Il-kantanta Amber tiffirma ma' Universal Talent Group f'Londra

Ftehim ta’ kollaborazzjoni professjonali b’mod esklussiv mal-artista, issa internazzjonali Amber

Il-kumpanija maniġerjali Universal Talent Group għandha l-pjaċir tħabbar ftehim ta’ kollaborazzjoni professjonali b’mod esklussiv mal-artista, issa internazzjonali Amber.

Amber diġà kellha x-xorti li tkanta waqt avvenimenti internazzjonali kbar inkluż MTV Europe kif ukoll fil-Eurovision Song Contest tal-2015 meta rrapreżentat lil Malta. Amber kellha wkoll l-opportunità li tagħmel dwett mat-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja, ma’ Gigi D’Alessio, Suor Cristina, kif ukoll ma’ Ronan Keating.

B’vuċi unika, straordinarja u dinamika Amber kapaċi tgħaqqad b’mod partikolari ħafna l-mużika Pop u RNB mal-mużika ‘Soul’. Il-karatteristika tal-vuċi tagħha tagħti lemħa lill-vuċijiet ta’ artisti popolari bħal Gwen Stefani u Rita Ora.

Amber diġà tinsab impenjata ħafna u l-2017 tidher li ser tkun sena eċċitanti mmens għall-karriera mużikali tagħha.

“Dan huwa pass importanti ħafna f’ħajti. Bdejt vjaġġ ġdid flimkien mal-Universal Talent Group. Hija l-ħolma li dejjem xtaqt li ningħaqad ma’ tim internazzjonali. Din hija kumpanija li għandha esperjenza vasta f'dan il-qasam. Huwa tim professjonali u jaħdmu b’dedikazzjoni kbira. Inħossni kuntenta u komda ħafna naħdem ma’ dan it-tim sabiex jeħodli ħsieb il-karriera mużikali. Minkejja li għadni kemm iffirmajt, diġà nħossni parti mill-familja kbira tagħhom. Ninsab ċerta li l-esperjenza ma’ Universal Talent Group se tkun waħda eċċitanti, produttiva u li tħalli l-frott mixtieq!” stqarret Amber meta ffirmat il-kuntratt ma’ Universal Talent Group ġewwa Londra.

Paul Collum, id-direttur maniġerjali tal-promozzjoni għall-artisti ta’ Universal Talent Group stqarr li jinsab kuntent ħafna u jilqa' lil Amber bħala membru ġdid tal-familja ta’ Universal Talent Group.

“Ninsabu eċċitati ħafna li se nkunu qed nassistu lil Amber fl-istadji li jmiss tal-karriera tagħħa. Waħda mill-affarijiet li ttina passjoni hija li naħdmu ma’ artisti b’talent li jħalli marka fuq il-futur tal-mużika. Ċerti li bil-vuċi impressjonanti ta’ Amber kif ukoll bil-karattru amikevoli tagħha, hija ser tkun qed tagħmel isem li kulħadd jkun qed jitkellem dwaru!” qal Collum

More in Divertiment