Graffiti li jsebbaħ u b’għan nobbli

Dawn il-graffiti qed isiru biex titqajjem kuxjenza dwar il-Fondazzjoni tal-Klieb

Dawn il-graffiti f’San Ġwann qed isiru biex iqajmu għarfien dwar il-Fondazzjoni tal-Klieb
Dawn il-graffiti f’San Ġwann qed isiru biex iqajmu għarfien dwar il-Fondazzjoni tal-Klieb

Christine Xuereb, artista ta’ 34 sena minn Tas-Sliema, flimkien ma’ żewġ artisti oħrajn – James Micallef Grimaud minn San Ġwann u “Crocker” mill-Gżira – għaddejjin bi proġett ta’ graffiti, jew aħjar tpinġija ma’ ħajt, fi Triq Bellavista f’San Ġwann.

Christine qalet lil ILLUM li din il-graffitti qed issir biex ikompli jitqajjem aktar għarfien dwar il-Fondazzjoni tal-Klieb. Hija qaltilna li ftit wara li bdew ipinġu mal-ħajt kien hemm min ilmenta għax ħasbu li kien qed isir xi vandaliżmu, iżda meta spjegawlhom li din hija biċċa tal-arti ta’ graffiti, l-istess persuni mhux biss fehmu iżda taw l-appoġġ tagħhom flimkien ma’ persuni oħrajn.

Id-disinn ta’ din it-tpinġija beda l-ġimgħa l-oħra u mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Awwissu.

Il-Fondazzjoni tal-Klieb, flimkien mal-SPCA, jippromwovu t-trobbija tal-klieb b’responsabbiltà. Barra li jsir ħafna xogħol mal-SPCA, issir ħidma wkoll mal-Gvern b’mod speċjali mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

More in Arti