L-Imġarr se jerġa' jiċċelebra l-frotta favorita ta' ħafna

Imma l-frawla kif tikber? Meta l-aħjar tiżraha? Għalfejn hi ħelwa u ħamra daqshekk?

Ħelwa manna u tixgħel bi ħmuritha. Il-frawla tibqa’ l-frotta favorita ta’ ħafna u forsi anke l-akbar sigriet tal-bdiewa tagħna.

Għal sena oħra, nhar il-Ħadd 7 ta’ April, l-Imġarrin se jerġgħu jiċċelebraw din il-frotta li tagħmilhom kburin, għax ngħiduha kif inhi, frawli bħal ma ssib l-Imġarr, ma ssib imkien aktar.

Iżda l-frawli mhux issa biss saret popolari. Fis-seklu 18, il-frawli kienet popolari ħafna u l-Kursara Maltin kienu jixtru l-frawli biex jikluha fuq il-bastimenti tagħhom u dan billi kienu jew jippriservawha f’forma ta’ ġamm, jikluha maċ-ċikkulata sħuna jew jiddistillawha biex jittrasformawha f’forma ta’ xarba.

Apparti minn hekk fl-1915, John Borg, tabib, iddiskriva l-frawli li kienet tikber f’Malta u rrimarka li għandha togħma eċċezzjonali u li hemm bżonn li pajjiżi oħra barra minn Malta jsiru jafu bit-tjubija tagħha.

Jeżistu għexieren differenti ta’ varjetajiet ta’ frawli li jintużaw mill-bdiewa Maltin. L-għażla tagħhom tiġi determinata minn fatturi varji fosthom il-perjodu ta’ produzzjoni, il-kobor u l-ħlewwa tal-frotta, ir-reżistenza għall-mard varju fost oħrajn.

Il-bdiewa jħawlu l-frawli bejn Settembru u Ottubru taħt xi struttura ta’ plastik li tista’ tkun serra jew tunnels differenti. Dawn iservu sabiex iżommu temperatura relattivament sħuna għall-frawli biex tkun tista’ tikber aħjar u jipproteġuha mill-elementi bħar-riħ li jistgħu faċilment jeqirdu x-xitla fraġli tal-frawli.

Il-bdiewa jieħdu ħsieb isaqquha bl-aħjar ilma, jtuha n-nutrijenti biex tikber tajjeb u jikkurawha meta timrad. Il-pjanta b’hekk tikber tajjeb sakemm tibda tipproduċi fjuri żagħar bojod li minn nofshom tibda tispunta l-frawla, l-ewwel ħadra sakemm, bil-mod il-mod, tibda tiħmar u ssir aktar ħelwa.

Malli dan il-proċess jitlesta, il-bidwi b’tant sabar jaqtagħha u jbigħhilna biex inkunu nistgħu ngawdu mit-tjubija tagħha.

Bħal f’ħafna mill-prodotti lokali, il-frawli tkun fuq il-platt tagħna anqas minn 24 siegħa minn meta l-bidwi, mgħawweġ ganċ jgħarrex fil-pjanti biex isib il-frawla ħamra, jaqtagħha mill-għalqa tiegħu jew tagħha.

Dan għall-kuntrarju ta’ frawli li tiġi minn pajjiżi barranin li tkun ilha li nqatgħet żmien u jkollha bżonn titkessaħ biex tinżamm tajba matul il-vjaġġ. Dejjem ftakar li aktar ma tikkonsma prodott li ma jkunx ilu li nqata’, aktar ikun mimli nutrijenti u allura jkun aktar tajjeb għal saħħtek.

Meta tixtri l-frawli lokali ftakar li kull frawla ġiet magħżula u maqtugħa waħda waħda minn idejn il-bidwi li b’imħabba u passjoni kabbar din il-frotta biex aħna nkunu nistgħu ngawdu minn din il-benna Maltija.

Mela nhar il-Ħadd 7 ta’ April, aħsiblu kmieni ħa tixtri dik il-kaxxa frawli Mġarrija u dduq minn għexieren ta’ prodotti, xi wħud minnhom mhux tas-soltu wkoll u li jagħmu Festa Frawli waħda mil-attrazzjonijiet ewlenin ta’ dan iż-żmien tas-sena.

More in Arti