Minn Belle u Wonder Woman, għas-swat bil-frosta

Xalata ta’ films ġodda għall-2017

Il-film Baywatch se jirritorna fl-2017
Il-film Baywatch se jirritorna fl-2017

Il-kumpaniji kbar ta' Hollywood jieħdu idea mis-sena ta' qabel, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dak li l-aktar li jinteressa u jattira lill-udjenzi, u b'hekk jippreparaw proġetti li l-għan tagħhom ikun, barra li jissodisfaw lill-pubbliku, li jdaħħlu profitti tajbin. Bħalissa, l-aktar films popolari huma l-blockbusters dwar is-supereroj, ibbażati minn fuq il-kotba komiks u l-produzzjonijiet animati. Il-proċess tad-3D diġitali qed jiġbed ħafna ammiraturi wkoll, u fl-2017, diversi films se jintwerew ukoll b'dan il-metodu. Xogħlijiet ta' azzjoni qawwija, kummiedji sfrenati, fantasija, biża' u twerwir, xi ġrajja minsija mill-istorja u oħrajn żgur li mhux se jonqsu. F'din is-selezzjoni żgħira, ppruvajt immiss diversi ġeneri.

L-indikazzjonijiet ta' diversi nominazzjonijiet u kliem ta' tifħir jindikaw li l-film mużikali dwar l-imħabba bejn waħda li sservi f'bar ta' studio ta' Hollywood u pjanista tal-mużika jazz f'Los Angeles, ‘La La Land’, jista' jkun is-sorpriża tas-sena. Kant u żfin ‘tapping’ taż-żmien tad-deheb tal-produzzjonijiet mużikali bl-attur Fred Astaire, iżda bi stil modern, jaħdmu f'dan il-film Emma Stone u Ryan Gosling, taħt id-direzzjoni mħarrka ta' Damien Chazelle.

Annette Benning tidher li qed tiddomina fil-kummiedja/drama ‘20th Century Women’. Din hi l-istorja ta' tliet nisa li qed jesploraw l-imħabba u l-libertà f'California t’Isfel lejn l-aħħar tas-snin sebgħin. Id-direttur hu Mike Mills u jidhru wkoll Elle Fanning, Greta Gerwig u Billy Crudup.

Wara s-suċċess li kellhom b'‘The Lego Movie’, il-Warner Bros. issa pproduċew xogħol ieħor animat, avventuruz u mimli azzjoni, ‘The Lego Batman Movie’. Bruce Wayne [Batman] irid mhux biss jieqaf lill-kriminali li dejjem jinbtu f'Gotham City, imma issa jkun ukoll responsabbli ta' tifel li adotta.  Jenny Slate, Ralph Fiennes, Rosario Dawson u Zach Galifianakis huma l-vuċijiet ewlenin taħt id-direzzjoni ta' Chris Mackay

Beauty and the Beast fis-swali taċ-ċinema fl-2017
Beauty and the Beast fis-swali taċ-ċinema fl-2017

‘Beauty And The Beast’. Il-kumpanija Disney se taddatta din il-ħrafa klassika f'xogħol romantiku mużikali, din id-darba b'atturi reali dwar mostru [li hu prinċep taħt seħer] u tfajla li ssir tħobbu. L-atturi huma Emma Watson, Dan Stevens, Gugu Mbatha-Raw u Luke Evans, bid-direzzjoni ta' Bill Condon.  

‘The Zookeeper's Wife’ hu xogħol bijografiku li jirrakkonta l-istorja vera ta' Antonina u Jan Zabinski li kienu jieħdu ħsieb iz-Zoo ta' Varsavja fi żmien l-okkupazzjoni Nazzista, u kienu ta' għajnuna lill-mijiet ta' nies u annimali. Il-kast jinkludi lil Jessica Chastain, Daniel Bruhl, John Heldenbergh, taħt id-direzzjoni ta' Niki Caro.

Mistenni b'ħerqa kbira, aktarx fi Frar, hu żgur ‘Fifty Shades Darker’, is-sequel ta' ‘Fifty Shades Of Grey’. Waqt li Christian jinsab fi stat ta' ansjetà, Anastasia trid tiffaċċja r-rabja u l-għira tal-mara li indaffret miegħu qabilha.  Dakota Johnson u Jamie Dornan qed jerġgħu jirrepetu l-partijiet tagħhom flimkien ma' Kim Basinger u Tyler Hoechlin. Din id-darba d-direttur hu James Foley.

Is-sensiela ‘X-Men’ mid-dinja tal-kotba komiks Marvel tkompli għaddejja bil-film spettakolari mimli effetti speċjali viżwali, ‘Logan’. Fil-futur qrib, Logan aka Wolverene [Jackman], issa kiber sewwa, u Professor X jiltaqgħu biex jipproteġu tfajla ‘clone’ minn organizzazzjoni malinna mmexxija minn Nathaniel Essex. James Mangold jidderieġi u jieħdu sehem ukoll Hal Holbrook, Doris Morgade u Patrick Stewart.

Żgur li l-film ‘Kong - Skull Island’ se jipprovdi avventuri fantastici mimlija azzjoni. Din id-darba se mmorru lura fiż-żmien għall-oriġini tal-gorilla enormi, King Kong. Brie Larsen, Toby Kebbell u Sameul L. Jackson huma l-atturi prinċipali, bid-direzzjoni tkun ta' Jordan Vogt-Roberts.

Is-sensiela televiżiva ‘Baywatch’ [1989 - 2001] introducietna mas-‘sexy’ u t-tassew attraenti Pamela Anderson. Il-produzzjoni ċinematografika ‘Baywatch’, li fiha Anderson ukoll għandha parti, tirrakkonta l-istorja ta' tlett irġiel ippikati min minnhom se jakkwista l-impieg ta' gwardjan li spiss jagħmel ir-ronda f'xatt ta' California ppakkjat bi tfajliet sbieħ u grazzjużi lebsin biss bikini. Seth Gordon jidderieġi lil Alexandra Daddario, Priyanka Chopra u lil Kelly Rohrbach.

Iż-żgħażagħ l-aktar, qed jistennew bil-ħerqa ‘Fast And Furious 8’ magħruf ukoll bħala ‘The Fate Of The Furious’, thriller mimli azzjoni u eċitament. Meta mara misterjuża tħajjar lil Dom [Vin Diesel] fid-dinja tal-kriminalità u anki biex jittradixxi lil dawk l-aktar għal qalbu, sħabu se jiffaċċjaw inkwiet li bħalu qatt ma ltaqgħu miegħu. Jaħdmu wkoll Dwayne Johnson, Charlize Theron, Scott Eastwood u fil-parti tal-kattiv, Jason Statham. Id-direttur hu F. Gary Gray.

Film ieħor avventuruż, bijografiku mill-istorja ta' seklu ilu hu ‘The Lost City Of Z’, ibbażat minn fuq il-ktieb bestseller ta' David Grann tal-istess isem. Din l-istorja vera u drammatika tittratta l-esploratur Brittaniku, il-Kurunell Percival Fawcett li sparixxa waqt li kien qed ifittex belt misterjuża fl-Amazon fis-snin għoxrin. Id-direttur James Gray imexxi lill-atturi Tom Holland, Charlie Hunnam, Sienna Miller u Robert Pattinson.

Aktarx f'Mejju, nistennew lill-Kaptan Jack Sparrow [Johnny Depp] jgħaddi minn avventuri misterjużi u fantastiċi fil-blockbuster ‘Pirates Of The Caribbean: Dead Men Tell No Lies’. F'dan il-ħames episodju ta' saga ta' profitti, Sparrow qed ifittex ix-xettru bi tliet ponot ta' Poseidon, l-Alla Grieg tal-Baħar. Taħt id-drezzjoni ta' Joachim Ronning u Espen Sandberg, jerġa' jidher Geoffrey Rush, flimkien ma' Javier Bardem, bħala l-Kaptan kattiv Salazar u Orlando Bloom.

Jidher li fl-aħħar, wara attentati numerużi, ‘Wonder Woman’ se jsib ruħu fuq il-liżar il-kbir. Gal Gadot li diġà nterpretat din il-parti f' ‘Batman Vs Superman’ issa terġa' tilbes il-kostum sexy li għamel lil Lynda Carter tassew popolari fis-serje televiżiva tas-snin sebgħin. Prinċipessa mill-Amażonja titlaq mill-gżira fejn twieldet biex tesplora d-dinja u b'hekk issir erojina mill-aqwa. F'dan il-blockbuster, li għandu joħroġ f'Ġunju u li hu dirett minn Patty Johnson, jaħdmu wkoll Chris Pine, Robin Wright u Connie Neilsen.

More in Divertiment