Il-ginger, iċ-chill, il-perfezzjonist u l-all rounder għaqqdu band

WaterWings - band relattivament ġdida fix-xena lokali. Il-membri kollha għandhom 19-il sena u huma kollha studenti universitarji. Għadhom kif għamlu d-debutt tagħhom bid-diska Steal the Crown. 

Min huma l-membri tal-band?

Marc Alan Spiteri, kantant u bassist, li qed jagħmel B.Sc fl-Inġinerija tal-Informatika, Ryan Bezzina d-drummer li jistudja l-liġi, Luca Baldacchino l-kitarrist li qiegħed fil-kors tal-B. Com. u Rene Camilleri l-pjanist li jsegwi B. Eng fl-Inġinerija Mekkanika. 

Minn fejn bdiet l-idea tal-band?

L-idea nibtet minn opportunità ta’ gig li kellna f’Ottubru 2010. Ryan kien avviċina lil Luca u lil Marc, kif ukoll membru ieħor tal-band li llum m’għadux parti minnha, u konna ħejjejna għalih fi żmien qasir. Konna ħassejna li kellna xi ħaġa tajba bejnietna fuq il-palk, u għalhekk iddeċidejna li nkomplu.

Kemm ilkom tafu lil xulxin?

Minn meta dħalna s-sekondarja ġewwa Savio College, jiġifieri din hija d-disa’ sena ta’ ħbiberija bejnietna... xi dwejjaq hux?

Meta tkun grupp kif tasal biex taqbel fuq stil ta’ mużika li se tibdew iddoqqu?

Għamilna żmien twil indoqqu l-cover versions, u kważi konna qed nistaġnaw fuq ftit stili ta’ bands li konna nsegwu ħafna. Dal-aħħar, anke minħabba iktar esperjenza u maturità, indunajna li hemm ħafna iktar x’nistgħu nagħmlu. Jekk tagħti daqqa t’għajn lejn x’mużika jisma’ ta’ kuljum kull wieħed minna, għandek pop, rock, R’n’B, jazz, metal, mużika klassika... minn kollox! Infatti, meta żviluppa l-ħoss tagħna, kien influwenzat minn dawn il-ħsejjes kollha, u ġeneralment ixaqleb lejn l-alternative rock...però xorta, kemxejn differenti.

Għala l-isem WaterWings?

Fejn l-istorja wara l-isem ta’ diversi bands tkun waħda profonda, fil-każ tagħna kważi lanqas fih tifsira! Lejliet dak l-ewwel gig li semmejna, l-organizzaturi riedu li ta’ bilfors il-band ikollha isem. Ma kellna l-ebda idea ta’ x’se ngħidulhom, u meta ġejna daharna mal-ħajt, Ryan fetaħ il-ktieb tal-eżamijiet tad-drums u tana tliet ismijiet minnu; wieħed minnhom kien WaterWings. U wara ċertu żmien, kif naqbdu ngħidu...irbatna qalbna miegħu, u baqa’!

Meta u minn fejn bdiet l-idea ta’ Steal the Crown?

Steal The Crown ġiet minn diska oħra li konna ktibna ftit taż-żmien ilu, u li konna bejn konvinti u bejn le fuq il-ħoss tagħha. Meta konna bnejniha aħjar, imbagħad, iltqajna’ mal-producer, Niki Gravino, li taha dik l-aħħar laqta li kellha bżonn.

Fuq xiex titkellem Steal the Crown?

Għall-kuntrarju ta’ dak li forsi jaħsbu diversi nies, m’hijiex fuq kuruna! Hija metafora dwar esperjenza personali li għaddejna minnha bħala band.

Xi tgħidulna dwar il-video ta’ din id-diska?

Il-video twieled madwar 5 xhur ilu meta kellna l-ewwel laqgħa ma’ Carlo u Sebio ta’ Neomax Studios, il-produtturi tal-video. Kellna diversi ideat li huma raw kif jistgħu jseħħu b’mod prattiku, u ma tantx domna ma ndunajna li għall-video kienet tagħmel sens jekk inħallu l-metafora fil-ġenb u nieħdu t-titlu ‘Steal The Crown’ litteralment! Minn hemm bdiet l-idea tal-karozza, il-kuruna, it-tellieqa...

Kemm ħadilkom żmien biex tiġbdu dan il-video? X’għajnuna sibtu? Jidher li kellkom baġit tajjeb ħafna…

Jekk tgħodd il-preparamenti u l-laqgħat li kellna mal-produtturi, l-idea kollha ħaditilna madwar xahrejn, anke minħabba impenji oħrajn ta’ skola. Il-filming sar fil-bidu ta’ Awwissu u ħadilna ġimgħa u nofs. Il-video sar possibli bis-saħħa tal-isponsors tagħna u naturalment mill-but tagħna wkoll.

X’aspettazzjonijiet għandkom bħala band għall-futur?

Ovvjament l-iskop huwa li nesponu l-mużika tagħna kemm jista’ jkun, kemm f’pajjiżna kif ukoll ’il barra minn xtutna. Bħalissa qegħdin niktbu iktar materjal oriġinali bit-tir ikun li dawn isibu ruħhom f’EP jew saħansitra album…

X’futur taħsbu li hawn għal bands lokali?

Sfortunatament, bħalissa il-maġġoranza tal-bands huma fuq bażi part-time. Bands lokali hawn ħafna, u nemmnu li talent hawn ħafna wkoll. Iktar ma jgħaddi żmien iktar qegħdin jingħataw opportunitajiet, però nemmnu li dejjem hemm iżjed xi jsir biex bands lokali jingħataw l-ispazju u l-kuraġġ biex ikomplu jdoqqu u jsegwu l-ħolm tagħhom.

Liem huma l-bands li jispirawkom? Kemm jekk Maltin u anke barranin?

Hemm diversi bands li jispirawna, bħal Muse, Biffy Clyro, Alt-J, Franz Ferdinand… imbagħad kulħadd għandu l-ispirazzjoni partikolari tiegħu differenti, kif semmejna iktar kmieni. Pereżempju Luca u Ryan isegwu wkoll bands bhal Avenged Sevenfold, Rene mill-kompożituri klassiċi, Marc minn kompożituri iktar moderni bħal Gershwin u Piazzolla.

X’hemm imħejji wara Steal the Crown?

Diġà bdejna naħdmu fuq materjal ġdid, u għalissa qed naraw kif se niżviluppaw ideat ġodda. Li hu żgur hu li terġgħu tisimgħu b’xi diska oħra minn tagħna żgur dalwaqt!

X’inhi l-ħolma ta’ WaterWings?

Inkunu artisti ewlenin f’Glastonbury Festival forsi? L-ikbar suċċessi tal-bniedem kollha minn ħolm bdew wara kollox!

X’inhi l-biża’ ta’ WaterWings?

Xi kreaturi irritanti ġol-kamra fejn indoqqu forsi? Ma tantx nieħdu gost bihom, ħa ngħidu hekk!

Iktbu isimkom u ħdejn kull wieħed agħmlu kelma waħda li tirrappreżenta lil dak il-persuna… 

Marc Alan – perfezzjonist

Ryan – all-rounder

Rene – Ginger!

Luca - Chill!

More in Hames Minuti