Il-Mina baqgħalha iżda l-pont lest

Forum Nazzjonali tal-isport: Joe Psaila jagħti intervista kommoventi li tintlaqa bi standing ovation

Waqt il-Forum Nazzjonali fl-Isport li tratta l-isport fil-gżira Għawdxija organizzat minn SportMalta l-aktar kelma li ssemmiet hu li fejn jidħol Sport m’hemmx bżonn mini għax diġa inħoloq pont li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer. Dan il-pont inbena meta l-Gozo Sports Board ingħaqad ma’ Sport Malta biex flimkien jaħdmu għal ġid tal-Isport f’Għawdex f’dak kollu li jkun hemm bżonn, sew mil-lat ta’ infrastruttura, kif ukoll mil-lat ta’ tagħlim u kowċing u skemi għall-atleti Għawdxin li jiġu jittrenjaw f’Għawdex.

Fl-ewwel forum Nazzjonali li sar f’Malta organizzat minn SportMalta ġie mogħti leħen anke Għawdex bil-koperazzjoni u organizazzjoni tal-Gozo Sports Board. fejn diversi kelliema Għawdxin qasmu ‘l-esperjenzi tagħhom fl-oqsma li jispeċjalizzaw fih ma’ diversi amministraturi sportivi f’Għawdex.

Kienu tliet sigħat ta’ esperjenza kbira għal konkorrenza qawwija ta’ Għawdxin li attendew dan il-forum li sar f’Villa Fiorita, Marsalforn. Fejn il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta u anke s-segretarju Parlamentari tal-Isport Chris Agius qalulna li kienu ferm sorpriżi bl-attendenza qawwija tal-Għawdxin. Li skont huma tfisser li l-Għawdxin huma għatxana li jkollhom sport organizzat u li jkunu apprezzati għas-sagrifiċċju li huma jagħmlu għaż-żagħżagħ Għawdxin, ħafna drabi bla ħlas.

Sport Malta permezz ta’ Chris Agius qal li f’dan il-forum ħareġ ċar kemm il-pont sportiv bejn Malta u Għawdex issaħħaħ u kemm ħadem il-Gozo Sports Board biex l-assoċjazzjonijiet Għawdxin ġew organizzati f’familja waħda, dik Sportiva.

It-tema għas-seminar f’Għawdex kienet: From Grassroots to Elite: The Gozitan Perspective. Fejn il-kelliema prinċipali barra l-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board, Alvin Grech u dak ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, kienu Mark Buttigieg, Frankie Muscat, Joe Psaila, Mario Bonello u Dr Karen Zammit Southernwood.

 

Mark Buttigieg li hu l-aktar coach tal-Football kwalifikat f’Għawdex fejn bħalissa għaddej bil-kors tal-Masters Pro tkellem dwar l-importanza ta’ kowċis kwalifikati f’Għawdex f’kull dixxiplina għax hemm nuqqas kbir ta’ dan. Frankie Muscat eks player tal-Football f’Malta li għażel li jaħdem Għawdex flok jilgħab mat-team Nazzjonali Malti tkellem dwar il-barrieri bejn Malta u Għawdex u kif dawn il-barrieri għandhom jitwaqqgħu. U Mario Bonello l-aqwa sprinter f’Malta għal żmien twil u li hu miżżewweġ Għawdxija fejn jaħdem ħafna għall-atletika f’Għawdex tkellem dwar l-istorja ta’ suċċess fl-atletika f’Għawdex fejn bħalissa Charlton Debono hu ċ-champion tal-Maratona tal-gżejjer Maltin. Iżda lmenta wkoll għan-nuqqas kbir ta’ parteċipazzjoni tan-nisa Għawdxin fl-atletika.

 

Fl-istess seminar kien hemm intervista tiegħi ma’ Joe Psaila l-ikona Għawdxija f’dik li hi amministrazzjoni sportiva. Joe Psaila is-sena li għaddiet ingħata l-award ta’ karriera sportiva mill-Gozo Sports Board u din il-ġimgħa ingħata unur speċjali bħala rikonoxximent ta’ karriera fl-Isport minn SportMalta. Psaila kellu diskors mill-aktar kommoventi biex l-Għawdxi ma jħarisx lejh innifsu li hu inqas minn ħaddieħor, iżda jrid jemmen fih innifsu għax Għawdex kapaċi joffri champions f’kull dixxiplna basta jieħu l-isport bis-serjeta. Psaila qal li hu ġġieled dejjem favur l-isport u meta kien għalliem tal-PE kien dejjem jiġġieled biex l-edukazzjoni fiċika tingħata l-ispazju tagħha fl-iskejjel, “għax l-Isport dejjem kien is-Cindirella tal-edukazzjoni u jien inzertajt ħabbejt lis-Cindirella” qal Psaila fost applaws kbir minn dawk preżenti fejn fl-aħħar tal-intervista ingħata standing ovation  anke għal mod kif wassal il-messaġġ tiegħu.

Dr Karen Zammit Southernwood għamlet diskors immirat lejn l-amministraturi Sportivi Għawdxin bie xikun jafu sew l-iskemi li hemm għalihom u għall-atleti Għawdxin fi ħdan SportMalta.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius fid-diskors tiegħu tenna li l-ġid li qed isir fl-isport, anke billi nutilizzaw għall-massimu r-riżorsi kollha, qed jgħin biex isiru passi kbar f’dan il-qasam. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li anke l-isport f’Għawdex kien megħjun permezz ta’ faċilitajiet ġodda jew tisbiħ ta’ faċilitajiet eżistenti u saħaq li issa, aktar minn qatt qabel, tinħass il-ħtieġa ta’ aktar coaches kwalifikati fl-isport.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo insista kemm hu importanti l-isports u kemm jgħin fil-formazzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-adulti. Il-Ministeru għal Għawdex dejjem kien ta’ sostenn għall-għaqdiet sportivi li talbu l-għajnuna għal kull avveniment li ġie organizzat. Il-Ministru tkellem ukoll b’sodisfazzjon dwar il-proġett tal-pixxina f’Għawdex - proġett li huwa ħolma tal-Għawdxin u tiegħu. Fejn malli ħa l-ministeru waħda mill-ewwel istituzzjonijiet li ħoloq kien il-Gozo Sports Board fejn speċifikament imbotta mill-ewwel biex da nil-bord jibda jaħdem fuq il-pixxina.

Il-Ministru għal Għawdex qal li għat-tieni sena konsekuttiva l-Gozo Sports Board flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u SportMalta se jorganizzaw il-Gozo Sports Awards. L-aqwa sportivi Għawdxin se jingħataw apprezzament adekwat għal dak li wettqu fis-sena 2015. Il-Gozo Sports Awards din is-sena ħa jiġu organizzati fuq livell ogħla, u barra l-unuri tas-soltu se jingħata premju ieħor għal atleta b’abbilitajiet differenti. Il-Ministru Anton Refalo esprima s-sodisfazzjon tiegħu li numru sabiħ ta’ atleti u uffiċjali tefgħu n-nomina għal dawn l-awards, li se jsiru nhar is-Sibt, 30 ta’ April.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-festival tal-isports u qal li dan għandu jgħin mhux biss it-turiżmu sportiv iżda juri wkoll l-impenn tal-Gvern favur is-settur sportiv f’Għawdex. Sena ilu l-Gozo Sports Festival kien mifrux fuq weekend, iżda din is-sena se jkun mifrux fuq erba’ ġimgħat. Il-Gozo Sports Board ħadem sabiex diversi atleti Maltin jitilgħu Għawdex u jitħalltu mal-isportivi Għawdxin għal xahar sħiħ ta’ attivitajiet sportivi.  

Indirizza lil dawk preżenti s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius li qal li dan il-forum huwa eżempju ieħor li qed jilħaq il-viżjoni tal-Gvern li jsir xogħol b’kollaborazzjoni ma’ ministeri oħra, l-aktar peress li f’dan il-forum, minbarra l-Ministeru għal Għawdex, huma involuti wkoll ministeri u entitajiet oħra. 

More in G?awdex