Rajt Għawdex jinbidel

Nispera biss li ma jinbidilx f’ġungla tal-konkrit

Ktibt għexieren ta’ artikli dwar Għawdex, u ma nafx kemm iltqajt ma’ personalitajiet Għawdxin li kollha nisġu fija l-istorja ta’ Għawdex li jien qsamt magħkom. Laqqajtkom mal-ħsibijiet tal-politiċi Għawdxin u anke ta’ dawk li joħolmu li xi darba jew oħra jmexxu l-politika Għawdxija. Ippruvajt inwassal ukoll permezz tal-pinna tiegħi, il-kultura Għawdxija li anke jekk Għawdex iperper l-istess bandiera u jaqa’ taħt l-istess leġislazzjoni ta’ Malta, xorta tibqa’ gżira li għandha kultura unika b’poplu uniku li barra li jgemgem bħal ħutu l-Maltin, kapaċi jieħu r-riedni ta’ ħajtu f’idejh u jiġġieled favur il-pożittività lejn il-gżira Għawdxija.

F’dawn il-ħames snin li għext jew kif inħobb ngħid kemm ilhom li adottawni, rajt bidla kbira. Rajt Għawdex jinbidel, minn poplu jgemgem bħall-Maltin kollha, għal poplu aktar komdu bis-sitwazzjoni Għawdxija. Minn poplu li kien qed jidra japprofitta ruħu mit-turist Malti bis-sogru li jitilfu, għal wieħed li jfissed lit-turist Malti. Fejn irnexxielu minn sena għall-oħra jressqu lejn il-gżira tiegħu u begħdu milli jagħżel Sqallija minn Għawdex u n-numri qegħdin dejjem ikomplu jikbru u jikbru. Hu żgur li l-akbar mertu hi l-akkoljenza bi tbissima tal-karattru Għawdxi u anke tal-kultura li tgħammar fil-qalb tal-Għawdxi u li kien kapaċi jaqsamha mal-Malti.

Fejn qabel l-Għawdxi kien qed jesaġera fil-prezzijiet tal-ikel u xorb bil-Malti jagħżel ġita fi Sqallija li kienet tiġih irħas minn waħda lejn Għawdex, bidel l-attitudni tiegħu, bir-ristoranti Għawdxin bdew iżommu prezzijiet inqas, b’aktar ikel abbundanti u ġenwin. Ħasra biss li bħalma qed jiġri Malta, il-wejters huma kważi kollha barranin u dan inaqqas ħafna minn dak il-karattru ħelu tal-wejters Għawdxin li hu uniku, speċjalment meta joħorġulhom xi erba’ kelmiet bid-djalett Għawdxi. Djalett li jaffaxxinani iżda jċaħħduh wisq lit-turist Malti għax mal-Maltin jitkellmu biss bil-Malti.

L-Għawdxi llum tgħallem jaqsam il-gżira tiegħu mal-eluf ta’ Maltin li mhux biss jitilgħu hemm għal ġurnata, jew tmiem il-ġimgħa iżda li anke xtraw proprjetà hemmhekk u qed jitnissġu sew mal-kultura Għawdxija. Għax il-Malti hu mixtieq wisq mill-ħajja trankwilla u sempliċi tal-Għawdxi u għalhekk il-Malti, f’Għawdex u fl-Għawdxin isib dak li m’għandux f’Malta.

Barra minn hekk, huma l-mijiet ta’ Ingliżi, Ġermaniżi, Olandiżi, Serbi, Rumeni, Russi, Taljani u oħrajn li ddeċidew li jgħixu l-ħajja Għawdxija billi jew irtiraw f’Għawdex inkella għażlu li jaħdmu u jgħixu Għawdex. Dan il-fatt, għolla sew il-prezz tal-proprjetà, offra ħafna xogħol lill-ħaddiema u kuntratturi tal-kostruzzjoni li f’Għawdex mhumiex ftit, u allura l-ħajja għall-Għawdxi tjiebet b’kull mod.

Anke l-prodott agrikolu Għawdxi hu mfittex sew mit-turisti u mill-Maltin li jaraw li l-prodott agrikolu u anke dak li jiġi prodott minnu, bħall-għasel, żejt eċċ hu speċjali. Dan ukoll qed jgħin lill-familji li jgħixu mill-biedja biex ikollhom ħajja aktar komda.

Dan kollu hu ‘ripple effect’ tan-numru kbir ta’ viżitaturi li qed jitilgħu Għawdex mhux biss fi tmiem il-ġimgħa, iżda anke matul il-ġimgħa. Dan qed ikabbar l-ekonomija Għawdxija mertu għall-Għawdxi li dejjem qed jinbidel u jiftaħ idejh biex jilqa’ fi ħdanu din il-bidla kbira. Għalkemm s’issa kien kapaċi jibqa’ jżomm il-karattru uniku tiegħu ħaj. Għax Għawdex jagħmlu speċjali l-Għawdxi.

Iżda dan ma jfissirx li m’għadekx tisma l-istess kantaliena ta’ dawn l-aħħar 50 sena jew aktar fejn in-negozjanti, l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin dejjem jilmentaw dwar l-aċċessibbiltà, pont jew mina, fast ferry, ajruplan jew vapur. Għandhom raġun biex ibigħu, iżda jridu jifhmu wkoll li l-insularità doppja u li tkun gżira ċkejkna ġġib magħha żvantaġġi imma kif ktibt aktar qabel, ħafna vantaġġi wkoll. Ma tistax kif jgħid l-Ingliż ‘you have the cake and eat it too’. L-Għawdxi irid jifhem ukoll li l-Malti jogħġbu Għawdex u jippreferi Għawdex għax hemm l-element tal-avventura, tal-vapur, tal-qsim tal-fliegu. Il-vaganza għall-Malti u anke l-barrani tibda miċ-Ċirkewwa li hi ferm differenti kif jara l-qasma tal-fliegu l-Għawdxi.

Il-familji u anke l-politiċi jilmentaw dejjem dwar il-‘brain drain’ jiġifieri l-imħuħ taż-żgħażagħ tagħhom li qed jitilqu mill-gżira. Forsi li ma jistgħux jifhmu hu li dan jiġri f’kull gżira ċkejkna u anke rħula żgħar madwar id-dinja kollha, biż-żgħażagħ (anke dawk Maltin) ifittxu l-opportunitajiet ’il bogħod minn pajjiżhom. Barra minn hekk, hi realtà li ż-żgħażagħ Għawdxin malli jduqu d-duwa tal-Maddalena f’dik li hi ħajja notturna jagħżlu Malta minn Għawdex u din ir-raġuni, hi akbar milli għax Għawdex hemm nuqqas ta’ xogħol u opportunitajiet. Hi l-ħajja ta’ divertiment Maltija li twassalhom biex ikomplu jgħixu Malta u mhux ix-xogħol.

Sadanittant, ikun żball jekk xi parti minn Għawdex tinbidel f’xi Paceville ieħor, għax ħajja ta’ bil-lejl teżisti f’Għawdex iżda differenti. Fejn il-wine bars, BBQs u majjalati f’xi għelieqi u parties organizzati f’farm houses jieħdu post il-clubs u bars f’Paceville. Għalkemm tmut mhux ftit fix-xitwa, u ssir ċimiterju waqt il-maltemp.

Forsi se jkun hawn min ma jaqbilx miegħi u għandu dritt għal dan għax din hi l-opinjoni tiegħi dwar l-Għawdxin li niltaqa’ magħhom jien, li nitkellem magħhom jien u li ngħix magħhom u naħdem magħhom jien. Għawdxi m’iniex, iżda kburi li għext u għadni ngħix magħhom għal dawn l-aħħar ħames snin u iva f’dawn is-snin rajt Għawdex jinbidel u fl-istess waqt żamm il-kultura unika tiegħu. Kultura li tagħmilhom uniċi fejn tidħol trankwillità u poplu. Nispera biss li ma jkollix l-isfortuna li nara l-Għawdex jinbidel f’ġungla tal-konkrit bħalma nbidlet Malta. 

More in G?awdex