L-aħħar xewqa tal-Milied

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Kien lejliet il-Milied.

Hekk malli qabad jimxi fil-kuritur vojt mimli riħa ta’ mediċinali li kien jagħti lejn bieb tal-aluminju mimli stampi sbieħ impinġija b’idejn it-tfal, waqaf għal ftit jaħseb.

Il-passi żgħar li kienu qegħdin jakkumpanjawh, waqfu wkoll.

Għal mument ħass nifsu jinqata’.

U mbagħad ħares lejn it-tfajjel ċkejken li kien hemm maġenbu, li issa kien dar iħares lejh b’għajnejn mimlija mistoqsijiet, xufftejn ’il bogħod ħafna minn tbissima u wiċċ pallidu.

Irranġa ftit id-daqna bajda li kien xtara xi ħames snin qabel meta l-istabbiliment enormi tal-ġugarelli fejn kien jaħdem kienu nkarigawh sabiex fix-xahar ta’ Diċembru jilbes ta’ Santa Klaws.

Xi siegħa ilu kien qiegħed bilqiegħda fuq is-siġġu l-kbir tal-injam fl-istabbiliment, maġenb ċerva finta quddiem xarretta mżejna apposta għall-okkażjoni, b’dudu twil ta’ tfal ħerqana flimkien mal-ġenituri tagħhom sabiex jippożaw miegħu għal ritratt. U għalkemm kien għejja sew, tgħidx kemm kien qed jieħu gost ikellimhom u jżommhom fuq ħoġru! L-atmosfera fil-ħanut kienet waħda tassew sabiħa, bil-mużika allegruża għaddejja fl-isfond, tiżjin kullimkien, ħsejjes ta’ ġugarelli, u fuq kollox l-uċuħ ferħana ta’ dawk it-tfal xħin kienu jarawh liebes dawk l-istivali kbar suwed taħt il-libsa bellusija ħamra, kappa pariġġ u daqna twila finta.

Sa xħin kien ġie dan it-tifel.

Wiċċu kien differenti minn tat-tfal l-oħra li kien iltaqa’ magħhom dakinhar, biex ma jgħidx kemm kien ilu hemm!

“Kevin jisimni,” kien qallu jħares ċass f’għajnejh minn taħt l-ilsien.

Jacob kien induna li dan it-tifel kien qed jirtogħod, kważi bla nifs, għajnejh mimlija dmugħ, u xufftejh xotti għal kollox.

“X’inhi x-xewqa tiegħek Kevin?” kien staqsieh, ipoġġih sew fuq koxxtu, jagħmillu wiċċ vivaċi ħalli jferrħu ftit.

U għal mument ma kienx wieġbu.

Għajnejh imtlew dmugħ. Ħarġitlu karba żgħira minn fommu.

Jacob kien dawwar ħarstu sabiex jara jekk dan it-tfajjel kienx akkumpanjat minn xi adult ħalli jara eżatt x’kien ġralu.

“Clara,” semgħu jgħid minn taħt.

“Min hi Clara?” staqsieh Jacob, iċaqalqu ftit ħalli jagħmillu kuraġġ jitkellem.

“Oħti. L-aħħar xewqa tagħha li tara lilek.”

U għajnejn it-tifel reġgħu ltaqgħu ma’ dawk ta’ Jacob.

Ħass in-nifs jinqatagħlu. Ġismu qam xewk xewk.

Dak il-ħin, donnha l-mużika allegruża tal-Milied kienet waqfet ħesrem. It-tfal ma kinux għadhom hemm. Il-moviment fil-ħanut kien ibbalzma ruħu.

“Fejn hi oħtok?” kien staqsieh Jacob.

“L-isptar.”

Bla kliem.

Ma kienx hemm għalfejn.

U kienu ħarġu flimkien.

Resqu lejn il-bieb tat-tpinġijiet sbieħ u daħlu flimkien hemm ġew.

Sabu aktar bibien u infermiera li tbissmitilhom b’mod ġenwin.

“Ġejt minħabba Clara,” qalilha.

Għamlitlu iva b’rasha. “Qiegħda tistennik,” weġbitu. Għamlitlu mossa lejn bieb minnhom.

Jacob sellmilha u baqa’ sejjer lejn il-bieb, iżomm l-ixkora b’xi ġugarelli li kien ġab miegħu.

“Santa Klaws” qaltlu l-infermiera, tigdem xoffitha t’isfel. “It-tabib qal li Clara...” waqfet tieħu n-nifs.

Jacob waqaf bilwieqfa eżatt quddiem il-bieb iżomm stirat ħalli jisma’ dak li kellha tgħidlu din l-infermiera. Kemm kien ta’ min jammirahom dawn l-istaff tal-isptar! X’dedikazzjoni! Lejliet il-Milied! “Mhix se ssebbaħ għodwa oħra”

Qalbu għamlet tikk.

Għal mument, dawwar ħarstu lejn it-tfajjel li kien hemm ħdejh u rah jieħu n-nifs b’mod stramb. Kien qed jibki minn taħt.

“Illum lejliet il-Milied... emmen fl-ispirtu tal-Milied, sinjura,” qalilha Jacob u daħal f’dak il-bieb li kienet indikatlu hi aktar qabel flimkien maċ-ċkejken ta’ ħdejh.

U dak li ra b’għajnejh kompla jaqsamlu qalbu. Kamra nadifa tazza. Kollox abjad. Sodda. Tifla mimduda fuq is-sodda, mgħottija bi gverta ħadranija. Mara u raġel mitluqin fuq żewġ pultruni jidhru donnhom ma kinux jafu x’laqathom. It-tifla kienet tidher donnha rieqda, bla xagħar xejn u l-unika ħaġa li kienet tidher ikkulurita fil-kamra, kien iċ-ċoff roża li kien hemm imdawwar ma’ rasha.

“Ħo... ħo... ħo...” għamel Jacob u għal mument kien ser jigdem ilsienu għax ħass li ma kienx f’loku li jġib ruħu b’dak il-mod.

Iżda dak il-ħin, fetħet għajnejha.

Xi ġmiel ta’ wiċċ!

Dawk l-għajnejn!

Kienet qisha pupa tal-porċellana mis-sbieħ nett!

“Clara! Ġejt għalik! Ġejt apposta għalik!” qalilha Jacob, jipprova jżomm leħnu kalm u jagħmel espressjoni allegruża!

Il-mara, ir-raġel u t-tfajjel sellmulu u ħarġu ’l barra, wara li rringrazzjawh minn taħt talli kien ħa triq twila bħal dik biex jaqta’ xewqet binthom.

L-aħħar xewqa tagħha.

“Clara!” qalilha, hekk kif resaq lejha.

“Ġejt!” qaltlu, taqbadlu d-daqna u titbissem b’mod kemmxejn dgħajjef.

“U ma tafx li niġi... ġie Kevin u qalli li kien hawn pupa sabiħa trid tarani!” qalilha, jersaq eqreb tagħha.

Seba’ snin... mhux iżjed. Daqshekk kienet tidher li kellha.

“Allura x’inhi x-xewqa tiegħek għall-Milied?” qalilha.

U le, ma setax jemmen. Ma setax jemmen li din it-tifla ma kinitx ser issebbaħ! Ma setax jemmen kif fjura sabiħa bħal din ma kinitx ser tgawdi ħajjitha! Ma kinitx ser tiżviluppa f’xebba sabiħa, tiffjorixxi kif suppost u timraħ!

“Irrid ngħidlek sigriet,” qaltlu b’leħen kemxejn maħnuq.

“Għidli!” qalilha Jacob b’leħen ferrieħi iżda serju fl-istess ħin.

“Jien naf li se nħallihom...smajthom jitkellmu fuqi...”

Kienet qiegħda tħares lejh b’għajnejha kbar u sbieħ, kulur il-baħar fis-sajf.

“Clara... inti temmen fl-ispirtu tal-Milied?” staqsieha, b’qalbu tuġgħu mhux ftit.

Għamlitlu iva b’rasha.

“Dawk ma jemmnux,” qaltlu, tgħolli jdejha u turih lejn fejn kienu telqu l-familjari tagħha.

“Imma aħna nemmnu. U jien għalhekk ġejt hawn,” qalilha. Il-ħarsa ta’ din it-tifla ġagħlitu jħossu b’saħħtu.

Jacob neħħa l-kappa, poġġa x-xkora mal-art, resaq lejha u għamel idu fuq moħħha. Ma kienx jaf għalfejn kien qed iħossu hekk, imma kien jaf li jekk seta’ jagħmel xi ħaġa biex iqawwilha qalbha, kien lest li jagħmilha!

“Ejja nitolbu Clara... flimkien” qalilha. “Bambin ċkejken...”

Clara tbissmitlu, u dak il-ħin ħass li l-kamra kienet xegħlet iżjed bi sbuħitha, avolja barra mit-twieqi kien jidher dlam ċappa u kien qed jinstema’ r-riħ ivenven bilmod.

U talbu.

Talbu flimkien.

Clara u Jacob.

Jacob u Clara.

U kantaw xi innijiet tal-Milied ukoll. Il-paċi li ħass bejniethom, kienet issorprendietu.

Imbagħad dehret għajjiena u għajnejha tbexxqu.

Jacob telaq bla ħoss.

Xi ġimgħa wara, hekk kif kien qiegħed lura fil-ħanut tal-ġugarelli, liebes il-ħwejjeġ tax-xogħol, reġa’ beda jaħseb fuq Clara.

Mar l-isptar.

Mar isaqsihom.

Clara ma kinitx għadha hemm.

Tgħid kienet verament ħalliet id-dinja?

U mesaħ id-dmugħ, hekk kif telaq lura lejn ix-xogħol. Minħabba protezzjoni ta’ identità ma qalulux.

Sena wara.

Sena eżatt.

Kien qiegħed hemm.

Lura fil-ħanut tal-ġugarelli.

Serbut tfal.

Kollha jistennew biex jieħdu ritratt miegħu.

Ma’ Jacob liebes il-libsa ħamra, l-istivali suwed u d-daqna twila bajda.

U rah.

“Kevin!” beda’ kważi jgħajjat, hekk kif kien għarfu mill-ewwel!

Kevin mar ħdejh, jidher kemmxejn mistħi. Lanqas kien tah ċans li jmissu hu! Kien ħallieh jaqbeż lil kulħadd!

“X’inhi x-xewqa tiegħek dan il-Milied?” staqsieh Jacob.

Għal mument, beża’ jsaqsih.

Għax jekk kienet mietet... kif kienu qalu...

“Ġejt nirringrazzjak tas-sena l-oħra,” qallu ċ-ċkejken.

Imma għajnejh ma kienux jidhru mdemma’ bħas-sena l-oħra.

U raha.

Kienet qiegħda hemm, qalb it-tfal l-oħra.

Fil-bidu, bilkemm kien għarafha!

Xagħar kannella sabiħ, wiċċ ikkulurit, xufftejn ħomor.

Imbagħad ra ċ-ċoff roża! L-għajnejn kbar!

“Clara?” staqsieha Jacob, hekk kif telqet tiġri lejh, tgħannqu kemm tiflaħ.

“Grazzi,” qaltlu. “L-aħħar xewqa tiegħi! Grazzi talli inti temmen fl-ispirtu tal-Milied!”

More in Arti