Miljun u nofs ewro lil Valletta 2018 f'rebħ ta' premju prestiġjuż

V18 tingħata l-premju Melina Mercouri għar-rikonoxximent fis-salvagwardja tal-imkejjen kulturali fid-dinja

Valletta 2018 ingħatat il-premju Melina Mercouri ta’ miljun u nofs euro għad-dimensjoni Ewropea b’saħħitha illi għandha u l-involviment taċ-ċittadini speċjalment permezz tal-programmi edukattivi u ta’ bini ta’ kapaċità.

Iċ-chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Il-premju Melina Mercouri juri li l-Kummissjoni Ewropea tagħraf l-isforzi tagħna fl-iżvilupp ta’ programm b’saħħtu filwaqt li nibdlu spazji minsija f’ċentri kreattivi. Il-parteċipazzjoni tal-Maltin u tal-Għawdxin fl-avventura ta’ Valletta 2018 flimkien ma’ proġetti ta’ infrastruttura li qed iseħħu fil-Belt Valletta, se jiżguraw wirt dejjiemi li jmur lil hinn mill-2018”.

Il-premju Melina Mercouri ingħata lil Valletta 2018 bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ suċċess wara t-tieni laqgħa ta’ monitoraġġ li saret fi Brussell fis-7 ta’ Marzu 2017 bejn Valletta 2018 u l-Bord Konsultattiv u ta’ Monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel laqgħa saret f’Settembru 2015.

Skont ir-rapport tal-Bord, il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 għandu dimensjoni Ewropea b’saħħitha ħafna, b’iktar minn 250 artist minn barra fosthom mill-Eġittu, l-Iżrael u pajjiżi Ewropej li jikkontribwixxu attivament. Il-programm jisħaq fuq il-Mediterran u fuq dawk il-pajjiżi kollha li jaqsmu xtuthom miegħu u dan kollu ġie msaħħaħ ukoll. 

L-isforzi li saru mill-persunal tal-Fondazzjoni u minn dawk li sawru l-politika f’dawn l-aħħar erba’ snin sabiex jagħtu spinta lill-proġett ġew imfaħħra mill-bord ukoll. Bħalissa qed jiġi diskuss il-wirt tal-Fondazzjoni u hemm l-idea li tinħoloq Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta li tħaddem parti mill-persuni li bħalissa qed jaħdmu għall-KEtK sabiex il-programm kulturali jgħaddi ’l quddiem lil hinn mill-2018.

Sadanittant, il-bord issuġġerixxa li Valletta 2018 tippromwovi d-diskussjonijiet dwar il-legat bl-użu ta’ fatti u dejta kwantitattivi u kwalitattivi fejn hu possibbli sabiex issaħħaħ l-importanza li l-isforz u l-impenn tal-KEtK jkunu sostenibbli. Il-bord ħeġġeġ ukoll il-bżonn li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju għall-postijiet ewlenin bħala parti mill-proġett għat-tiswir tal-legat ta’ Valletta 2018 kif ukoll għall-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.   

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici feraħ lill-Valletta 2018 u lil dawk kollha li taw u qegħdin jagħtu sehem u kontribut li wassal għal dan iċ-ċertifikat tal-Kummissjoni Ewropea tar-riżultati eċċellenti li qegħdin jinkisbu f’dan il-qasam.

“Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hi waħda mill-aktar avvenimenti kulturali ta’ profil għoli fl-Ewropa,” qal il-Ministru filwaqt li kompla li l-programm kulturali marbut ma’ dan it-titlu jrid ikollu dimensjoni kemm lokali u kemm Ewropea, u fuq kollox waħda li tinvolvi lill-pubbliku.

It-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu impatt anke f’termini ekonomiċi u soċjali, li huwa wkoll parti minn dak il-legat nazzjonali li l-Gvern qed joħloq taħt il-mant tal-Valletta 2018, grazzi għall-ħidma ta’ kollaborazzjoni u inklussività, u l-investiment li qiegħed ibiddel is-setturi tal-kultura u l-arti llum u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Dan mhux biss fil-Belt Valletta imma – kif dejjem sħaqna – dan huwa impatt li llum qegħdin naraw u nħossu madwar Malta u Għawdex,” kompla l-Ministru.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder tenna: “Huwa importanti li mhux biss ikollna sena b’saħħitha fl-2018 imma li jkollna legat biex igawdu minnu dawk kollha li jiġu wara.”

More in Arti