Il-Bormliżi jibdew jiċċelebraw anniversarju speċjali li jfakkar pellegrinaġġ uniku

Nhar id-19 ta' Novembru tal-1944, il-vara u l-kwadru tal-Immakulata Kunċizzjoni ttieħdu f'pelegrinaġġ minn Birkirkara sa Bormla

Illum huwa jum speċjali għall-Bormliżi, mhux biss għax qed ifakkru Jum Bormla iżda għax mil-lum se jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet li se jfakkru l-75 Anniversarju mill-Pellegrinaġġ bil-vara u l-kwadru inkurunat tal-Immakulata Kunċizzjoni, minn Birkirkara għal Bormla.

Ta’ kull sena, il-Bormliżi jfakkru dan l-avveniment uniku li seħħ fid-19 ta’ Novembru tal-1944.

Ma kinitx deċiżjoni faċli għal Bormliżi li kellhom jiċċaħdu minn dawn iż-żewġ teżori għal snin sħaħ iżda ma kellhomx għażla oħra u biex jipproteġuhom mill-bombi qerrieda tal-gwerra, ħaduhom għall-kenn fil-Bażilika Elenjana f’Birkirkara.

Iżda, il-Bormliżi, flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġjata, għamlu wiegħda. Wiegħdu lil Madonna li jekk is-Santwarju għażiż tagħha f’Bormla ma jiġġarrafx, kienu se jorganizzaw pellegrinaġġ kbir minn Birkirkara għal Bormla.

Hekk ġara. Minkejja li Bormla kienet ħerba sħiħa bil-bombi tal-għadu li riedu jeqirdu għal kollox il-Tarzna u l-madwar, il-knisja parrokjali ta’ Bormla baqgħet mhux mittiefsa u dan minkejja li fuq Bormla niżlu xejn inqas minn 200 bomba, b’waħda minnhom taħbat mal-gwarniċ tal-kampnar tal-qanpiena l-kbira.

Kien għalhekk, li għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar tad-19 ta’ Novembru tal-1944, eluf ta’ Maltin minn kull rokna tal-gżira, ħonqu l-pjazza tal-Bażilika Elenjana biex jassistu għall-ħruġ tal-vara u l-kwadru tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Tapit ta’ nies akkumpanja liż-żewġ xbiegħat huma u għaddejja minn diversi lokalitajiet, inkluż il-Ħamrun, il-Marsa u Raħal Ġdid sakemm il-vara u l-kwadru waslu fis-Santwarju Bormliż fejn jinżammu b’tant għożża tul is-sena kollha.

Tul il-Pellegrinaġġ ħadu sehem mill-inqas 16-il banda, u kien hemm rappreżentanza xierqa tal-għaqdiet reliġjużi, soċjali u politiċi ta’ Malta.

Għalhekk, mil-lejla, il-Kumitat 75 Sena mill-Pellegrinaġġ se qed jagħti bidu għall-programm li jimmarka il-75 Anniversarju minn dan il-Pellegrinaġġ Nazzjonali. 

Il-programm uffiċjali jibda fil-5.30p.m. bi tqegħid ta’ kuruni fuq il-Monument tal-Pellegrinaġġ u l-Vittmi tal-Gwerra.

Wara, għal ħabta tas-6.00p.m, se ssir Quddiesa Konċelebrata mill-Kapitlu ta’ Bormla li għaliha huma mistiedna s-Sindku u l-Kunsillieri flimkien mal-Għaqdiet Bormliżi.

Fi tmiem il-quddiesa tingħad it-talba tal-okkażjoni li nkitbet din is-sena mill-Kan. Emmanuel Schembri u jindaqq l-Innu l-ġdid ‘Taħt Ħarstek Nistkennu’ fuq kliem tas-Sinjura Miriam Camilleri u mużika tas-Surmast Bormliż, Mro Ray Sciberras.

Iċ-ċerimonja tkompli b’programm fl-Oratorju tal-Kurċifiss li fih tieħu sehem il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla li tkun taħt it-tmexxija tas-Surmast Etienne Spiteri.  Waqt din iċ-ċerimonja se  jingħata ‘Ġieħ Bormla.’ 

Dan mhuwiex biss il-bidu tal-festa titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni imma anke l-bidu ta’ sena attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom f’Novembru tas-sena d-dieħla.

More in Arti