Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Restawr tal-istatwa fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl

"Nemmnu li l-gżejjer għandhom potenzjal li jiġu żviluppati f’attrazzjoni oħra għal min ikun qed iżurna"

Staff Reporter / 25 t'Awwissu 2014 10:39
L-istatwa ta’ San Pawl fuq il-gżejjer
“Il-Gżejjer ta’ San Pawl għandhom potenzjal li jiġu żviluppati f’attrazzjoni turistika oħra importanti” dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis din il-ġimgħa waqt konferenza tal-aħbarijiet. Zammit Lewis faħħar il-ftehim li ntlaħaq bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Din l-Art Ħelwa biex ikomplu jtejbu l-kultura tagħna u l-prodott turistiku tal-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.

“L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tgħin b’mod finanzjaru lil Din l-Art Ħelwa sabiex tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Pawl li tinsab fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl. Ninsab ċert li din il-kollaborazzjoni mhux se tieqaf hawn għaliex nemmnu li l-gżejjer għandhom potenzjal li jiġu żviluppati f’attrazzjoni oħra għal min ikun qed iżurna” saħaq il-Ministru.

Kompla jgħid li l-prodott turistiku ma jiddependix biss mill-investiment tal-Gvern imma wkoll mill-ħidma u l-isforzi kollettivi tal-operaturi turistiċi, mill-proġetti tal-Kunsilli Lokali u mir-responsabbiltà li jieħdu ċittadini fil-ħarsien tal-ambjent u d-dehra ta’ pajjiżna. 

Edward Zammit Lewis irrefera wkoll għax-xogħol ta’ restawr tal-faċċati ta’ Torri Wignacourt kif ukoll restawr tal-‘beachpost’, li kienet tifforma parti minn strutturi kontra l-invażjoni fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li se jkun jista’ jibda kif jispiċċa s-sajf.

Semma wkoll l-irwol li għandhom l-NGOs fi ħdan ix-xenarju kulturali u turistiku f’pajjiżna u saħaq li huma bosta l-organizzazzjonijiet li anke b’mod volontarju qed jieħdu sehem attiv fil-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna u li flimkien jieħdu ħsieb li dawn l-assi tant importanti jkunu jistgħu jiġu mgawdija kemm mill-Maltin, kif ukoll minn dawk li jiġu jżuruna.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook