Filmat | Sfilata fil-Kapitali madwar it-toroq tal-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej

3,000 pupazz f’forom ta’ annimali differenti, 18-il banda lokali, 360 żeffien...dan hu aktar fil-Belt Valletta

Madwar 3,000 pupazz f’forom ta’ annimali differenti, 18-il banda lokali, 360 żeffien, mijiet ta’ persuni minn diversi komunitajiet Maltin u Għawdxin, tfal, anzjani, persuni b’diżabilità u ħafna oħrajn, se joħonqu t-toroq tal-Belt Valletta għal Sfilata fil-Kapitali, organizzata minn Valletta 2018 nhar is-Sibt 27 ta’ Ottubru mis-2pm ’il quddiem… u int mistieden tingħaqad magħhom!

Dan l-ispettaklu se jinkludi diversi sorpriżi għal dawk preżenti, fil-forma ta’ mużika, żfin, rappreżentazzjonijiet qosra u rakkontar tal-istejjer, bil- parteċipazzjoni ta’ personalitajiet magħrufa fosthom dawk tant popolari ta’ Min Imissu u Klassi Għalina kif ukoll il-grupp taż-żfin Kinetic.

Fis-2pm, ejja fi Pjazza San Ġorġ u ibni l-pupazz tiegħek, u wara, ingħaqad mal-parata u segwi r-rappreżentazzjonijiet fit-toroq! L-ispettaklu se jibqa’ għaddej sat-tard, meta jilħaq il-qofol tiegħu b’festin kbir fi Pjazza Tritoni mid-9.30pm ’il-quddiem.

‘Sfilata fil-Kapitali’ hija waħda mill-attivitajiet marbuta mal-proġett Orfeo & Majnun. Orfeo & Majnun: A Tale of Love, Loss & Longing tikkonsisti f’teatru ta' emozzjonijiet, fejn żewġ stejjer ta’ mħabba antiki minn kulturi differenti jiltaqgħu - dik Griega ta' Orpheus u Eurydice, u l-istorja ta’ mħabba traġika Persjana ta’ Layla u Majnun.

Il-proġett jesplora t-temi dejjiema tal-imħabba, it-telf u x-xewqa għall- imħabba, li ser jerġgħu jiġu ttrattati f'forom differenti minn parteċipanti ġejjin minn kull qasam tal-ħajja permezz Sfilata fil-Kapitali, wara li saret ir- rappreżentazzjoni ta’ Mużika-Teatru ta’ Orfeo & Majnun fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Fis-27 ta' Ottubru, il-parteċipanti se jimxu minn triq għal triq u minn kantuniera sa kantuniera, u l-udjenza tista’ tistenna sorpriżi fil-forma ta' kanzunetti, żfin, rappreżentazzjonijiet qosra, stejjer, mużika forom oħra ta' espressjoni artistika.

Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.

Programm tal-ġurnata:

2-6pm: Workshops tal-Bini tal-Annimali (Pjazza San Ġorġ)

3-7.30pm: Raconteurs (Spazju Kreattiv, il-Barrakka ta' Fuq, Pjazza Tritoni, Pjazza Teatru Rjal, Pjazza Kastilja, Malta School of Art)

3-9pm: Żfin quddiem il-Qorti

5.50pm-8.10pm: Parodija ta' Orfeo & Majnun minn Min Imissu u Klassi Għalina (Pjazza Teatru Rjal)

4.30pm sal-5.30pm u s-7pm sat-8pm: - Parata ma' marċi tal-banda, annimali, żfin u rappreżentazzjonijiet madwar il-Belt Valletta (li tibda minn Triq San Pawl, Triq Merkanti, Triq l-Ifran, u tispiċċa fi Pjazza Tritoni). Il-parata se tkun segwita minn rappreżentazzjonijiet fi Pjazza Tritoni

7.30pm u 9.30pm: Valletta Love, Loss and Longing (Pjazza Tritoni) 10pm: Valletta Love Parade minn Neo-X (Pjazza Tritoni)

Dawk li jattendu għal Sfilata fil-Kapitali jistgħu jibbenefikaw minn rati speċjali meta jużaw il-mezzi ta’ trasport sostenibbli pprovduti minn Nextbike u Tallinja Bikes. Uża l-kodiċi 863386 meta tikri Nextbike, għal vjaġġ ta’ 60 minuta lejn jew lil hinn mill-Belt bla ħlas. Il-kodiċi tista’ tintuża darbtejn, għal żewġ vjaġġi separati. Is-servizz ta’ Tallinja Bikes se jkun disponibbli wkoll għall-ivvjaġġar ġewwa l-Belt, bi skont ta 50% waqt Sfilata fil-Kapitali. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Niżżel il-ktejjeb ta’ Orfeo & Majnun minn hawn.

Orfeo & Majnun hu organizzat minn Valletta 2018 u ko-finanzjat mill- Programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea.

More in Arti