Issa wara Għawdex….kulħadd għal Festa ta' Kemmuna

Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt: 19 – 20 Awwissu​: Wara nuqqas ta’ 40 sena tirritorna l-purċissjoni bil-vara

Nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej, min irid jattendi għal festa mhux tas-soltu għandu jerħilha sa Kemmuna, fejn wara nuqqas ta’ 40 sena tirritorna l-festa kif kienet issir 40 sena ilu, jiġifieri b’ikla tradizzjonali, bil-marċi, logħob tan-nar u issa anke purċissjoni bil-vara tal-Madonna li hi tal-qalb ta’ Marija iżda magħrufa bħala Santa Marija.

L-istatwa kienet mogħtija lil Kemmuna mill-Kaptan Charles Vassallo u billi l-elementi naturali għamlu ħsara fil-kulur tal-istatwa, ġiet restawrata miż-żagħżugħ artist Għawdxi Manwel Farrugia.

Il-programm ta’ din is-sena tħejja minn kumitat immexxi minn Silvio Buttigieg li għandu l-qraba tiegħu jgħixu fuq Kemmuna u hu mgħejjun mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Kunsill lokali ta’ Għajnsielem.

Din is-sena l-istatwa se tinżamm fil-parroċċa ta’ Għajnsielem biex fis-6 pm tas-Sibt tittieħed lejn Kemmuna fuq dgħajsa b’pellegrinaġġ fejn kull min għandu opra tal-baħar qed jintalab biex jakkumpanja l-istatwa sa Kemmuna. Se jsir tberik tad-dgħajjes kollha li jakkumpanjaw il-vara. Il-vara titniżżel fil-bajja ta’ Santa Marija minn fejn tittieħed b’purċissjoni lejn il-Knisja akkumpanjata mill-banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem. Fis-7 pm barra l-knsija se tiġi kkonċelebrata quddiesa solenni biex wara jkun hemm serata mimlija daqq, bejgħ ta’ ikel u xorb u mużika Maltija u barranija. Is-serata tagħlaq b’kunċert live mill-band popolari Għawdxija ‘D Capitals’ b’diversi kantanti stabbiliti. Il-festa tintemm f’nofsillejl.

Sadattant ġurnata qabel barra l-attivitajiet mat-Torri ta’ Santa Marija li se jkun miftuħ għal pubbliku fejn se jkun hemm rappreżentazzjonijiet tas-seklu 17 li teħodna għal żmien il-Gran Mastru Wignacourt, se jkun hemm ikla tradizzjonali Maltija, fejn ikollok għażla ta’ stuffat tal-fenek jew tal-majjal il-forn, filwaqt li jkun hemm bejgħ ta’ diversi ikel u xorb. Wara d-9 s-serata se tkun akkumpanjata bid-daqq tal-grupp popolari Għawdxi, Cash & Band.

 

 

Il-Programm:

Il-Ġimgħa 19 ta’ Awwissu

11:00 – 21:00 Santa Marija Tower day Activities

19:00 Il-Ftuħ tal-Festa

20:00   Ikla tradizzjonali Maltija – Fenek u Majjal

21:00   Kunċert Live mill-grupp Cash & Band

 

Is-Sibt 20 ta’ Awwissu

10:30 – 18:00 Santa Marija Tower day Activities

18:00 Pellegrinaġġ bil-Madonna mill-Port tal-Imġarr sal-bajja ta’ Santa Marija Kemmuna

18:00 Marċ mill-banda t’Għajnsielem fit-toroq ta’ Kemmuna

19:00 Quddiesa quddiem il-Knisja

20:30 Bidu tas-serata u festa esterna bl-ikel, xorb u mużika

21:00 Kunċert minn D Capitals b’kantanti stabbiliti

 

Trasport lejn u minn Kemmuna

Trasport lejn Kemmuna mill-Imġarr (faċċata tat-terminal), mill-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, mill-Marfa Malta (fejn il-moll il-qadim). Miċ-Ċirkewwa Malta (wara l-gabbana).

Ħinijiet kull nofs siegħa mid-9 ta’ filgħodu ’l quddiem. Ritorn għall-istess postijiet se jkun provdut fi tmiem l-attività.

L-istorja ta’ Kemmuna u l-Festa

L-oriġini tal-kelma Kemmuna hu interessanti ħafna u m’għandhiex tifsira waħda. Studjużi bħal Ovidju jgħidu li ġejja mill-kelma Għarbija ‘casyra’ li tfisser gżira. Hemm ukoll min jgħid li ġejja mill-kelma kemmun - pjanta li ż-żerriegħa tagħha tintuża fil-kċina Mediterranja u tal-Lvant. Però l-aktar waħda li laqtitni u li tagħmel ħafna sens għal dan l-artiklu hija li skont il-Griegi din il-kelma tfisser festa.

Il-gżira ta’ Kemmuna hi kkunsidrata parti mit-territorju ta’ Għajnsielem, mhux biss fil-qasam ċivili imma wkoll f’dak reliġjuż. Fir-reġistru elettorali tissemma triq waħda biss bl-isem ta’ Triq il-Gvernatur Walter Congreve u hija rreġistrata mat-toroq tar-raħal ta’ Għajnsielem.

Kemmuna, fl-antik kienet abitata bħall-gżejjer Maltin l-oħra, minħabba li fil-parti l-kbira ta’ din il-gżira hemm  ħafna ħamrija fertili. Illum kulħadd jaf li Kemmuna għandha popolazzjoni żgħira ħafna ta’ erba’ persuni. Iżda kull fejn jgħixu numru ta’ nies, irrelevanti jekk hux bl-eluf jew inqas minn mija, dawn ifittxu li jgħixu bħala komunità. Hekk ġara f’Kemmuna, għaliex il-ftit nies li kienu jghixu f’din il-gżira xorta bnew kappella li tmur lura sew fiż-żmien fl-1618, meta nbena t-torri. Iktar tard, fis-sena 1667 tkabbret u reġgħet ġiet irranġata fis-sena 1716. Din il-kappella hija ddedikata lir-ritorn tas-Sagra Familja mill-Eġittu u kienu saħansitra jagħmlu l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn anke kienet issir purċissjoni mill-kappella tul it-triq ta’ quddiemha u terġa’ lura fost id-daqq tal-qniepen. Aktar riċenti kienu daħħlu l-banda, l-armar u l-murtali. Saħansitra, sfortunatament, f’sena minnhom kien korra u miet raġel bil-ħruq tan-nar.

Din l-istorja nebbħet lis-sindku ta’ Għajnsielem, Franco Ciangura li jerġa’ jqajjem din il-festa wara nuqqas ta’ 40 sena. “Kien ilu jbehren f’moħħi li nerġgħu nqajmu l-festa ta’ Kemmuna. Kont qrajt fuqha u anke l-mibki Dun Karm Cassar u nies oħra rrakkontawli li kienet issir festa sabiħa. Niftakar sew meta aktar minn sena ilu, wara li jien ilħaqt sindku, kien avviċinani l-ħabib tiegħi Silvio Buttigieg li għandu l-familjari jgħixu f’Kemmuna u qalli li kemm hu u kemm ir-residenti jixtiequ jerġgħu jippruvaw jagħmlu festa kif kienet issir qabel. Ngħid il-verità, jien u sħabi l-kunsilliera aċċettajna u offrejna l-koperazzjoni tagħna biex nippruvaw nerġgħu nqajmu din il-festa wara nuqqas ta’ 40 sena li kienet ilha ma ssir.”

Saru diversi laqgħat flimkien mar-residenti, il-Kunsill u l-Ministeru għal Għawdex u bdew bil-preparamenti. U saret l-ewwel festa f’Kemmuna li rnexxiet bil-kbir. Il-programm kien sempliċi. Saret quddiesa konċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech u ħadet sehem il-banda ta’ Għajnsielem. Saret ukoll ikla tradizzjonali kif kien issir fil-passat, fost id-daqq ta’ mużika folkloristika, ikel u xorb. L-organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa fetħet it-Torri ta’ Santa Marija għall-pubbliku u organizzaw ukoll attivitajiet għal kulħadd matul il-ġurnata. “Però l-aktar li nixtieq hu li nieħdu ħsieb aktar din il-gżira u mhux nużawha biss għal skopijiet kummerċjali. Aħna bħala Kunsill nixtiequ li għalkemm din il-gżira tagħmel parti mit-territorju tagħna, inkunu aktar involuti biex inħarsu dan il-ġojjell ta’ kulħadd” temm is-sindku ta’ Għajnsielem.

 

 

More in G?awdex