Ħames Minuti ma' Pablo Micallef

Pablo Micallef - ilu fil-qasam tax-xandir għal dawn l-aħħar għoxrin sena, karriera li bdiet mal-istazzjon ONE fejn ħadem fuq diversi produzzjonijiet kemm għar-radju u anke t-televiżjoni. Matul l-aħħar snin rajnieh fuq l-istazzjon nazzjonali kemm bħala preżentatur ta’ programmi popolari bħal Deal or No Deal u l-aktar riċenti fuq TVAM, programm ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti.

Meta u fejn twelidt?

Twelidt fil-15 ta’ Novembru 1978, fuq il-karta tal-identità San Ġiljan għandi mniżżel però jien Bormliż minkejja li llum m’għadnix noqgħod hemm.

Kont tifel kwiet jew imqareb?

Kwiet le… ejja ngħidu li minn dejjem kelli ħafna enerġija x’naħli. L-iscouts kien mod ta’ kif irnexxieli nikkontrolla u niżvoga din l-enerġija b’mod pożittiv tant li qattajt snin twal bħala membru.

Kif qed tgħaddi l-vaganzi wara disa’ xhur ta’ TVAM? 

Fl-aħħar qed ingawdi li norqod u nqum tard, sodisfazzjon kbir wara disa’ xhur, però primarjament qed ingawdi l-familja u l-ħbieb. Il-BBQs għalija huma mod ta’ kif niltaqgħu mal-ħbieb għal ikla tajba u naġġornaw ruħna dwar x’ikun għaddej f’ħajjitna. M’hemmx aħjar milli tissoċjalizza madwar mejda ma’ kumpanija tajba.

Il-karriera tiegħek tmur lura diversi snin, kif kont bdejt?

Bdejt fil-bidu tas-snin 90 ma’ ONE Radio. Dak iż-żmien Super One. Kien wieħed mill-ewwel stazzjonijiet privati tar-radju. Dan kien sena biss wara li stazzjonijiet privati bdew jingħataw il-liċenzja biex ixandru. Minn dejjem kelli x-xewqa li niskopri iktar mill-qrib kif jaħdem stazzjon tar-radju. Dak iż-żmien l-unika mod li tagħmel dan huwa li tissieħeb ma’ dan il-grupp ta’ żgħażagħ immexxi minn Ray Azzopardi li kien jagħtina l-opportunità li nimirħu f’dak li l-aktar kien jinteressana. Snin wara beda l-istazzjon tat-televiżjoni u t-tranżizzjoni għalija kienet waħda naturali. Komplejt nistudja fl-istess ħin li kont attiv ħafna fuq il-mezzi tax-xandir lokali u allura stajt nifhem aktar u napprezza ż-żewġ aspetti. Illum bħala lettur nħeġġeġ lill-istudenti tiegħi biex jagħmlu l-istess, jesperimentaw filwaqt li jistudjaw.

Għad nerġgħu narawk b’xi game show bħal Deal or No Deal?

Oriġinarjament il-proposta tiegħi ta’ programm ‘format’ mixtri minn barra kienet ikkunsidrata bħala ġennata minħabba diversi fatturi fosthom ekonomiċi għad-daqs tal-pajjiż. Ma kinitx faċli però b’xi mod, irnexxilna ngħelbuha. Allura min jaf… forsi ’l quddiem għad nerġgħu naraw produzzjoni simili f’Malta.

Int għamilt żmien twil bħala assistent kap tar-radju ONE...

Iva kien żmien fejn esperimentajt, tgħallimt u perjodu f’ħajti li għadni ngħożż. Kien żmien diffiċli minħabba l-kompetizzjoni qalila li kienet teżisti bejn l-istazzjonijiet però kien dan li għamel dan il-perjodu eċitanti.

X’tikkummenta dwar l-iżvilupp tal-mezzi tax-xandir minn meta bdejt għal-lum?

Skont x’tifhem bi żvilupp. Teknikament l-istazzjon nazzjonali għamel avvanzi kbar f’qasir żmien, dawk privati għadhom qed ikaxkru saqajhom u r-raġuni primarjament hija dik finanzjarja. Pajjiżna f’dan is-sens għandu problema minħabba d-daqs tiegħu u l-ekonomiji ta’ skala jagħmluha diffiċli biex naraw produzzjonijiet fuq skala kbira bħal ma’ forsi imdorrijin naraw fuq l-istazzjonijiet Taljani jew dawk Ingliżi li wara kollox kbirna magħhom. Fil-każ tar-radju b’dispjaċir ngħid li l-livell mar lura. Ħafna mill-istazzjonijiet saru ‘jukeboxes’ bl-ebda forma ta’ produzzjoni. Kif tista’ tikkompeti b’mużika biss meta llum it-telefons ċellulari u l-internet saru jipprovdu dan skont id-delizzji personalizzati.

Bħala talent qed nara ħafna studenti li aktar ma jmur qed jirfinaw u jispeċjalizzaw dejjem aktar u b’mod konsistenti qed naraw l-effett ta’ dan fuq il-produzzjonijiet lokali televiżivi u anke films.

Ħajjitna llum hi invażata mill-mezzi soċjali...

U ma tistax iżżommha... u għandha t-tajjeb tagħha u bħal f’kollox hemm l-aspett negattiv. Jiena persuna li sa mill-introduzzjoni tal-internet f’Malta segwejt b’attenzjoni l-iżvilupp tiegħu. Dak iż-żmien kont saħansitra nipproduċi programm fuq ir-radju, ‘Radio Internet.’ Konna nispjegaw fost affarijiet oħra, x’inhi chat u kif taħdem. Illum 15-il sena wara, ara kif inbidlet l-istorja. Ħajjitna tista’ tgħid saret tiddependi b’xi mod jew ieħor fuq il-mezzi soċjali jew jekk le, saret influwenzata ħafna. Il-pożittiv tal-mezzi soċjali huwa kbir primarjament il-fatt li qed iżomm kuntatt ma’ ħbieb u tagħżel li ssegwi individwi li permezz tax-xogħol, l-iżviluppi u r-riċerka tagħhom inti tista’ titgħallem u tkabbar l-għarfien tiegħek.

Kif tħares lejn il-kalendarju kulturali Malti?

Qed nara dan il-buzz fost iż-żgħażagħ primarjament għal produzzjonijiet lokali. Dan l-interess forsi ma kienx minn dejjem, però matul dawn l-aħħar xhur qed nara ħafna iktar attenzjoni għall-kwalità u d-dettal. Xi ħaġa li forsi qed tagħmel il-kalendarju kulturali tagħna ħafna iktar eċitanti. M’hemmx xi ngħidu żdiedu wkoll l-ammont ta’ produzzjonijiet. Kultant dan huwa misteru għalija, kif f’weekend ikollok problema b’liema attività se jkollok tagħżel li tmur.

Hemm xi delizzji u passatempi f’ħajtek? 

Inħobb nogħdos bla dubju. Huwa mod affaxxinanti ta’ kif tesperjenza n-natura. Il-ġmiel ta’ taħt il-baħar ma tistax tiddeskrivih u lanqas il-filmati m’huma biżżejjed. Trid tgħix din l-esperjenza biex tagħraf kemm verament hija dinja oħra. Hawn Malta minkejja li m’għandniex il-varjetà u kwantità ta’ ħut però għandna diversi siti b’iġfna ta’ żmien il-gwerra mgħarrqin u għerien naturali mill-isbaħ. Sajf jew xitwa, bi nhar jew bil-lejl, kull darba hija esperjenza ġdida. Delizzju ieħor tiegħi huwa t-tisjir. Inħobb nesperimenta b’riċetti minn pajjiżi differenti.

Xi tfisser għalik li tkun kuntent fil-ħajja?

Li twettaq dak li tixtieq. Madankollu l-bniedem jinbidel kontinwament u allura huwa tajjeb li dawn ix-xewqat jiġu aġġornati wkoll għaliex xi ħaġa li qed tagħtik sodisfazzjon illum mhux neċessarjament tibqa’ tagħtik l-istess sodisfazzjon matul is-snin.

Il-ħolma li għadek ma wettaqtx?

Li nogħdos fil-Baħar l-Aħmar, li nippubblika ktieb bi stejjer qosra u li nikteb/nidderieġi storja għall-film... fost ħolmiet oħra iżgħar. Jekk tistaqsini dwar l-ordni ma nafx ngħidlek minħabba li r-realtà tal-ħajja ħafna drabi timponi hi fuq il-ħolm però persważ li xi darba jitwettqu.

More in Hames Minuti