Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Films ġodda fiċ-ċinema din il-ġimgħa

Films ġodda li ħerġin fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Carmel Bonnici / 27 ta' Frar 2017 12:32
Resident Evil: The Final Chapter [3D]

Atturi Ewlenin: Milla Jovovich; Ali Larter; Shawn Roberts; Ruby Rose; Iain Glen

Direttur: Paul W.S. Anderson

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 106 min | Ċert: 15

Is-sensiela ‘Resident Evil’ waslet issa fis-sitt kapitlu tagħha, b'‘Resident Evil: The Final Chapter’ li hu 3D. Din is-serje addattata minn fuq sensiela ta' logħbiet vidjo ta' Capcorn hija l-aktar ‘franchise’ li daħħlet flus u kważi qabżet il-biljun dollaru. Fejn fil-maġġoranza assoluta, is-sequels ta’ wara jkunu inferjuri għall-produzzjoni ewlenija, personalment inħoss li ‘The Final Chapter’ hu l-isbaħ episodju, l-aktar eżileranti, b'atmosfera densa ta' bruda qawwija. Fil-parti prinċipali nerġgħu nsibu lil Alice [Milla Jovovich, fir-realtà l-mara tad-direttur Paul W. S. Anderson] l-unika waħda li rnexxielha ssalva mid-diżastru apokaliptiku kkawżat mill-Korporazzjoni Umbrella u mill-imgewħin ħajjin/mejtin għatxana għal-laħam uman. Fil-bidu, hi terġa' lura lejn Raccoon City, fejn din il-ħerba bdiet bit-tir li teqred il-laboratorji ta' din il-kumpanija. Però, l-Umbrella qed tiġbor il-forzi tagħha kollha għal kontra Alice u ż-zombies li qed jiżdiedu bl-eluf mas-saqajn. Hi u l-ftit sħabha li baqgħu jeżistu jimbarkaw fuq vjaġġ mimli perikli u anki mostri koroh. ‘Resident Evil: The Final Chapter’ jibda bħala ‘road movie’ [fil-vena ta' ‘Mad Max 2 - The Road Warrior’] b'mod brillanti fl-azzjoni sfiqa murija u jispiċċa fis-sotterrani tal-Korporazzjoni Umbrella bl-istess manjiera stupenda u ta' stagħġib tal-bidu.  Matul il-film tirrenja atmosfera morbida għall-aħħar u kważi ta' biża', l-aktar fis-sekwenzi maħduma f'lokal deżolat li tibża' tħares lejh u f'barriera antika li kienet minjiera, fl-Afrika t’Isfel.  Nista' faċilment niddeskrivi dan ix-xogħol bħala ‘a continuous action-thrill ride’. Bis-suċċess li qed jikseb l-aktar fl-Ewropa, nistennew aktar kapitli!

 

Toni Erdmann

Atturi Ewlenin: Peter Simonischek; Sandra Huller; Michael Wittenborn; Ingrid Bisu; Thomas Loibl

Direttrici: Maren Ade

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 162 min | Ċert: 15

‘Toni Erdmann’ jasal fostna bi kritika li faħħritu mas-sema, b'rebħ ta' ħafna premjijiet, speċjalment b'ħamsa fil-European Film Awards u b'nominazzjoniji fl-Oscars għall-Aqwa Film Barrani li, personalment, inqisu l-favorit nett f'din il-kategorija. Din hija produzzjoni Ġermaniża/Awstrijaka, bis-sotto titoli, miktuba, ko-prodotta u diretta b'effiċjenza kbira minn Maren Ade. Fiċ-ċentru tal-istorja nsibu lil Winfreid Conradi [Simonischek], anzjan għalliem tal-mużika, iddivorzjat, li l-passatemp tiegħu hu li jivvinta ċajt sfrenat u joħloq sitwazzjonijiet bizarri verament tad-daħk. Fil-bidu, jġennen lil wieħed pustier li jġiblu pakkett irreġistrat, u jivvintalu ħafna qlajjiet sakem jiffirma li rċevieh. Il-qofol ta' dan ix-xogħol hu r-relazzjoni ta' Winfreid ma' bintu Ines [Huller], mara b'aspirazzjonijiet ħerqana li tfittex karriera profitabbli. Meta hi tieħdu f'diversi okkażjonijiet soċjali fejn ikunu mistednin nies puliti, hu jkun liebes ta' kafkaf.  B'mod tassew umoristiku, meta jieħu l-isem ta' Toni Erdmann, liebes parrokka xagħar iswed u snien foloz,  jintroduċi ruħu bħala wieħed li jagħti l-pariri siewja dwar il-ħajja. Għall-ewwel hi tirrabja miegħu għax barra li qed jimbarrazzaha quddiem dawn il-mistednin distinti, qed ukoll jisfrattalha ħajjitha. Però, wara tirrealizza kemm hi kienet egoista, persistenti u pjuttost arroganti. ‘Toni Erdmann’ hija kummiedja gwappa, bla brejkijiet li qatt ma tinżel f'xi banalità kif ukoll tħalli warajha togħma qarsa ta' melodramma kiefra u anki ħjiel ta' traġedja.  Id-direttrici Maren Ade tassew żammet kontroll ikkalkulat fuq din il-produzzjoni li fl-aħħar nofs siegħa tassew tiżvolgi b'mod brillanti u anki sempliċi li qatt ma tistennieh. Il-ħin twil tiegħu ta' aktar minn sagħtejn u nofs ma tarahx għaddej.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook