'Kissirt grupp ta' gays fil-Vatikan'

Il-Papa Emeritu Benedettu jikteb fil-memorji tiegħu kif kisser grupp ta' gays fil-Vatikan

Il-Papa Emeritu Benedettu kien kisser 'grupp ta' gays' fil-Vatikan
Il-Papa Emeritu Benedettu kien kisser 'grupp ta' gays' fil-Vatikan

Il-Papa Emeritu Benedettu kiteb fil-memorji tiegħu li waqt li kien Papa, kien irnexxielu "jkisser grupp ta' gays" li prova jxewwwex u jinfluwenza d-deċiżjonijiet fil-Vatikan. Dan minkejja li saħaq li hu ma kellu ebda pressjoni biex jirriżenja.

Ġurnal prominenti Taljan, ippublika siltiet mill-ktieb tal-memorji ta' Benedettu ntitolat "L-Aħħar Konverżazzjonijiet", fejn fih Benedettu analizza s-snin turbulenti tal-papat tiegħu stess. Il-ktieb, li se jkun ippublikat f'Settembru huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fl-istorja, minħabba li Benedettu kien l-ewwel Papa f'sitt sekli li rriżenja.

Fil-ktieb, Benedettu jgħid kif sar jaf bi 'grupp ta' gays' ġewwa l-Vatikan li kienu qed jipprovaw ixewxu u jinfluwenzaw id-deċiżżjonijiet fil-Vatikan. Il-ġurnal Taljan li ppublika s-siltiet mill-ktieb jikkwota li Benedettu qal li hu "irnexxielu jkisser il-grupp".

Skont l-istess artiklu, jingħad li dan il-grupp ta' impjegati omosesswali fil-Vatikan ingħaqdu biex jagħtu support lill-xulxin fil-karrieri tagħhom ġewwa instituzzjoni li għall-sekli twal opponit l-omosesswalità.

Benedettu rriżenja wara perjodu turbulenti fil-papat tiegħu, immarkat mill-iskandlu tal-"Vatileaks", li kixef każi ta' korruzzjoni fil-Vatikan. Skont il-ġurnal Taljan, dan il-grupp li Benedetti kisser, seta' kien involut fit-tixwix biex jiġu esposti l-"Vatileaks" u bihom tiġi nfluwenzata r-riżenja tal-Papa.

Benedettu iżda, sostna dejjem li ma kellu ebda pressjoni biex jirriżenja u għamel dan minħabba raġunijiet ta' saħħa biss.

More in Zekzik