Kantanti Maltin fiċ-ċans li jaslu sal-finali ta’ Festival Taljan

Ir-rebbieħa jkollhom ċans jiffirmaw kuntratt ma' produzzjoni Taljana

Cheryl Balzan, l-ewwel kantanta Maltija reġistrata | ritratt: Perfect Image Studios
Cheryl Balzan, l-ewwel kantanta Maltija reġistrata | ritratt: Perfect Image Studios

L-assoċjazzjoni Elevision, imwaqqfa apposta bl-għan li tippromwovi kemm tista’ t-talent fl-Italja, ilha mill-2012  torganizza l-festival Eleonora Lavore. Il-premju Eleonora Lavore huwa organizzat bl-għan primarju li jfakkar it-tfajla żagħżugħa ta’ 15-il sena, Eleonora Lavore, li ntilfet f’inċident marittimu sfortunat. Għalkemm ta’ età żgħira, hija kienet tqatta’ ħafna mill-ħin tagħha tikteb il-poeżiji u r-rumanzi, minbarra li kienet ukoll kantawtriċi. B’ħafna passjoni għall-arti, għall-mużika u għall-kitba, Eleonora kienet titpaxxa tibqa’ wara l-kwinti waqt li tappoġġja t-talent ta’ artisti oħrajn. 

L-Elevision jieħu ħsieb ilaqqa’ flimkien għadd ta’ professjonisti mis-settur tal-arti u l-ispettaklu bl-għan li jikxef it-talent moħbi f’kull naħa tal-Italja. Dawn il-professjonisti huma kollha responsabbli sabiex jaħdmu għall-promozzjoni ta’ kull artist, kemm fuq il-livell nazzjonali  kif ukoll dak internazzjonali, b’reklamar kull ġimgħa fuq ir-rivista TUTTO, programmi televiżivi u xandiriet permezz ta’ Youtube (Elevision). Barra minn hekk, il-kontestanti jgawdu mill-garanzija ta’ ġurija professjonali b’personaġġi mir-RAI, flimkien mal-preżentaturi Angelo Martini u Pamela Olivieri. 

Matul is-semifinali , li ta’ kull sena tiġi organizzata ġewwa Ruma, jingħażlu 20 finalist/a li f’Awwissu jkunu mistennija jippreżentaw irwieħhom fi Sqallija għall-finali tal-Premju Eleonora Lavore, akkumpanjati minn orkestra Live, ġurija u mistiedna nazzjonali, quddiem iktar minn ħamest elef spetattur.

Kull sena jittella’ prodott ta’ kwalità, u dis-sena mhux inqas, speċjalment bil-parteċipazzjoni tal-Maltin, li grazzi għall-artista brava, Marilanda Maello, jistgħu jiksbu post fis-semifinali. Maello ilha 3 snin tgħix f’pajjiżna, u ilha daqstant ieħor tinnota t-talent li hawn fuq din il-gżira. Biss, tixtieq li tifrex dan it-talent lil hinn minn xtutna bit-tama li xi ħadd Malti wkoll ikollu ċans jirbaħ dan il-premju tant prestiġjuż. Ir-rebbieħ/a finalment se jkollu ċans jiffirma kuntratt għal produzzjoni Taljana. Dawk kollha interessati għandhom jirreġistraw ma’ Dott. Marilanda Maello fuq il-linji 7777 0748 jew 7959 9411. Jistgħu jibagħtu wkoll e-mail fuq [email protected]. Ir-reġistrazzjonijiet fetħu fl-1 ta’ Diċembru u mistennijin jagħlqu fil-31 ta’ Marzu. Huma eleġibbli kantanti bejn l-14 u l-35 sena.

More in Divertiment