Zlatan Ibrahimovic issa bl-għodda tat-tiftix tiegħu

Il-plejer tal-futbol donnu jrid iħaqqaqha ma' Google

Il-plejer tal-Paris Saint-Germain Zlatan Ibrahimovic
Il-plejer tal-Paris Saint-Germain Zlatan Ibrahimovic

Google - kumpanija li ftit li xejn għandha bżonn introduzzjoni bħala għodda ta' tiftix online. Tant hi popolari, li saħansitra saret verb f'dizzjunarji Ingliżi, li tfisser ovvjament "li tfittex xi ħaġa online fuq l-għodda ta' tiftix ta' Google." Għodod ta' tiftix online oħra jfittxu li xi darba jilħqu l-livell tagħha - imma jidher li issa hemm kompetizzjoni oħra - Zlatan Ibrahimovic.  

Il-plejer Żvediż jidher li jaf ikollu kisba oħra ma' dawk li diġà għandu fil-kamp tal-futbol hekk kif issa Ibrahimovic għandu l-għodda ta' tiftix tiegħu online - zlaaatan.com

Dan is-sit jidher eżattament bħal Google - li huwa differenti huwa li kull tiftixa awtomatikament tinkludi l-kelma 'Zlatan' ukoll. B'hekk jekk wieħed ifittex il-kelma "ikel" din l-għodda ttella' dak kollu li għandu x'jaqsam ma' Zlatan u mal-ikel ukoll.

Id-dehra tas-sit qisha ta' Google
Id-dehra tas-sit qisha ta' Google

 

Bħal Google hemm il-funzjoni wkoll ta' 'Qed Inħossni Xxurtjat' - iżda din id-darba jisimha "Qed inħossni Zlatan" - liema funzjoni tieħdok direttament għall-paġna tal-Wikipedia tal-plejer.

Jidher li mit-tnedija tagħha, diġà użawha madwar 100,000 persuna. Din l-għodda ma ġietx maħluqa minn Zlatan innifsu, imma mill-aġenzija SweetPop. Andreas Killander, id-direttur kreattiv ta' din il-kumpanija qal li fil-fatt qas biss staqsew għall-permess ta' Zlatan innifsu. Imma qal li jittama li tal-anqas togħġbu l-idea speċjalment għaliex "Zlatan l-idolu tagħna. Magħruf mad-dinja kollha. Għalhekk għażilna lilu!"

Ironikament, it-tiftix tas-sit innifsu hija operata minn Google.

 

 

More in Zekzik