Serje animata dwar l-istorja ta' Malta se tintwera mill-ġimgħa d-dieħla

Heritage Malta ppubblikat ktieb tat-tpinġija biex jikkumplimenta din is-sensiela animata

L-istorja ta’ Malta se tkun qed tinbidel b’serje animata ta’ seba episodji bil-għan li tqanqal iktar lit-telespettaturi biex jitgħallmu iktar dwar l-istorja u l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici laqa’ din l-inizjattiva li qed tikkolabora fiha Heritage Malta.

Storja Animalta se tkun tinkludi seba’ episodji qosra ta’ madwar 25 minuta, kull episodju se jipprovdi narrattiva dwar karattru partikolari, grupp ta’ persuni, jew perjodu.

Din is-sensiela se titratta sitt stejjer li sawru l-istorja Maltija, mill-bini tat-tempji preistoriċi iktar minn 5,000 sena ilu sal-ħakma Franċiża fis-snin 1798-1800. L-episodji huma bbażati fuq dawn it-temi: 7,000 sena ta’ storja, il-bennejja tat-tempji; il-kummerċjanti Feniċi; in-Nawfraġju ta’ San Pawl, in-Normanni, l-attakki mill-Ottomani; u l-irvellijiet kontra l-Franżiċi.

Permezz ta’ din is-serja, it-telespettatur se jintbagħat lura fiż-żmien b’mod kronoloġiku bil-għan li jifhem aħjar ftit mill-avvenimenti u l-karattri li spikkaw fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Se jkun qed jintwera wkoll tagħrif supplimentari biex jikkumplimenta l-istorja u jdaħħal iktar fil-kuntest il-karattru partikolari.

Sadanittant Heritage Malta ppubblikat ktieb tat-tpinġija biex jikkumplimenta din is-sensiela animata bl-isem ta’ Colouring history – Malta and Gozo through the ages. 

Immirat għal tfal żgħar, minbarra li jieħdu pjaċir ipinġu, il-ktieb jinkludi wkoll deskrizzjoni qasira dwar l-istorja tas-sitt stejjer li fuqhom hija bbażata s-sensiela Storja Animalta. Dan il-ktieb tat-tpinġija jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta.

Reciprocal qed jieħdu ħsieb il-produzzjoni ta’ Storja Animalta bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-inizjattiva Kultura TV u Heritage Malta. 

Storja Animalta se jintwera kull nhar ta’ Tnejn fuq One TV fit-8.30pm. L-ewwel episodju se jintwera fit-30 ta’ Settembru.

More in Arti