Editorjal | Għal dawk li ċapċpu għall-qtil ta' Lassana: ħarsu lejn idejkom mimlijin demm

Hemm bżonn li nieħdu dan l-omiċidju u l-aħħar żviluppi bħala bozza ħamra, biex nibdew ngħassu il-midja soċjali kontra kull tixrid u promozzjoni ta’ mibegħda

Is-Sibt kienet ġurnata sewda għall-pajjiż, iktar sewda minn meta fil-fatt inqatel Lassana Cisse Souleyman. Is-Sibt 18 ta’ Mejju se jibqa’ mfakkar fl-istorja ta’ dan il-pajjiż bħala jum illi fih ħareġ bl-aktar mod ċar u mingħajr ebda dubju kemm hu mifrux ir-razziżmu f’pajjiżna. Mhux biss fost strata, jew biss fost erba’ boloh li jridu jbiddlu d-dinja bil-mod perikoluż tagħhom, imma issa wkoll fost il-Korpi ddixxiplinati ta’ pajjiżna. Ngħidu x’ngħidu kienet ġurnata sewda għall-Forzi Armati ta’ Malta li jagħmlu tant ġid u li qed ikunu r-raġuni għalfejn tant immigranti qed isalvaw minn mewta ċerta.

Minkejja t-tebgħa fuq il-Forzi Armati, żgur u mhux forsi li l-arrest ta’ tnejn mill-membri mhu se jneħħi xejn mill-ġid kollu li s-suldati Maltin qed jagħmlu għall-pajjiż.

Imma kif wasalna s’hawn? Għalfejn wasalna s’hawn? Hemm diversi raġunijiet, imma prinċipalment hemm; il-kultura tal-vjolenza, il-qawmien perikoluż tal-lemin estrem u n-nuqqas ta’ infurzar.

L-ewwel nett hemm il-kultura tal-vjolenza, imbuttata u kważi promossa fil-qasam tad-diveritment; logħob tat-tfal mimli vjolenza, materjal ta’ divertiment mimli vjolenza u nies li suppost jagħtu l-eżempju li fil-fatt iwieġbu bil-vjolenza.

Ejja ma noqogħdux induru mal-lewża! Fuq il-midja soċjali għandna ġungla sħiħa ta’ impunità li meta tpoġġih fil-kuntest ta’ dan il-qtil tibda tinduna li l-affarijiet ilhom ġejjin

Qed nisimgħu wisq  każi ta’ vjolenza fil-konfront tal-għalliema tagħna, mill-istudenti u l-ġenituri, qed nisimgħu wisq każi ta’ vjolenza fuq l-infermiera tagħna, fuq ix-xufiera tat-trasport pubbliku u oħrajn. Qed nisimgħu wisq tgħajjir verbali, anzi remattar verbali bejn nies li ma jaqblux ma’ xulxin. Tiftaħ il-midja soċjali u tara kumment wara kumment mimli ħdura, tgħajjir u xi kultant anke stediniet għall-vjolenza bħal ‘tuhom’, ‘żibel’, ‘aħraqhom’, ‘mur aqbeż’ u aktar. U dan b’impunità!

Ejja ma noqogħdux induru mal-lewża! Fuq il-midja soċjali għandna ġungla sħiħa ta’ impunità li meta tpoġġih fil-kuntest ta’ dan il-qtil tibda tinduna li l-affarijiet ilhom ġejjin.

Ejja nkunu onesti magħna nfusna; min jaf kemm-il darba taħt xi storja jew kumment li jirrelata l-barranin u l-immigranti naraw, litteralment, dijarea verbali kontra ħutna bnedmin. Kontra nies li l-uniku żball tagħhom, f’għajnejn uħud, huwa l-karnaġġjon u fejn tiwieldu. U min ħa azzjoni? Min rażżan din l-impunità? Ħadd! Il-messaġġ kien ċar... tista’ tgħid li trid, tgħajjar kemm trid, toffendi kemm tħoss li għandek, tweġġa’ kemm temmen li hu biżżejjed u ma jiġrilek assolutament xejn, ma tħallas xejn ta’ għemilek.

Hemm bżonn li nieħdu dan l-omiċidju u l-aħħar żviluppi bħala bozza ħamra, biex nibdew ngħassu (iva ngħassu!) il-midja soċjali kontra kull ksur ta’ liġi fis-sens ta’ tixrid u promozzjoni ta’ mibegħda. Ma jistax ikun li nibqgħu nittrattaw il-midja soċjali daqslikieku hija dinja differenti, lil hinn mir-realtà u taħt l-ebda forma ta’ dixxiplina.

Il-lemin estrem...

Jgħid x’jgħid u jipprova kemm jipprova jbenġilha Norman Lowell, il-linwaġġ li uża tul is-snin kien fjammatorju u perikoluż. Dan il-bniedem jemmen li iswed huwa inferjuri minn abjad. Dan il-bniedem jemmen li iswed m’għandux dritt daqs abjad. Dan jemmen allura li r-razziżmu u l-inugwaljanza għandhom ikunu ċċelebrati. Dan jemmen li persuna għax Muslmana m’għandniex inkellmuha jew nitħalltu magħha!

Dawk li jappoġġjawh, u jidher li mhumiex ftit, dejjem ifakkruna li “Lowell kellu raġun.”

Imma aħna ngħidulhom le, ma kellux raġun u ma jista’ qatt u qatt ikollu raġun meta jgħid li iswed inqas minn abjad, m’għandu qatt u qatt raġun meta jgħid li aħna superjuri u ħaddieħor inferjuri, m’għandu qatt raġun meta jgħid li m’għandniex nitħalltu, m’għandu qatt raġun meta jgħid li l-Lhud ulied ix-xitan u Auschwitz huwa Disneyland. Le, mhux vera kellu raġun, mhux vera għandu raġun. Għax min jipprofessa l-mibegħda ma jista’ qatt u qatt ikollu raġun! Is-sewwa mhix fuq in-naħa ta’ min jiskuża l-atroċitajiet f’attentat iddisprat u storikament reviżjonista, biex iqajjem l-ispettru ta’ Adolf Hitler.

Araw ir-riżultat tal-mibegħda li xerridtu, ħarsu lejn idejkom mimljin demm, aħna ngħidu lil dawk kollha li jagħtu appoġġ lil dan il-kandidat Nazzist. Araw kif ħsadtu ħajja ta’ innoċenti u ħammiġtu isem pajjiżna. Istħu!

Hitler, mitfugħ fil-landa taż-żibel tal-istorja minn niesu stess, wieħed kien hawn u kemm idumu ħajjin il-forzi tas-sewwa ma jerġax ikun hawn ieħor.

Araw ir-riżultat tal-mibegħda li xerridtu, ħarsu lejn idejkom mimljin demm, aħna ngħidu lil dawk kollha li jagħtu appoġġ lil dan il-kandidat Nazzist. Araw kif ħsadtu ħajja ta’ innoċenti u ħammiġtu isem pajjiżna. Istħu!

Dan l-Editorjal isellem lil Lassana Cisse Souleyman, kif dejjem għamel meta ħajja nħasdet, inkluż dik ta’ Daphne Caruana Galizia wkoll li nittamaw illi anke l-kapitlu tagħha jingħalaq darba għal dejjem bil-ġustizzja. Insellmu wkoll il-memorja ta’ dawk in-nies kollha, Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li f’ħajjithom dejjem żergħu l-imħabba u l-ugwaljanza. Insellmu wkoll lill-klassi politika li lbieraħ tkellmet kontra l-vjolenza. U fl-aħħar mill-aħħar insellmu lil dawk iż-żewġ irġiel Afrikani li raw lil ħuhom iċedi għat-tir tal-mibegħda. Inwegħduhom li se nagħmlu ħilitna kollha biex bħalu ma jerġa’ jkun hawn ħadd u qatt.

More in Blogs