Il-ktieb f’qalb il-Maltin

Waħda mill-eqdem invenzjonijiet, waħda mill-aktar armi b’saħħitha – il-ktieb. Għad għandu post f’qalb il-Maltin? 

Jekk ix-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem, mela l-qari huwa s-salmura tal-moħħ u bħalma għal ħafna, il-kelb huwa l-akbar ħabib, għal oħrajn, dan huwa l-ktieb.

Il-Ġnus Magħquda se tkun qed tiċċelebra l-ġurnata dinjija tal-kotba u l-Copyright nhar it-23 t’April. Din hija ġurnata importanti u simbolika għaliex hemm diversi awturi kbar li għandhom xi tip ta’ rabta ma’ din id-data. Huwa minħabba f’hekk li ntagħżel dak in-nhar, għaliex fiha mietu l-awturi magħrufa Shakespeare, Cervantes u Inca Garcilaso de la Vega. L-għan ta’ dan il-jum huwa fil-fatt sabiex tingħata tislima lill-kotba u kittieba kollha, filwaqt li l-pubbliku, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jiskopru u japprezzaw il-gost li joffri l-qari.

F’pajjiżna, u madwar id-dinja spiss nisimgħu li l-ġenerazzjonijiet tal-lum tbiddlu wisq u moħħhom fit-teknoloġija – kompjuters, mowbajls u kull tip ta’ logħob u apparat teknoloġiku ieħor, li sikwit jieħu post il-ktieb. Huwa propju għalhekk li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jorganizza avvenimenti u attivitajiet sabiex ikompli jħeġġeġ lin-nies iħobbu l-qari, bl-attività prinċipali tkun dik f’Novembru meta jiġi organizzat il-festival annwali tal-ktieb. Minbarra dan, il-kunsill iħabrek sabiex jagħti donazzjonijiet ta’ kotba u jorganizza attivitajiet tal-qari ma’ diversi awturi. Propju din il-ġimgħa il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kien qiegħed jipparteċipa fil-fiera tal-kotba f’Londra biex jippromwovi l-kotba u l-awturi Maltin ma’ pubbikaturi barranin u b’hekk ikunu qed jiġu sfruttati kuntatti internazzjonali ġodda. Din kienet l-ewwel darba li Malta għamlet parti minn din il-fiera, li kienet suċċess.

Fil-qasam edukattiv, hemm ħafna faċilitajiet li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom, u l-MUT, bħala union li taħdem direttament f’dan il-qasam, tħeġġeġ il-qari, u bħala MUT Publications Ltd. biex tippubblika r-rivista Sagħtar flimkien ma’ kotba interessanti għat-tfal bħala parti mis-Sensiela Kotba Sagħtar. Din tikkumplimenta lill-istrateġija Nazzjonali tal-litteriżmu billi tgħin sabiex it-tfal dejjem isibu affarijiet ġodda x’jaqraw. “Mill-esperjenza ta’ MUT Publications Ltd, it-tfal jekk isibu jaqraw dwar dak li jinteressahom jaqraw aktar u għaldaqstant dejjem infittxu li nipprovdu temi u suġġetti interessanti kemm bħala rivista u anki kotba. Għalkemm wieħed jammetti li għad fadal ħafna xi jsir sabiex it-tfal jaqraw dejjem aktar, wieħed ma jistax ma jkunx pożittiv dwar in-numru ta’ kotba ta’ kwalita’ li hawn bil-Malti fis-suq u dan jawgura tajjeb għall-futur tal-qari f’pajjiżna,” qalet b’ottimiżmu l-MUT.

Jekk xi ħadd irid jaqra, ma jistax iġib skużi li m’għandux x’jaqra. Lokalment, in-numru ta’ pubblikazzjonijiet żdied b’mod straordinarju hekk kif matul is-sena l-oħra biss, f’Malta ġew ippubblikati 402 kotba u 561 periodical u dan ovvjament meta neskludi l-eluf kbar ta’ kotba fis-suq internazzjonali. Meta tkellimna ma’ Horizons Ltd li huma pubblikaturi lokali, sostnew li l-ktieb għadu popolari ħafna mal-Maltin, u minkejja  l-era digitali u l-forom varji ta’ kif wiehed jista’ jaqra ktieb, dak stampat jibqa’ preferut. Anke għalkemm hemm kompetizzjoni tremenda mill-ktieb ‘barrani’, il-ktieb ‘Malti’ jibqa’ mfittex sew.

Bħala ġeneri ta’ kotba, l-Maltin jibqgħu jagħżlu r-rumanzi u novelli, waqt li l-kotba tal-Melitensia jibqgħu mfittxija mill-kollezzjonisti b’mod partikolari. Mill-banda l-oħra, sfortunatament il-poeżija ma tinbigħx u zgur li kull pubblikatur prattikament jagħmel it-telf kull darba li jippubblika l-poezija. Bħala dar tal-pubblikazzjoni, Horizons jieħdu sehem f’diversi fieri u attivitajiet li jħeġġu l-qari organizzati minn diversi entitajiet fosthom il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u anke l-Għaqda tal-Malti fuq il-Kampus tal-Università. “Dawn huma opportunitajiet uniċi biex ilaqqgħu l-pubblikatur mal-qarrejja, kif ukoll ikun hemm espożizzjoni ta’ tant kotba taħt saqaf wieħed.”

“Is-suq Malti huwa mbierek minn numru kbir ta’ kotba li jinħarġu kull sena. Horizons ippubblikat 31 ktieb matul l-2014, li naħseb huwa rekord assolut. Dis-sena diġà wkoll għandna fis-suq 11-il ktieb ġdid.” Dan in-numru kbir ta’ kotba, bħala Maltin għandna x-xorti li nistgħu nissellfuhom b’xejn mill-ħafna libreriji pubbliċi li għandna madwar Malta. Fil-fatt, matul is-sena 2014, fil-libreriji kien hemm żieda ta’ 29,916-il ktieb ġdid.

Il-Maltin jidher li jħobbu jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet li għandna għaliex matul l-aħħar sena kien hemm żieda ta’ 4,569 membru ġdid li ssieħbu f’dawn il-faċilitajiet bis-self ta’ kotba jlaħħaq is-635,008. Fost is-self l-aktar popolari għat-tfal fil-kotba bil-lingwa Maltija, kein hemm il-kotba ferm maħbuba ta’ Trevor Zahra, Joe Casha, Carmel G. Cauchi u Clare Azzopardi. Filwaqt li fost l-awturi bil-Malti għall-adulti, kienu popolari awturi bħal Emilio Lombardi, Lina Brockdorff u Elio Lombardi.

Kif jisqarr l-awtur rebieħ tal-premju tal-UE għal-Letteratura, Pierre J. Meilak, il-libreriji huma għodda li bihom issir ħabib mal-kotba. “Jien tħabbibt mal-kotba grazzi għal-librerija li kont inżur kull nhar ta’ Ġimgħa wara l-iskola. Iż-żminijiet inbidlu u magħhom qed jinbidel ukoll il-kunċett ta’ librerija. Illum librerija hija post li jagħti l-ħajja lill-kotba b’attivitajiet bħal sessjonijiet ta’ qari, laqgħat mal-kittieba, workshops ta’ kitba u logħob relatat mad-dinja tal-ktieb. Il-librerija għandu jkun post ta’ divertiment, mhux biss għal min diġa’ jħobb jaqra imma, iżjed u iżjed, għal min għad irid jiskopri l-maġija tal-qari.”

Min-naħa tiegħu, l-Prof. Oliver Friggieri li għandu mħabba partikolari għall-kotba tkellem dwar l-irwol li jħoss li l-ktieb għad għandu fid-dinja moderna tal-lum.  “Il-ktieb hu waħda mill-eqdem invenzjonijiet tajbin, u huwa wkoll il-mezz li, fost l-oħrajn fir-reliġjonijiet ewlenin, Alla nnifsu nqeda bih biex jitkellem mal-bniedem, u għalhekk ukoll mal-ħlejjaq l-oħra ugwalment Tiegħu. Maż-żmien l-istorja tal-ħsieb saret l-istorja tal-ktieb, il-maħżen tal-memorja ta' ġenerazzjonijiet differenti.”

Bil-mod filosofiku tiegħu, kompla jispjega kif, “kull bibljoteka hi l-arkivju tar-ruħ umana li matul is-sekli ħalliet il-marka tal-eżistenza qasira tagħha fuq din il-pjaneta. Il-ktieb hu sensiela ta' ħsejjes miktuba, minquxa skont alfabett, espressjoni ta' ħsieb. Bħan-noti tal-muzika, il-kliem miktub fuq il-paġna huwa sinjal li jiftiehem, jinqara, jinstema' u jinkiteb. Mingħajr ktieb ma hemmx tradizzjoni u memorja. Dawn ix-xejriet kollha huma marsusin f'dik li hi l-kelma, invenzjoni tal-għaġeb li biha l-moħħ, il-fomm u fuq kollox il-qalb jaħdmu flimkien biex jipproduċu raġuni u emozzjoni. Bir-raġuni l-bniedem jifhem xi ħaġa, u bl-emozzjoni l-bniedem jiċċivilizza lir-raġuni u jmur ħafna lil hinn minnha.” 

Kull ktieb tajjeb hu stedina lill-moħħ biex jagħraf, u lill-qalb biex tkun ħanina. Għerf u ġentilezza: hi t-taħlita li biha jiftiehem, fost l-oħra, xi ġenju bħal Einstein. L-istorja u l-kitbiet tiegħu juru dan kollu sikwit. Prof. Friggieri isostni kif anki fl-epoka tal-kompjuter il-ktieb jibqa' l-aqwa għodda għall-istudju. It-teknoloġija tal-informatika hi meravilja naturali, jiġifieri verità naturali antika li l-bniedem, 'slow learner' tassew, skoprieha issa wara li Alla ilu ħafna li xeħetha madwarna biex l-aqwa mħuħ fostna jfittxuha  u jsibuha. II-kelma wkoll hi invenzjoni, sejba ta' mod kif il-moħħ u l-qalb jitkellmu u jniżżlu għal dejjem il-ħsieb u l-emozzjoni tagħhom.

Dawn il-ftit riflessjonijiet huma biżżejjed biex ifakkruna li l-post tal-ktieb hu dejjem ċentrali fil-mixja twila tal-bniedem mill-injoranza naturali tiegħu sa dik ir-roqgħa art żgħira li nsejħuha 'għerf'. Kull ktieb hu maħżen ta' għerf, u f'dan il-maħżen hemm skoperta assoluta: aktar ma taqra u tistudja, aktar tintebaħ kemm taf ftit, jew saħansitra ma taf xejn. U dak il-ftit jitlob ukoll li jkun aġġornat, għaliex l-iżvilupp hu tiġdid, reviżjoni u titjib. lI-ktieb għallinqas jagħmilna 'għorrief' fis-sens ta' Sokrate. Fl-umiltà tiegħu Sokrate kkonkluda li hu kien l-aktar bniedem għaref tal-belt għaliex waqt li ħaddieħor 'ma kienx jaf li ma jafx', hu, Sokrate, 'kien jaf li ma jafx'.

Il-ktieb hu oġġett li għandu jkun qrib tagħna dejjem, sa minn tfulitna. Il-qari huwa gost, waqt li huwa wkoll bżonn. Mingħajr il-ktieb ma nindunaw qatt kemm għadna nafu ftit, u kemm il-ħolqien ta' madwarna hu mimli meravilji li aħna forsi lanqas biss nafu li jeżistu. Biżżejjed nieħdu, bħala eżempju, kif bil-buttuna tat-televiżjoni tara minnufih stampa li hi ġejja mill-bogħod. Hi liġi tan-natura li kienet hemm mill-bidu u li ftit imħuħ kbar indunaw biha dan l-aħħar. 

Mingħajr tradizzjoni ta' kitba ma kinitx tista' ssir skoperta. Aħna stess aħna ktieb miftuħ li dwaru nafu ftit. Fi ftit kliem, il-ktieb jibda biex jurina kemm mingħajr qari, jew studju, ma nifhmu xejn mill-kumplessità preċiża tad-dinja li ninsabu fiha. Wisq inqas jista jkollna ħjiel tal-univers li hemm ġo fina. “Ejjew naqbdu ktieb f'idejna issa stess, u nintebħu minnufih kemm kull ktieb huwa intelliġenti wisq aktar minna.”

Prof. Friggieri jispjega kif fil-proċess tal-kitba, kull kittieb jgħaddi minn esperjenza speċjali biex joħloq ktieb. “M’hemmx prezz għall-ktieb, u ebda ktieb mhu għali biżżejjed għal dak kollu li jinvolvi fil-ħsieb, fil-kitba, fl-istampar, fil-produzzjoni...proċess ta' xhur u anki snin. Hemm gost fil-fatt li tixtri ktieb, taqrah u terfgħu. Ktieb jikber miegħek, minn tfulitek sal-aħħar. Kull ktieb, hu x'inhu s-suġġett tiegħu, jipproduċi l-aqwa kwalità li għandu jkollna: il-ġentilezza, ir-rispett, l-imħabba lejn kulma aħna u kulma hawn madwarna. 

Ktieb reliġjuż jgħallimna nemmnu, ktieb xjentifiku jindikalna x'għandna nifhmu, u ktieb artistiku jirfinalna dejjem qalbna.”

More in Arti