Joe Bajada: 42 sena ta’ Sport

  • Telaq il-karriera ta’ referee biex isajjar u waqaf isajjar biex jieħu karriera fl-isport

Joe Bajada jintervista lil president tal-FIFA l-ġdid: Giovanni Infantino
Joe Bajada jintervista lil president tal-FIFA l-ġdid: Giovanni Infantino

Twieled Ta’ Sannat fil-25 ta’ Frar 59 sena ilu. Miżżewweġ għal dawn l-aħħar 37 sena lil Salvina miż-Żebbuġ u missier Vivienne u Lourdes li tgħix Manhattan. Nannu ta’ Destinie Cristiana ta’ 12-il sena li tgħix New York mal-ġenituri tagħha li Joe jagħmel minn kollox biex kemm jista’ jkun jmur jaraha kważi kull sena. Nannu wkoll ta’ żewġ neputijiet oħra bniet li jgħixu ħdejh, Ylenia Marie ta’ 12-il sena u Yana Mirei ta’ 7 snin.

Qabel bdejt nitkellem ma’ Joe Bajada magħruf f’Għawdex bħala ‘Il-Caro’ li hu laqam tal-familja, tani CV li jekk ikolli niktibha kollha nista’ nagħlaq l-intervista issa. Għax Joe għandu karriera fl-isport ta’ 42 sena fejn beda bħala captain tat-tim tal-minors ta’ Sannat, iżda ma damx ma tħajjar għal referee fejn kien ħa l-liċenzja ta’ referee tal-MFA meta kellu 17-il sena anke jekk suppost referee kellu jkun minn tal-inqas, ta’ 18-il sena. “Dak iż-żmien kont l-uniku referee Għawdxi u billi l-vapuri kienu jispiċċaw fl-4.30 p.m. kienu tawni l-liċenzja ħalli jekk ma jkunux jistgħu jitilgħu referees Għawdex, nirrefja jien,” qalli Bajada. Dam jirreffja regolari għal 12-il sena għalkemm sal-lum għadu kultant jirreffja xi partita tal-youths.

Fl-1975 beda jwassal l-isport Għawdxi fuq il-media Maltija fejn kien u għadu jitkeb fuq il-gazetti in-Nazzjon u l-Orizzont barra li jikteb il-paġna tal-isport Għawdxi fuq il-magażin l-Isportiv. Għamel żmien ukoll jikkumenta r-riżultati tal-Football Għawdxi fuq Radio 101, Radio Calypso u TVM u anke kien beda l-programm tal-futbol Għawdxi fuq it-TV ‘GFA Review’.

 

Sadattant Joe Bajada kellu jieqaf minn referee għax Joe hu chef professjonali u ma setax jibqa’ jirreffja fi tmiem il-ġimgħa meta x-xogħol tiegħu kien jirrikjedi li jaħdem fil-kċina ta’ lukanda ewlenija f’Għawdex fl-istess ħin, “u l-ewwel il-pappa imbagħad l-umpappa,” qalli Joe bi tbissima, “u kelli nċedi l-karriera li tant kont inħobb, dik ta’ referee.” Interessanti l-fatt li Joe Bajada kien qatta’ xi xhur jaħdem bħala chef fl-Iżvizzera, u hemm kien iltaqa’ fil-lukanda 5 star f’Interlaken mas-segretarju tal-UEFA u kien stiednu biex jiġi Għawdex, fejn anke laqqgħu mal-GFA ta’ Għawdex.

Bajada l-Kok
Bajada l-Kok

U għalhekk ironikament it-tisjir bdielu karriera oħra, dik fl-amministrazzjoni tal-futbol, fejn il-GFA talbuh ikun il-PRO tal-assoċjazzjoni u fl-2007 spiċċa wkoll is-segretarju ġenerali tal-assoċjazzjoni tal-futbol Għawdxija. Iżda dan mhux biss, għax fl-2006 ingħata impjieg bħala kordinatur f’Għawdex tal-KMS wara li fl-1998 kien inħatar bħala Chairman tal-Gozo Sports Board għal 10 snin qabel dan il-bord ġie xolt.

 “Ix-xogħol ta’ kok kont inħobbu iżda l-sport ma nibdlu ma xejn u meta ġietni l-opportunita li naħdem bħala l-kordinatur tal-KMS illum Sport Malta f’Għawdex ħadtha u għadni sal-lum impjegat f’dan il-post. Ilni 10 snin u ma jiddispjaċini xejn,” u fil-fatt bajada kien anke wieħed mid-diretturi tal-KMS għal 4 snin.

 

Mistoqsi jekk għadux isajjar, Bajada qalli li dak l-akbar passatemp tiegħu, u barra li kull meta jkollu ċans isajjar hu d-dar, dejjem jieħu l-inkarigu li jsajjar għal xi personalità sportiva li tkun Għawdex, “Jien nistedinhom id-dar u nsajrilhom jien. Darba niftakar li kont għaddej ma’ delegazzjoni tal-futbol u mit-triq, xtrajna l-fanfri u sajjarthomlhom jien u tgħidx kemm ħadu gost, fejn qaluli li qatt ma sabu persuna bħali li barra li kont qed nieħu ħsieb id-delegazzjoni, għażilt li nsajrilhom. Jien nieħu gost insajjar u b’hekk inkun qed inħallat it-tisjir mal-isport.” Qalli b’ċertu kburija Bajada.

Joe Bajada il-President tal-Inter Club ta' Għawdex
Joe Bajada il-President tal-Inter Club ta' Għawdex

Is-sena li għaddiet Bajada spiċċa minn segretarju ġenerali tal-GFA, “kont xbajt naħdem ta’ segretarju u meta kien hemm il-vojt għall-presidenza billi Alvin Grech irriżenja, iddeċidejt li noħroġ għal president, iżda l-maġġoranza tad-delegati għażlu lil ħaddieħor u jien temmejt il-karriera tiegħi fl-amministrazzjoni tal-futbol Għawdxi, iżda bqajt bħala ġurnalist.”

Bajada kien iddispjaċih li ma ġiex rikonoxxut biżżejjed mill-maġġoranza tal-membri wara li tant kien taha lill-futbol Għawdxi, “iżda kull deni ħudu b’ġid” qalli Joe Bajada, “għax meta l-president tal-assoċjazzjoni taċ-ċikliżmu ta’ Malta John Zammit sar jaf, talabni mmur bħala segretarju ġenerali ħalli norganizza l-assoċjazzjoni, u aċċettajt filwaqt li mill-ewwel ġennintu biex fit-tour ta’ Malta jkun hemm tappa li ssir Għawdex. Għax jien lill-Għawdex dejjem inkun irrid ndaħħlu, bħala Għawdxi.”

 

Bajada qalli li wara l-futbol iċ-ċikliżmu dejjem kien iħobbu fejn dejjem kien isegwi it-tours kollha li jsiru fl-Ewropa fuq it-TV. Bajada fi ftit xhur intefa b’ruħu u ġismu fiċ-ċikliżmu fejn inħatar delegat ukoll fl-UCI (Union Cycliste Internationale) u fl-UEC (European Cycling Union), mar bħala kap tad-delegazzjoni Maltija waqt tiġrijiet li ħadu sehem fihom ċiklisti Maltin fil-Kosovo u Iżrael u dan l-aħħar attenda wkoll għal laqgħa tal-federazzjoni taċ-ċikliżmu għal pajjiżi ż-żgħar li saret f’San Marino. “F’din il-laqgħa, ressaqt suġġeriment li jinħatar kumitat għall-pajjiżi ż-żgħar u li jsir kampjonat għal pajjiżi ż-żgħar taċ-ċikliżmu u offrejt li dan isir f’Malta fl-2018 meta l-Belt Valletta tkun il-kapitali tal-Ewropa għall-kultura. Issorprendejt ruħi meta l-president tal-federazzjoni tal-pajjiżi ż-żgħar laqa’ s-suġġeriment tiegħi u qaluli li l-aqwa ideat dejjem joħorġu minn Malta, bħalma kien suġġeriment ta’ Bertie Muscat li bdew il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fl-1985.”

 

Bħalma wieħed jista’ jara, Joe Bajada ma jieqaf qatt fejn jidħol l-isport Għawdxi, u fil-fatt issa qed joħlom kif jista’ jdaħħal iċ-ċikliżmu f’Għawdex għax hu fatt li l-isport taċ-ċikliżmu f’Għawdex għadu ma qabadx sew.

“L-idea tiegħi hi li jkollna klabb Għawdxi, u fil-fatt daħal bħala membru sħiħ il-Gozo Greyhounds u qed naħdem biex insib sponsors biex meta jsir il-kampjonat internazzjonali taċ-ċikliżmu għal pajjiżi ż-żgħar, ikollna tappa f’Għawdex, għax il-president tal-federazzjoni Internazzjonali diġà qalli, ‘I want to see your Gozo’.”

 

Bajada is-segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni maltija taċ-Ċikliżmu
Bajada is-segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni maltija taċ-Ċikliżmu

Meta kien qed jirrakuntali dwar iċ-ċikliżmu, indunajt li Bajada kellu entużjasmu kbir, “għax hu fatt li dak li tant tajt għalih m’urinix biżżejjed rikonoxximent u dak li tant tajt ftit s’issa għalih, diġà tani ħafna. Fiċ-ċikliżmu hemm opportunitarjiet kbar, u f’Għawdex għandna żewġ ċiklisti li huma promettenti, Brandon Sultana ta’ 16-il sena mix-Xagħra u Malcolm Farrugia ta’ 19-il sena minn Għajnsielem. Issa rrid naħdem ukoll biex iċ-ċikliżmu ndaħħlu parti minn SkolaSport f’Għawdex.”

 

Iżda Joe, barra referee, ġurnalist u amministatur fil-futbol u ċ-ċikliżmu (barra li hu kok professjonali), hu magħaruf f’Għawdex għall-kollezzjonijiet kbar ta’ memorabilia sportiva. Jiġbor kull ‘souvenir’ li jiltaqa’ miegħu dwar sport. Kotba, blalen, firem u x’naf jien. “Jien infaddal dak kollu li hu sportiv. Għandi speċi ta’ mużew id-dar fejn lanqas il-mara ma tidħol, u noqgħod inħares lejn il-mijiet ta’ ritratti li għandi ma’ atleti u persnalitajiet sportivi u anke memorabilia oħra li jfakkruni fejn kont u ma’ min kont meta akkwistajthom. Għandi ’l fuq minn 100 ballun iffirmat. Dan hu l-ġenn tiegħi.”

 

Anke dan mhux biżżejjed, għax din is-sena, Joe Bajada ġie maħtur president tal-ewwel Inter Club f’Għawdex. “Jien Interist u f’xi żewġ okkażżjonijiet kont tlajt nara l-Inter jittrenjaw f’Milan u għamiltilhom kejk li kont għaddejtu lil Zanetti u dan tah lill-plejers wara t-training. Grupp ta’ Interisti Għawdxin ħasbu li jien nidħol fil-klabb tal-Inter qisu tiegħi, u ġennewni biex inkun president ta’ dan il-klabb. Ma nafx ngħid le, u aċċettajt. Kelli ħolma li l-klabb Għawdxi jkun rikonoxxut uffiċjalment mill-klabb tal-Inter u dawn talbuna li jrid ikollna mill-inqas 50 membru u rnexxielna niġbru 123 membru.” Sirt naf ukoll li l-idolu tiegħu kien dejjem Sandro Mazzola, “minn dak in-nhar kont ħallejt il-mustaċċi bħal tiegħu u bqajt bihom sal-lum.”

 

Iżda Joe Bajada barra l-isport u t-tisjir kien anke mdaħħal fil-lokalità li jgħix fiha, Iż-Żebbuġ fejn kien kunsillier tal-lokalità u l-ewwel viċi sindku. Kien ukoll irnexxielu joħloq l-ewwel ġemellaġġ mal-villaġġ Taljan ta’ Maletto u skont kunsilliera miż-Żebbuġ qalulna uffiċjalment li Joe Bajada fl-aħħar tax-xahar se jingħata l-premju ‘Ġieħ iż-Żebbuġ’. Unur li Joe ‘Caro’ Bajada se jżidu mas-CV twila li għandu fejn anke għal tliet darbiet kien rebaħ l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena tal-GFA.

More in G?awdex