X’qed jinħema fit-televiżjoni Malti?

Nagħtu ħarsa lejn x'kellhom xi jgħidu l-istazzjonijiet ewlenin dwar l-iskedi l-ġodda u xi xtaqu jgħidu l-kritiċi dwar it-televiżjoni Malti

Hekk kif it-tħejjijiet għall-iskedi tax-xitwa fuq it-televiżjoni jinsabu fl-aqwa tagħhom il-ġurnal ILLUM ried jiskopri eżatt x’qed isir minn wara l-kwinti fl-eqqel tas-sajf bi preparazzjoni għax-xitwa. B’hekk għamel xi mistoqsijiet lit-tliet stazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna u staqsa eżatt x’qed jiġi mhejji. Barra minn hekk, staqsejna wkoll numru ta’ persuni dwar x’jaħsbu fuq it-TV Malti, x’hemm tajjeb? X’hemm ħażin? Kif aġġorna ruħu mill-passat u x’hemm bżonn jinbidel?

Il-PBS qed iġedded l-impenn tiegħu li jipproduċi skedi ta’ kalibru għoli. Dan qed jagħmlu billi jagħżel programmi ta’ kwalità għolja li jinfurmaw, jedukaw u joffru divertiment lill-udjenzi Maltin. Minn staġun għall-ieħor, kull stħarriġ tal-fehma pubblika juri żidiet sostanzjali fl-udjenzi ta’ TVM u TVM2.

Il-qasam tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti huwa wieħed mill-pilastri
ewlenin tal-istazzjon. F’din l-iskeda, minbarra l-bulettini tal-aħbarijiet diġà stabbiliti, l-istazzjonijiet se jipprovdu għadd ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti tul il-firxa tal-jum.
Id-drammi bil-Malti dejjem kienu mill-aktar popolari u TVM kien pijunier f’dan il-qasam. Dan l-impenn qed jinżamm ukoll fl-iskedi għax-xhur li ġejjin.
L-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-PBS se jittrasmettu wkoll firxa varjat ta’ programmi kulturali u informattivi li jitrattaw, fost affarijiet oħra, attivitajiet kulturali, storja, ġeografija, xjenza, biedja, moda, aspetti artistiċi u aspetti ambjentali.
TVM2, li issa hu sinonimu bit-trasmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, se jerġa’ jxandar iċ-Champions League tal-UEFA u l-Europa Leagues, il-partiti ta’ kwalifika tal-logħob Ewropew tal-2016, il-BOV Premier League u varjetà ta’ programmi oħra dwar sport popolari u sport ieħor anqas segwit.

Il-logo ta' NET TV
Il-logo ta' NET TV
Josef Fitzpatrick, il-Kap tal-Programmi ta' NET Tv
Josef Fitzpatrick, il-Kap tal-Programmi ta' NET Tv

 

Bħal kull sena f’dawn il-ġimgħat jkunu għaddejjin l-aħħar thejjijiet biex tkun finalizzata l-iskeda tal-ħarifa.
Fl-aħħar jiem ħarġet sejħa għal atturi għal drama li se tkun qed tixxandar f’din l-iskeda. Ir-rispons tan-nies kien wieħed ferm pożittiv. Għalkemm għalissa ma tantx ħarġet informazzjoni fuq xiex se tkun tikkonsisti, persważi li se tiġbed l-udjenzi. Drama oħra li se tkun magħkom f’Ottubru li ġej hi dik ta’ Eileen Montesin.
Issa se nwasslu Dejjem Tiegħek Becky. Hekk kif fil-jiem li għaddew bdejna bir-ripetizzjonijiet tal-aħħar sensiela se jibdew episodji ġodda, ir-rispons li kien hemm kien wieħed tajjeb ħafna u persważi li għal darb’oħra se jkun hemm udjenza numeruża li se ssegwi d-drama fuq Net TV.
Ma jonqsux programmi li diġà kienu qed jixxandru fl-iskeda li għaddiet u li se jibqgħu magħkom għal skeda oħra.

 

Il-logo ta' ONE TV
Il-logo ta' ONE TV
Ruth Micallef, il-Kap tal-Programmi ta' ONE Tv
Ruth Micallef, il-Kap tal-Programmi ta' ONE Tv

Bħal kull sena ONE ikun minn ta’ quddiem fost l-istazzjonijiet lokali sabiex jipprovdi l-aqwa kumpanija lis-segwaċi tiegħu 24 siegħa kuljum. Bl-għan prinċipali tiegħu dak li jkun stazzjon għall-familja kollha, ONE mill-iskeda l-ġdida tal-ħarifa, se jkun qed jipprovdi xejn anqas minn erbgħin programm, mifruxin matul il-ġimgħa kollha.
Fost programmi ġodda bħal Talk To Me, program li se jqajjem ħafna kurżità u ritorn ta’ programmi oħra bħal Esperti, is-segwaċi lokali, bla dubju jkunu qed jistennew id-drama. Mill-ħarifa ONE se jkun qed jipprovdi sensiliet immirati għal kulħadd, fost dawn nistennew it-tieni staġun ta’ It-Tfal u ta’ Midinbin. Ma’ dawn tiżdied produzzjoni ġdida, Rifless. B’hekk ONE se jkun qed jipprovdi tliet drama matul il-ġimgħa.
Bħalissa jkunu għaddejjin l-aħħar diskussjonijiet bejn id-djar tal-produzzjoni u l-istazzjon, sabiex kollox ikun lest sabiex tibda skeda oħra impenjattiva. 

 

Forsi hemm bżonn li x-xandara tagħna jesperimentaw aktar mingħajr ma jiksru l-kodiċi ta’ etika li tiswielhom xi multa - qisu li fi żmien passat, il-produtturi u d-diretturi kienu jieħdu aktar riskji u allura setgħu jkunu aktar kreattivi… u dan, meta ma kellhomx biex jaħdmu. 
Illum sar żvilupp enormi fit-teknika tal-iffilmjar u l-editjar, grazzi għat-teknoloġija ġdida kif ukoll għall-mod kif it-tekniċi tagħna adottaw influwenzi pożittivi barranin u aċċettaw il-fatt li wieħed għandu bżonn jitħarreġ professjonalment. Il-kwalità teknika tjiebet immensament imma, sfortunatament, ħafna drabi l-kontenut tal-programm mhux dejjem jilħaq l-istess livell, allura n-nuqqas ta’ professjonalità tinħass xorta waħda u programm bħal dan aħjar twaqqfu. Imma jekk għandek programm teknikament tajjeb b’kontenut eċċellenti u n-nies juruk li jriduh, allura ħallih għaddej – imqar sena wara sena.

Rajt stili ġodda u interessanti ta’ reċtar. Għandna ħafna atturi bravi, anzi bravissimi - imma hemm oħrajn li għax ħadu sehem f’xi teleserje jew tnejn, qishom laħqu xi quċċata tad-deheb. Jiddispjaċini ngħid li ħafna minn dawn ’l hekk imsejħa ‘atturi’ anqas biss misshom jazzardaw jersqu biex jidhru aktar u aktar jissejħu atturi.
Dwar id-drama għat-televiżjoni, nixtieq li terġa’ tidħol id-drawwa li jixxandru xogħlijiet li jibdew u jispiċċaw f’serata waħda, stil ta’ divertiment li jissodisfa ħafna telespettaturi li m’għandhomx il-paċenzja jew il-ħin biex isegwu teleserje li jibqa’ għaddej ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar - u li għandna wisq minnhom.

U hemm bżonn li nerġgħu nibdew nidħqu. Il-Maltin veru li jħobbu jibku, imma naħseb aktar iħobbu jidħqu… u mhux il-Maltin biss! Id-daħq huwa l-aqwa duwa kontra l-istress tal-ħajja u l-umoriżmu jinżel għasel wara ġurnata xogħol. Għandna bżonn nerġgħu nibdew nidħqu u mhux nagħmlu xhur sħaħ, skeda wara skeda, kulħadd qisu wiċċ Laskri. 

Tanja Cilia - Kittieba
Tanja Cilia - Kittieba

Bil-progress kollu li sar fit-teknoloġija, ma sarx daqstant ieħor fil-kontenut tal-programmi. Dan mhux qed ngħidu biss għax fis-sajf ikun hemm ħafna ripetizzjonijiet ta’ ripetizzjonijiet.
Minn mindu qagħdet li dak li jkun jista’ jixtri l-airtime u barra bid-daqq, qed naraw nies li mingħalihom li għax jidħlu fi djarna b’għafsa ta’ swiċċ, saru xandara. Hawn minnhom li anqas jafu jitkellmu sew bil-Malti, u oħrajn li anqas idea ta’ kif għandek iġġib ruħek quddiem kamera, m’għandhom. Jekk tkun sabiħ, u b’figura li tpaxxi lit-telespettaturi, żgur ma jfissirx li awtomatikament tikkwalifika biex tippreżenta programm. 

"Hawn minnhom li anqas jafu jitkellmu sew bil-Malti" Tania Cilia

Tabilħaqq, qed jintefqu ferm iżjed flus fuq xandiriet minbarra l-istudjos; u d-ditti jafu li jkun sew jekk jirriklamaw ’l hawn u ’l hinn. Iżda jien jidhirli li dan il-gelgul ta’ flejjes ma ssarrafx f’iżjed varjetà.
Qabel, teledramm kien ikun addattazzjoni ta’ rumanz, jew xi ħaġa għall-familja kollha. Daż-żmien, naraw sitwazzjonijiet li kieku suppost li jidhru wara l-watershed, iżda bi ftit illapazzar, jiżgiċċaw miċ-ċensura biex ikunu jistgħu jiġu mtennija filgħodu. 
Rigward programmi li ilhom għaddejjin ma jidhirlix li għax programm ikun ilu sejjer is-snin, għandu jinqata’, la darba jkun suret in-nies u jkun qed jiġi segwit.

F’dawn l-aħħar staġuni xi wħud mill-produzzjonijet lokali għamlu qabża kbira fil-kwalità. Nemmen li din il-qabża saret għax hawn numru ta’ individwi u kumpaniji li veru jaħdmu bil-qalb u kreattivi. Il-fatt li t-teknoloġija saret ukoll aktar aċċessibli għenet biex issir din il-qabża.
Bħalma hawn produzzjonijiet tajbin hawn ukoll oħrajn li huma rudimentali immens, però nemmen li telespettatur sar jaf jagħżel. Il-kontentut sar varjat għalkemm nemmen li fadlilna niċeċ x’nesploraw. L-iktar għadma iebsa għalina l-produtturi hija l-kompetizzjoni ta’ produzzjonijiet barranin, li l-baġits tagħhom ikunu ferm ikbar minn tagħna, għalhekk lokalment l-ikbar uġigħ ta’ ras hija li toħloq produzzjoni ta’ livell bil-baġits li għandna. Però l-Malti huwa ħabrieki u jaħdem ħafna u grazzi għas-sagrifiċċju ta’ numru ta’ individwi l-kwalità dejjem qed tikber.

Christa Boffa - Kittieba
Christa Boffa - Kittieba

Forsi frażi li ddejjaqni hija “Mhux ħażin, meta tqis li hu prodott Malti” - bħal qisu ħadnieha ovvja li prodott Malti jrid ikun medjokri. Naħseb li l-problema bit-televiżjoni Malti, bħal ħafna problemi oħra għandu l-għeruq tiegħu fin-nuqqas ta’ kunfidenza tagħna - mentalità post-kolonjali li donnha ma trid titlaq qatt. Ma nafdawx f’dak li kapaċi nagħmlu aħna, f’dak li kapaċi nivvintaw aħna - u minflok induru lejn x’qiegħed isir barra u naraw kif nagħmlu biex nikkuppjawh. Sfortunatament, kif jixhdu qabda kbira mill-programmi Maltin, il-kopja toħroġ xi ftit żdingata. 

Meta xi ħadd jirnexxielu joħroġ b’idea ftit differenti, sal-istaġun televiżiv ta’ wara, tara l-istess tip ta’ programm jinbet fuq kull stazzjon - u jxandruhom kollha fl-istess serata ma jmurx jitilfu telespettatur wieħed. Ir-riżultat ta’ dan huwa li teqleb fejn teqleb issib l-istess tip ta’ programm. 
Forsi wasal iż-żmien li ninvestu fil-kwalità tal-istazzjonijiet u mhux fil-kwantità. Forsi wasal iż-żmien li nqaċċtu l-istess uċuħ li xbajna naraw sa minn żmien żemżem. Tkun idea tajba li nsibu mod ftit aktar utli ta’ kif nimlew il-ħin żejjed fuq it-televiżjoni, għax ejja ngħiduha kif inhi, ħadd qatt ma qal “Xi pjaċir ħadt nara t-telexopping illum!”

It-televiżjoni Malti m’għandux ikun qisu d-dramm tal-parroċċa - “uwija, dak jaf ikanta ftit; int ġibu issa naraw”. Il-kompetizzjoni li għandu t-televiżjoni Malti, speċjalment mal-iżgħar ġenerazzjonijiet, hija waħda kbira. Ftit huma dawk li ħa jagħżlu li, qabel kollox jixgħelu t-televiżjoni flok jaraw xi ħaġa fuq l-internet - aħseb u ara jekk dak li qed toffrilhom fuq it-televiżjoni huwa prodott medjokri. 
Naħseb ukoll, li ma tkunx idea ħażina li kieku nagħtu opportunitajiet akbar lil hekk imsejħa “youtube-isti” Maltin - nies li b’inqas riżorsi u fondi jirnexxielhom itellgħu aktar spettaturi fuq il-vidjows tagħhom fuq l-internet, minn uħud mill-programmi fuq it-televiżjoni Malti. 

More in Divertiment