29 każin tal-banda jirċievu €150,000 bejniethom

Il-Ministru Owen Bonnici faħħar ix-xogħol li jagħmlu dawn is-soċjetajiet fejn jidħlu tradizzjonijiet u t-tagħlim tal-mużika

29 każin tal-banda ħadu bejniethom is-somma ta’ €150,000 grazzi għall-fond li jsaħħaħ ix-xogħol kulturali li jsir minn dawn is-soċjetajiet.

Ħabbar dan, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li faħħar ix-xogħol li jagħmlu dawn is-soċjetajiet fejn jidħlu tradizzjonijiet u t-tagħlim tal-mużika, xogħol li ħafna drabi jsir b’mod volontarju. 

“Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern rigward is-settur kulturali hi li aktar nies għandhom jibbenefikaw minnu. Dawn is-soċjetajiet mużikali huma katalisti biex jattiraw aktar udjenzi lejn is-settur kulturali, u permezz ta’ opportunitajiet ta’ din is-sura, qegħdin ninvestu aktar lejn prodott kulturali u artistiku aħjar,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa fakkar kif filwaqt li jiffokaw fuq it-tagħlim tal-mużika għat-tfal u ż-żgħażagħ, huma jorganizzaw ukoll attivitajiet kulturali u tradizzjonali, li jilħqu l-qofol tagħhom matul l-attività ewlenija tagħhom – il-festa tal-belt jew ir0raħal. 

“Il-binjiet li jinsabu fihom ħafna drabi wkoll ikun fihom oġġetti ta’ valur storiku filwaqt li huma ta’ importanza storika fihom infushom,” fakkar Bonnici.

Il-fond, li qiegħed fit-tielet sena konsekuttiva tiegħu, jibni fuq is-suċċessi tal-edizzjonijiet ta’ qabel u hu ta’ appoġġ għal numru ta’ inizjattivi proposti mis-soċjetajiet innifishom. 

Il-fond kien miftuħ għas-soċjetajiet mużikali kollha f’Malta u Għawdex u li huma reġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji u kompjaċenti mal-Att għall-Organizzazzjonijiet Volontarji sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet; soċjetajiet eliġibbli kellhom ikunu wkoll membri attivi tal-Għaqda Każini tal-Banda skont l-istatut tagħha. 

Dan il-fond huwa mmaniġġjat mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Matul l-istess ċerimonja rappreżentant minn kull Kamra tan-Nar li taħdem fuq bażi volontarja ngħata First Aid Kit.

More in Arti