"Min ma jilħaqx l-għenba jgħid li hi qarsa" - Miss Malta

Pearl Haber - għandha 24 sena u mill-Furjana. Għadha kif ġiet inkurunata bħala Miss Malta fil-ġimgħat li għaddew. Hija taħdem bħala assistenta għalliema tal-Ingliż u gradwata fil-Psikoloġija.

Miss Malta 2014 - Pearl Haber
Miss Malta 2014 - Pearl Haber

Ma nistax nibda l-intervista mingħajr ma nsaqsik fuq ismek? Għala semmewk Pearl? Minħabba l-film Pearl Harbor?

Missieri, minn meta kien ġuvni, dejjem xtaq li jsemmi tifla Pearl. L-idea kienet kollha tiegħu iżda nemmen li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li nibqa’ mfakkra minħabba ismi f’relazzjoni mal-film jew wisq iktar tal-port. 

Kif ġietek il-ħajra biex tieħu sehem f’Miss Malta?

Dejjem xtaqt nieħu sehem f’Miss Malta u għalija din l-opportunità litteralment waqgħet mis-sema. Kont dejjem nixtieq nagħmilha biex la darba jkolli t-tfal ngħidilhom li ħadt sehem f’konkors daqshekk prestiġjuż. Issa nista’ nżid l-isbaħ biċċa u ngħidilhom li xi darba jien kont Miss Malta!

Stajna ninnutaw li għandek personalità sabiħa ħafna, tkompli u fuq tiegħek… taħseb li din għenitek biex tirbaħ dan il-konkors?

Il-personalità tiegħi għenitni biex nirbaħ iżda l-iktar li għenuni nirbaħ kienu bla dubju d-determinazzjoni u l-perseveranza li kelli u għad għandi. Illum ninduna kemm hi importanti l-personalità għal min jirbaħ dan it-titlu għaliex miegħu jiġu ħafna dehriet u intervisti fuq il-mezzi tax-xandir lokali. 

X’kienu jirrikjedu l-preparamenti qabel irbaħt dan il-konkors?

Qabel il-finali kellna ħafna preparamenti u provi, fosthom spettakli tal-moda u intervisti magħna stess. Kellna wkoll attività ta’ ġbir ta’ fondi għall-SPCA. Dawn il-preparamenti mbagħad waslu biex f’serata finali jitħabbru r-rebbieħa ta’ titli kkonċernati.  

X’kienet ir-realtà wara l-kwinti?

Wara l-kwinti dejjem kien hemm ġenn sħiħ. Kulħadd irid ifittex ilesti u kulħadd eċitat, iżda dak hu s-sabiħ tal-palk u ta’ dawn l-avvenimenti. Wara kollox jien naħseb li hu dan li jżomm in-nies fix-xena tal-ispettaklu. 

Ħuk għamel żmien kien mudell ukoll sew qed ngħid? Hu ispirak?

Iva sewwa qed tgħid, ħija, Justin Haber kien għamel żmien jimmudella fi spettakli tal-moda u anke għamel xi reklami. Kont nieħu gost immur narah iżda mhux hu kien li jispirani li nidħol fid-dinja tal-moda. 

X’inhuma l-preparamenti li trid tagħmel issa qabel issiefer?

Qabel insiefer irrid niltaqa’ mal-isponsor tiegħi u nirranġa għall-kostum uffiċjali ta’ Malta. Irrid inkun ċerta li għandi kollox imhejji sew u organizzat kif suppost biex inkunu nistgħu ntellgħu l-aqwa pakkett possibli għaliex pajjiżna ħaqqu li nagħmlulu isem tajjeb u nżommuh f’livell għoli. 

Fejn se jkun il-konkors?

Għadna ma nafux! Għadhom iridu jikkonfermaw! Qabel kien se jkun il-Ġurdan, iżda minħabba l-inkwiet li hemm fil-pajjiżi tal-Lvant bħas-Sirja u l-pajjiżi ġirien dan ġie pospost għal data iktar tard u b’hekk se jinbidel ukoll il-pajjiż.

X’jagħmlek kuntenta? U xi tfisser ‘kuntentizza’?

Għalija l-kuntentizza tfisser paċi fil-qalb. Għalija l-kuntentizza tiġi meta tferraħ lil ta’ madwarek u tgħin lil ħaddieħor u forsi tkun ta’ wens għal xi ħadd. Xi kultant anke tisma’ lil xi ħadd jew tgħin lil ħaddieħor iħossu aħjar, dik hi biżżejjed biex lili bħala persuna tagħmilni kuntenta. 

X’ifisser għalik is-suċċess? U kif tinterpreta l-kelma suċċess?

Għalija s-suċċess huwa meta wieħed ma jaqtax qalbu minkejja l-bibien li jsib magħluqin. Is-suċċess jasal jekk tibqa’ tippersisti sakemm tilħaq dak li tixtieq. 

Kulur favorit?

L-aħdar.

Kantanta favorita u diska favorita?

Mary Spiteri l-kantanta favorita tiegħi. U ‘Xemx’ hija d-diska favorita. Jien persuna patrijottika ħafna u t-talent Malti kburija bih u nappoġġjah. 

X’inhuma l-ingredjenti li jrid ikollha mudella?

Hemm ħafna tipi ta’ mudelli. Kull tip ta’ mudella għandu jkollha ċertu kwalitajiet li jgħamluha perfetta għal xogħolha. 

Platt favorit?

L-għaġin.

Qawl Malti favorit?

Min ma jilħaqx l-għenba jgħid li hi qarsa! 

Il-motto ta’ ħajtek?

Kif jgħidu bl-Ingliż, where there’s a will there’s a way… Meta jkun hemm ir-rieda, dejjem hemm mod kif tasal. 

Pearl u l-moda…

Il-moda hija l-identità tiegħi. Kif tidher minn barra għalija huwa indikazzjoni ta’ kif tħossok minn ġewwa. Il-ħwejjeġ u l-moda huma parti kbira u importanti minn ħajti. 

Pearl u l-familja…

Il-familja għalija hija importanti wkoll. Fil-familja tibda u tispiċċa l-ħajja. Jien inqis lil sħabi bħala l-familja tiegħi wkoll għax il-ħbieb għalija huma l-familja li nagħżlu għalina nfusna. 

Pearl u l-imħabba…

L-imħabba hija dik il-ħaġa li kulħadd jixtieq, jien inkluża. L-imħabba żżommna kuntenti u hija xi ħaġa li kull bniedem għandu bżonn li jagħtiha kif ukoll jirċeviha.

More in Hames Minuti