħadd għażiż għalih, speċjalment meta jkunu parti minn familtu, kulħadd jiddispjaċih u jħoss it-telfa, jien tlift iżjed minn hekk. Jien dakinhar kont tlift parti minni.

Helen.

Helen kienet oħti t-tewmija.

Kienet eżatt ix-xbieha tiegħi. U iva, forsi xagħarha kien xi ftit aktar ċar minn tiegħi, imma mill-bqija, meta nħarsu lejn xulxin, konna qisna qegħdin inħarsu lejn mera.

Ommi kienet tlibbisna l-istess. Ilbiesi rrakkmati sbieħ, kalzetti pariġġ, żraben jaqblu ma’ ta’ xulxin…saħansitra x-xagħar; kienet tagħmilulna l-istess stil. Kienet tħobb tarana qisna żewġ pupi l-istess eżatt. U kull fejn immorru kienu jiggustawna…

Iżda dak il-lejl ma stajtx norqod.

Ommi kienet qiegħda isfel f’kamritha flimkien ma’ missieri. Kont rajtha aġitata. Lanqas biss kienet kellmitni. Ġurnata sħiħa tibki. Rajt lil missieri jagħtiha żewġ pirmli bojod, minn dawk tal-pakkett aħmar, daħlet f’kamritha tirtogħod u żżomm mal-ħajt u ma smajthiex tagħmel aktar ħsejjes.

Kienet raqdet.

Aħjar kien tani mqar waħda minn dawk il-pirmli wkoll għaliex jiena dak il-lejl kont għaddejtu nħares lejn is-sodda ta’ Helen.

Sodda vojta.

Fid-dlam tal-kamra stajt nara d-dell ta’ sodditha jirrifletti fuq il-ħajt, hekk kif id-dawl nemniemi tal-qamar kien qed jiffiltra ruħu minn ġol-purtiera tal-ħarir li kellna mdendla mat-tieqa.

Għaddejt lejl sħiħ bilqiegħda f’soddti, mgħannqa mal-imħadda.

Issa ma’ min kont ser nilgħab? Ħarist lejn il-ballun fil-kantuniera tal-kamra u lejn il-pupi mqiegħda fil-kaxxa tal-plastik ikkulurita. Issa ma kelli lil ħadd.

Għannaqt l-imħadda aktar bis-saħħa u għaddejt il-lejl sħiħ nisma’ l-ħsejjes tar-riħ ivenven barra kamarti, it-tabelli ta’ xi ħwienet iżaqżqu mar-riħ f’sinfonija monotona u l-inbiħ tal-klieb fil-bogħod.

Bdejt inħossni waħdi.

Kelli dwejjaq kbar.

Dak il-mument kont ser nibqa’ niftakru għal għomri.

Dakinhar filgħodu, il-mama kienet ħarġet bina t-tnejn ħalli mmorru nagħmlu x-xirja tas-soltu mingħand tal-merċa.

Helen kienet fuq tagħha. Anke jien ta’…imma Helen kienet aktar fuq ruħha minni. Lanqas biex timxi ma kellha paċenzja għax il-passi kienet taqbiżhom.

Dakinhar, jiena u oħti konna lebsin żewġ ilbiesi roża bil-bizzilla mal-għenuq. Max-xagħar, il-mama kienet ħadet ħsieb iddawrilna żewġt iċfuf pariġġ il-libsa.

Malli għaddiet bina t-tnejn mit-triq, ħarġet Duminka tal-ħanut tal-laħam tħares lejna. Fir-raħal, ħadd ma kien ikellimha. U l-ħanut tagħha, dejjem vojt kien ikun.

“X’inhuma ħelwin!” qalet Duminka lill-mama, dakinhar stess filgħodu hekk kif konna għaddejjin it-tlieta li aħna għal għonq it-triq.

Bla ma tbissmet, il-mama sellmitilha u kompliet tiġbed lili u lil oħti ’l quddiem.

Eżatt malli wasalna fit-triq parallela ma’ dik ta’ Duminka, donnu l-ħin beda jaħdem bil-mod. Rajt kollox iseħħ eżatt quddiem wiċċi.

F’ħakka t’għajn ġiet vettura b’veloċità qawwija.

Jien kont qed inħares lejn idejn ommi li kienet qed iżżommli idi. Imbagħad, ħarsti daret lejn Helen. Dak il-ħin, indunajt li Helen ma kinitx indunat li kienet ġejja karozza, ħalliet idejha minn ma’ dik ta’ ommi, niżlet taqbeż mill-bankina, dawret ħarsitha lejna u tkaxkret man-naħa ta’ quddiem tal-bumper, inbeżqet għal fuq il-bonnett tal-metall u taret fl-arja sakemm waslet ftit ’il bogħod minna.

Bil-qatgħa li kienet ħadet, ommi lanqas biss felħet tieħu nifs u waqgħet hi wkoll mal-art.

Dik il-ġurnata ma ninsieha qatt.

Oħti ġiet iċċertifikata mejta ftit ħin wara.

Minn dakinhar, ħajjitna nbidlet totalment.

Ommi ma baqgħetx li kienet. U lanqas missieri. Filli konna familja dejjem magħqudin flimkien, noħorġu, niċċajtaw, ngħaddu mumenti sbieħ u filli...donnu d-dlam tal-ħajja kien ħa kontroll ta’ kollox. Id-dar kont inħossni ser naqta’ n-nifs. Kont għadni wisq żgħira biex nifhem kollox, imma bdejt ninduna li kollox kien inbidel. Ġieli kont inkellem lil ommi u kienet tieqaf tħares lejja biċ-ċiera, distanti...kważi toħnoqni.

Naf, naf. Iva, naf.

Fija kienet tara lil Helen. Ġieli ħarsitha kienet kważi tgħaddi minn ġo fija, qisni jiena ma kontx qiegħda hemm. U dawn l-affarijiet vera kienu jweġġgħuni.

Imma mbagħad, ġara dak li kellu jiġri.

Rajt lill-ġenituri tiegħi jinbidlu. Erġajt bdejt nara xi tbissima fuq fomm missieri u ommi reġgħet bdiet toħroġ mid-dar, tgħannaqni u ġieli smajtha tkanta minn taħt l-ilsien waqt il-faċendi wkoll.

Darba minnhom, waqt li jiena kont qiegħda f’kamarti, smajt il-passi tal-papoċċ t’ommi resqin minn barra l-bieb.

Dawwart ħarsti u rajt lil ommi titfaċċa minn wara l-bieb.

“Edel...” qaltli, hekk kif resqet lejja, ħaditli l-pupa li kelli f’idi b’ġentilezza u poġġietha fuq is-sodda bilmod. “Irrid ngħidlek xi ħaġa...”

L-ewwel ħarist lejn il-pupa għaliex ngħid il-verità, dak il-ħin kont qiegħda mehdija sew magħha u ma kellix moħħ diskors. Ħarist lejn xuxitha sabiħ bjond, għajnejha kbar impinġijin suwed u l-libsa mżarrta xi ftit mill-ġenb, tant kemm kont ilni nġebbed fiha u nilgħab biha.

Imbagħad dawwart ħarsti lejn ommi, b’għajnejja kbar, miftuħin beraħ, lesti biex jaraw l-espressjoni ta’ ommi waqt li kont qed nistenna biex nisma’ din l-aħbar li kellha tagħtini.

“Se jkollna tarbija ġdida fil-familja, il-bambin...” waqfet ftit biex tieħu nifs. Dak il-ħin, bl-eċitament li kellha, bilkemm setgħet tinftiehem sew. “Il-bambin...se jerġa’ jagħtina lil xi ħadd ieħor ma’ min tilgħab inti.”

Dak il-ħin suppost fraħt. Iva, hekk kien suppost.

Iżda r-rabja kbira li qabditni ġo fija, ma nistgħax nispjegaha.

‘Jien lil Helen irrid!’ ridt ngħajjat u nwerżaq.

Imma minflok, għażilt li nitbissem, ħallejt lil ommi tgħannaqni u ħassejt nifisha jinqata’ hekk kif wiċċha kien eżatt ma’ widinti.

Iżda meta waslet dik il-ġurnata li kelli niltaqa’ mat-tarbija l-ġdida, kont ħerqana biex naraha iżjed milli kienu huma.

Mhux għax kont inħobbha. Iżda għax ridt nara min kien qed iqanqal din ir-rabja kollha ġo fija.

Stennejt li jgħajtuli ħdejhom. Kamra bajda mimlija nies lebsin kollox abjad jew aħdar. Riħa tal-kexxun ta’ fuq li kellna d-dar taħt il-mera tal-kamra tal-banju.

Rajt lil missieri ġej lejja mill-kuritur.

Ġrejt b’kemm kelli saħħa.

Eżatt malli rajt lit-tarbija, qalbi bdiet tħabbat b’mod mhux normali.

Ma għannaqthiex. Ma ridtx nerfagħha. Ir-riħa tfuħ ta’ trabi daħlet f’imnifsejja.

“Jisimha Helen...” qaltli ommi b’vuċi xi ftit maħnuqa, tirrifletti mumenti xi ftit diffiċli waqt il-ħlas.

‘Mhux sew!’ ridt ngħidilhom. Iżda bqajt siekta.

It-tarbija ġiet magħna d-dar u tgħidx kemm bdiet tikber. Fil-bidu kienet torqod fil-kamra t’ommi u missieri, iżda mbagħad meta beda għaddej aktar iż-żmien, ġiet torqod f’kamarti. Is-sodda ta’ Helen ma kinitx għadha hemm. Minflokha, il-papà kien ġab sodda oħra. Sodda ikbar u isbaħ. Iżda lili iżjed kienet togħġobni dik ta’ qabel. Għax dik kienet ta’ oħti. Oħti Helen.

Min kienet din biex setgħet tieħu post l-għażiża tewmija tiegħi?

“Meta jingħalaq bieb, jinfetħu mija,” kont smajthom jgħidu l-iskola.

 “Qed tara, xorta għandek oħtok,” kienu jgħiduli n-nies u t-tfal l-oħra.

Anke r-ritratti, l-affarijiet kollha li kellha l-għażiża oħti Helen, kienu ġabruhom kollha f’kexxun imsakkar ħalli ma jiftakrux fiha.

Dan kien iweġġagħni. Ħadd ma kien jifhimni!

“Tgħidilhiex lil Helen b’dak li ġara,” kienu qaluli. Ma ridux li oħti tkun taf bit-traġedja kbira li kienet ġratilna.

U jien ma ridtx naċċettaha. Din ma kinitx Helen.

Ir-rabja li kelli fija ma riditx titlaq.

Sakemm...

Sa dakinhar.

Dakinhar li oħti ż-żgħira ħarġet magħna għal għand tal-merċa għall-ewwel darba.

Konna mexjin minn quddiem it-triq li tagħti lejn il-ħanut ta’ Duminka. Jiena, ommi u oħti. Oħti bilkemm kienet għadha timxi sew, allura minħabba fiha, konna qegħdin nimxu bilmod. Ħarist lejn ommi u ħassejtni nirrabja. Ommi kienet qiegħda tħares lejn oħti u titbissem. Mhux sew. Mhux sew. Mhux suppost li kien hemm hi. Suppost kien hemm oħti Helen. Żgur ma kontx se nħobbha daqs oħti l-oħra.

Eżatt xħin wasalna quddiem il-ħanut, billi kienet l-ewwel darba li kienet qiegħda timxi fit-tul, rajt lil oħti togħtor minn sieq waħda, tinfixel tħares lejn il-ħanut ta’ Duminka u taqa’ mal-art.

Għajnejha mtlew dmugħ u rajtha qed iżżomm ġo fiha biex ma tibkix.

Komplejna nimxu lejn it-triq. Imn’alla ommi ma għamlitx plejtu u qagħdet tfissidha! Hekk kien jonqos!

Dak il-ħin, qalbi għamlet tikk.

F’dak il-preċiż post. Ġurnata fost l-oħrajn. Ġurnata sabiħa bħal lum.

Dakinhar.

Memorji.

Bdejt niftakar.

Il-ħsejjes tal-karozzi għaddejjin daħlu f’qalbi.

Tifla...karozza...ambulanza...demm.

Għafast idejn ommi. Ħarist lejn Helen.

Helen waqfet bilwieqfa. Lanqas biss riedet tiċċaqlaq. Rajtha tħares lejja. Rajtha tħares lejn ommi. Ommi kienet qiegħda tistenna li jgħaddu l-karozzi.

“Mamà, żommli jdejja,” qaltilha Helen. Pawża. Pawża twila.

Bqajna t-tnejn inħarsu lejha. It-tnejn li aħna siekta.

“Mamà żommli jdejja...għax jiġrili bħad-darba l-oħra,” qaltilha.

Ħassejt lil ommi tiksaħ, tiċċassa. Rajt xufftejha jirtogħdu. Riedet titkellem iżda ma feltħitx.

Iva, hekk hu.

Għax din kienet oħti Helen.

More in Divertiment