Ma jaqblux fuq il-politika, imma jinħabbu fuq it-tanker

Il-bloggers Daphne Caruana Galizia u Glenn Bedingfield se jingħaqdu fiż-żwieġ fuq it-tanker tal-gass fil-Qarċilla ta' din is-sena

Minkejja li ma jaqblux fuq il-politika, iż-żewġ bloggers Daphne Caruana Galizia u Glenn Bedingfield se jkunu qed jiżżewġu quddiem il-pubbliku, fuq it-tanker tal-gass, fil-Belt Valletta fuq tlett ijiem.

Din mhix xi ġennata jew xi ħolma kerha, imma huwa dak li għandhom jistennew dawk kollha li matul it-tlett ijiem li ġejjin, se jkunu qed jaraw xi waħda mir-rappreżentazzjonijiet tal-Qarċilla fil-Karnival ta' Malta.

B'kitba ta' Immanuel Mifsud għal din is-sena u produzzjoni ta' Joseph Galea, il-Qarċilla, li hi forma ta' kuntratt ta' żwieġ, bi kliem niggieżi se tara ż-żwieġ bejn Glenn u Daphne fuq il-famuż tanker tal-gass.

Il-Qarċilla hi tradizzjoni Maltija li taf l-oriġini tagħha fi żmien il-Kavallieri, bl-ewwel darba li saret tkun fl-1760. Reġgħet tqajmet erba' snin ilu b'kollaborazzjoni tal-Università ta' Malta, l-Akkademja tal-Malti u l-kumitat tal-Karnival, fost l-oħrajn.

F'intervista dwar il-Karnival ma' Jason Busuttil, li se tkun qed tidher fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li ġej, jgħid kif fl-ewwel edizzjoni tagħha, "minn madwar 5 rappreżentazzjonijiet, spiċċaw għamlu xi disgħa, u s-sena ta' wara saħansitra rrepetewha l-Ħadd ukoll. Minħabba d-domanda, din is-sena se tkun qed issir l-aħħar rappreżentazzjoni fi Pjazza San Ġorġ biex tilħaq l-akbar ammont ta' nies." 

Ir-rappreżentazzjonijiet tal-Qarċilla se jkunu qed isiru s-Sibt u l-Ħadd, il-Belt Valletta u rappreżentazzjoni speċjali fil-Forti Sant Anġlu bl-għajnuna ta' Heritage Malta nhar it-Tnejn.

Fi pjazza San Ġwann ta' quddiem il-Konkatidral, se ssir nhar is-Sibt fl-4.00pm, 5.00pm u s-6.00pm, waqt li waħda fit-8.00pm fi Pjazza San Ġorġ. 

Nhar il-Ħadd, se jkunu qed isiru tliet rappreżentazzjonijiet fi Pjazza San Ġwann, 3.00pm, 4.00pm, 5.00pm. 

More in Arti