Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Ir-Rabat tal-Imdina jiċċelebra waħda mill-eqdem festi f’Malta

L-Illum titkellem mar-Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp dwar l-istorja antika ta’ din il-fratellanza li għadha attiva sal-lum u torganizza mill-bidu sal-aħħar il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat tal-Imdina

Yendrick Cioffi / 19 ta' Marzu 2019 10:11
San Ġużepp quddiem l-ark trijonfali nhar id-19 ta' Marzu RITRATTI | Mark Micallef Perconte
Illum, fir-Rabat se tkun iċċelebrata waħda mill-eqdem festi f’Malta, dik ta’ San Ġużepp li fost il-karatteristiċi li jiddistingwuha hemm il-fatt li din tiġi organizzata kollha kemm hi minn fratellanza.

Din il-gazzetta tkellmet mar-Rettur ta’ din l-ewwel Arċikonfraternità ddedikata lil San Ġużepp f’pajjiżna, Anthony Casha li spjega kif anke jekk dokumenti juru li din il-fratellanza kienet attiva ħafna fis-seklu 16, skont l-istoriċi taf tmur lura anke sal-1245.

Casha spjega kif fratellanza hija għaqda reliġjuża li l-iskop tagħha huwa kemm reliġjuż u anke soċjali. Fil-fatt, kompla jispjega r-Rettur, il-fratelli  fi ħdan din l- Arċikonfraternità, apparti l-organizzazzjoni tal-festa u l-Ġimgħa l-Kbira, kienu jieħdu ħsieb id-dfin u anke jakkumpanjaw il-Vjatku, jiġifieri dik il-purċissjoni li kienet issir bis-Sagrament lejn id-dar ta’ xi moribond.

Apparti minn hekk, il-fratelli kienu jqassmu l-ħobż lill-foqra, jieħdu ħsieb ir-romol u lill-morda u jorganizzaw il-funerali ta’ persuni fqar li ma jkunux jistgħu jħallsu l-funeral filwaqt li jorganizzaw ukoll quddies b’suffraġju għal ruħhom.

Mistoqsi kif kien intgħażel San Ġużepp bħala Patrun, Casha spjega kif għall-bidu, il-membri ta’ din l-Arċikonfraternità kienu jkunu kollha mastrudaxxi u għalhekk minn dejjem għażlu lil San Ġużepp magħruf fl-Iskrittura bħala l-mastrudaxxa ta’ Nażaret.  

“Tinsiex li dak iż-żmien, il-fratellanzi kienu qishom it-trade unions,” qalilna Casha.

Għalkemm ħafna jaħsbu li llum din l-Arċikonfraternità torganizza l-festa ta’ San Ġużepp u l-Ġimgħa l-Kbira u daqshekk, Casha tkellem magħna dwar il-fatt li din hija waħda mill-ftit fratellanzi li għadha attiva f’Malta u minn żmien għal żmien għadha wkoll tiġbor fondi għal għanijiet filantropiċi.

Il-Knisja magħrufa Ta' Ġieżu armata għall-festa
Ir-rabta bejn l-Arċikonfraternità u l-knisja ta’ Ġieżu

Qlibna d-diskors biex nitkellmu dwar ir-rabta li hemm bejn din l-Arċikonfraternità u l-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, magħrufa mar-Rabtin bħala Ta’ Ġieżu.

Ta’ min wieħed jinnota l-fatt li din il-Knisja, anke jekk fiha tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp, hija ddedikata liż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. Madanakollu, kompla jispjega r-Rettur, l-Arċikonfraternità minn dejjem iċċelebrat il-festa tagħha f’din il-knisja.

Fil-fatt, spjegalna Casha, anke jekk l-Arċikonfraternità kienet ilha attiva fir-Rabat u l-Imdina qabel il-bini ta’ din il-knisja fl-1500, dokumenti li jmorru lura għal dik is-sena juru kif din il-fratellanza minn dejjem kienet responsabbli mill-artal iddedikat lil San Ġużepp u li bħal-lum għadu jinsab fuq il-lemin tal-artal maġġur.

Mhux magħruf fejn din l-Arċikonfraternità kellha s-sede tagħha qabel il-bini ta’ din il-knisja, għalkemm fl-arkivji hemm imniżżel ċar u tond li fl-1655, il-fratelli kienu talbu lill-Patrijiet Franġiskani biex jagħtuhom biċċa mill-ġnien tagħhom biex jibnu oratorju. Illum, dan l-oratorju anness mal-knisja, huwa magħruf bħala s-Santwarju ta’ San Ġużepp.

It-Tranżlazzjoni Solenni tar-Relikwa
Iżda kemm ilha tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp?

Komplejna nitkellmu dwar il-festa ta’ San Ġużepp, bir-Rettur jispjegalna kif din il-festa ilha tiġi ċċelebrata f’Malta għal mijiet kbar ta’ snin.

Fil-fatt, fis-16 ta’ Ġunju tal-1508, il-Kapitlu tal-Katidral u l-Ġurati tal-Università (il-Gvern ta’ dak iż-żmien) kienu ffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha ddikjaraw li l-festa ta’ San Ġużepp “għal dejjem u għaż-żminijet kollha,” tkun iċċelebrata festa kmandata u bħala festa pubblika.

Għalhekk dan ifisser, kompla jispjega r-Rettur, li d-devozzjoni lejn San Ġużepp kienet diġà mifruxa ħafna u dan jagħmel il-festa ta’ San Ġużepp bħala waħda mill-eqdem festi f’pajjiżna.

Mis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-1509, din il-fratellanza bdiet tiċċelebra aktar b’mod solenni din il-festa, fejn ta’ kull sena, nhar il-festa ta’ San Ġużepp filgħodu, il-Kapitlu tal-Katidral beda jmur proċessjonalment, akkumpanjat mill-fratelli u l-Patrijiet Franġiskani mill-Katidral tal-Imdina għall-Knisja ta’ Ġieżu biex jiċċelebra l-quddiesa solenni tal-festa. Fil-fatt, din hija tradizzjoni li għadha ħajja sal-lum il-ġurnata.

It-toroq tar-Rabat armati għall-festa ta' San Ġużepp
Matul is-seklu 16, il-festa kienet tikkonsisti bħall-bqija tal-festi li kienet tiċċelebra l-Knisja, f’ċelebrazzjonijiet lejlet u nhar il-festa, fejn lejlet l-festa kienet issir it-Translazzjoni tar-relikwa tal-qaddis u jitkantaw il-vespri solenni u l-għada ssir il-quddiesa solenni tal-festi.

Għalkemm mhux magħruf jekk f’dawk iż-żminijiet kinitx issir purċissjoni, hu żgur huwa li l-festa baqgħet dejjem tikber, kemm ġewwa u kemm barra biex hekk ħadet il-forma li għandha llum.                               

Għalfejn ir-Rabat tal-Imdina?

Interessanti li l-Ġużeppini Rabtin jirreferu għall-festa tagħhom bħala l-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina, iżda dan it-titlu mhuwiex marbut biss mal-festa iżda anke mal-fatt li din il-parti antika tar-Rabat kienet tagħmel parti mill-Imdina.

Fil-fatt, kompla jispjega r-Rettur, din l-Arċikonfraternità, għad għandha rabta kbira mal-Imdina, tant li tista’ tgħid tieħu sehem fil-purċissjonijiet kollha li jorganizza jew jieħu sehem fihom il-Kapitlu tal-Katidral, fosthom f’Korpus, fl-Imnarja u anke f’San Girgor.

Il-fratteli jwasslu lill-Kapitlu tal-Katidral sal-Knisja ta’ Ġieżu
Rabta oħra interessanti li teżisti bejn il-Katidral tal-Imdina u din il-festa hija tradizzjoni li għadha ħajja sal-lum, fejn il-Predikatur li jagħmel il-Prietki tal-Avvent fil-Katidral, ikun l-istess wieħed li jinseġ il-paniġierku ta’ San Ġużepp, l-istess kif jinseġ il-paniġierku fil-festa ta’ Sant'Agata u anke fil-festa ta’ San Benedittu.

San Ġużepp ‘ix-Xiħ’ mill-pruwa tal-bastiment sal-inkurunazzjoni

Interessanti wkoll li apparti li din l-Arċikonfraternità hija proprjetarja tal-armar kollu li jintrama fil-knisja ta’ Ġieżu fil-ġranet tal-festa u anke tal-armar fit-toroq Rabtin, għandha wkoll ta’ żewġ statwi importanti għall-Ġużeppini Rabtin.

Malli tidħol fis-Santwarju, tilmaħ fl-għoli fuq l-artal statwa antika ħafna ta’ San Ġużepp, magħruf bħala San Ġużepp ix-Xiħ.

Ir-Rettur spjegalna li din l-istatwa tal-injam, skont studjużi, x’aktarx li kienet tagħmel parti minn numru ta’ figuri oħra tal-injam li kienu jiddekoraw il-pruwa tal-Gran Carracca Sant’Anna (bastiment tal-qawwa navali tal-Ordni ta’ San Ġwann). 

Skont it-tradizzjoni, kien il-Gran Mastru Fra Philippe Villiers de L’Isle Adam, li ismu huwa marbut mal-Knisja ta’ Ġieżu, li kien irregala din l-istatwa lill-Arċikonfraternità, anke jekk mhux magħruf kinitx minn dejjem tirrappreżenta lil San Ġużepp.

Ir-Rettur spjegalna kif it-titlu ta’ “San Ġużepp ix-Xiħ” ġej mill-fatt li l-istatwa hija meqjusa bħala l-eqdem statwa ta’ San Ġużepp f’Malta u anke għax San Ġużepp huwa rrafigurat bħala raġel xiħ bil-qargħa u b’daqna folta bajda.

L-istatwa inkurunata ta' San Ġużepp
Din l-istatwa hija magħrufa għad-devozzjoni kbira li tgawdi, tant li fi kliem ir-Rettur, il-Maltin dejjem irrikorrew lejn San Ġużepp permezz ta’ din ix-xbieha tiegħu.

Fil-fatt, din kienet tinħareġ f’pellegrinaġġi nazzjonali kull meta kien jinħass il-bżonn ta’ xi grazzja biex Malta tinħeles minn xi fraġell, għall-bżonnijiet tax-xita, u anke bħala ringrazzjament wara li l-Maltin ikunu nħelsu minn mard bħall-pesta u l-kolera jew anke minn xi terremot.

Din id-devozzjoni waslet biex din l-istatwa ġiet inkurunata b’digriet maħruġ mill-Papa Piju XII nhar is-27 ta’ Lulju 1956. L-inkurunazzjoni seħħet nhar l-1 ta’ Mejju 1963 fuq il-Fosos tal-Furjana u din għamlitha waħda mill-ftit statwi ta’ San Ġużepp fid-dinja li huma inkurunati.

L-istatwa proċessjonali: il-mimmi ta’ għajnejn il-Ġużeppini

Bla dubju ta’ xejn, l-istatwa proċessjonali ta’ San Ġużepp tibqa’ wisq għal qalb il-Ġużeppini Rabtin u ta’ kull sena jistennew il-mument li din tinħareġ fuq l-ispalla madwar ir-Rabat.

Anthony Casha spjegalna kif din l-istatwa kienet ġiet irregalata lill-Arċikonfraternità minn Monsinjur Paolo Pullicino, li mhux biss kien pijunier tal-edukazzjoni f’Malta, imma kien ukoll Protettur ta’ din il-fratellanza.

Monsinjur Pullicino kien ħadem din l-istatwa għad-dar tiegħu fil-Belt Valletta għand id-ditta magħrufa “Galard et Fils” ta’ Marsilja, li ħadmitha fil-kartapesta u l-ġibs. Huwa kien ħabib tal-iskultur Taljan Luigi Fontana li ddisinjaha u li f’Malta ħadem ukoll l-istatwa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ.

L-istatwa proċessjonali ta' San Ġużepp
Ir-Rettur kompla jispjega kif ftit jiem qabel miet f’Marzu tal-1890, Monsinjur Pullicino kien irregalaha lill-Arċikonfraternità, biex tinħareġ fil-purċissjoni nhar id-19 ta’ Marzu. Huwa miet disat ijiem wara li kiteb l-ittra tad-donazzjoni, bl-istatwa tasal ir-Rabat fil-15 ta’ Marzu 1890, jumejn biss wara l-mewt tiegħu.

Illum din l-istatwa hija sgraffita u indurata u tistrieħ fuq pedestall tal-fidda li jdawruh erba’ anġli tal-injam mill-isbaħ li nħadmu fl-1903.

Ta’ min wieħed isemmi li din ma kinitx l-ewwel statwa proċessjonali li kellha l- Arċikonfraternità hekk kif din kienet xtrat statwa mingħand l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tal-Belt Valletta u mill-arkivji jirriżulta wkoll li kien hemm manikkin li kien jitlibbes.

L-Arċikonfraternità u t-triq ’il quddiem

Mar-Rettur tkellimna wkoll dwar il-futur tal-Arċikonfraternità, bir-Rettur jinsisti li din għadha attiva ħafna.

“Naħseb ma hawnx fratellanza oħra f’Malta li torganizza attivitajiet u ċelebrazzjonijiet daqskemm norganizzaw aħna,” qalilna r-Rettur, anke jekk saħaq li jixtieq li l-entużjażmu taż-żgħażagħ ma jkunx biss fil-ġranet tal-festa imma s-sena kollha. “Wasal iż-żmien li bħala Arċikonfraternità naħsbu aktar fiż-żgħażagħ.

Intant, bħalissa l-Arċikonfraternità permezz ta’ kummissjoni mwaqqfa apposta qed taħdem fuq programm speċjali biex is-sena d-dieħla tiċċelebra l-150 anniversarju mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, festi li jilħqu l-qofol tagħhom fil-festa tas-sena d-dieħla.

Waħda mill-ftit fratellanzi li għadha attiva f'Malta
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook