Suċċessi fil-Finlandja għall-kantanta Michela Dalli

L-ewwel post f'kompetizzjoni fil-Finlandja

Michela Dalli, tfajla ta’ ħamsa u għoxrin sena minn San Ġiljan, taħt it-tmexxija ta’ Pamela Bezzina minn VocalBooth Studios kienet riċentament magħżula minn Erseb Productions sabiex tipparteċipa fl-ispettaklu “Northern Lights”, kompetizzjoni internazzjonali ta’ mużika pop u folk li seħħet ġewwa l-Finlandja, fejn parteċipanti minn 8 pajjiżi differenti, fosthom Malta kienu rappreżetati.

Huwa importanti li wieħed jinnota li fil-kategorija tagħha, Michela Dalli kellha kompetizzjoni ferm diffiċli, iżda qalb 14-il parteċipant ieħor, hija spiċċat fl-ewwel post, wara prestazzjonijiet mill-aqwa tal-kanzunetti; “I Dreamed a Dream”, meħudha mill-musical ‘Les Miserables’ u “I Look to You”, oriġinarjament kantata mill-mibkija Whitney Houston.

Fl-2015, Michela Dalli stabillixit ruħa fix-xena tal-mużika lokali billi waslet sal-fażi finali ta’ 3 kompetizzjonijiet nazzjonali: “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta ‘Charlie l-Artist’, Is-“Summer Hit Song Contest” bil-kanzunetta ‘One of a Kind’ u l-“Konkors Kanzunetta Indipendenza” bil-kanzunetta “Kelma Bejn Tnejn”, kollha fuq kompożizzjoni ta’ Andrew Zahra u kliem ta’ Rita Attard.

Il-bidu tas-sena 2016 kien pożittiv, u Michela Dalli lesta sabiex tkompli tistinka u taħdem bl-għajnuna ta’ VocalBooth Studios u Ironic PR & Artist Management, sabiex tkompli miexja fit-triq it-tajba. Hija taf li minħabba l-età pjuttost żgħira tagħha, tista tilħaq sas-smewwiet fix-xena tal-mużika u għandha dejjem taspira għal aktar.

More in Zekzik