Opinjoni | Effettivi fl-Ewropa

Malta, minkejja li hi l-iżgħar pajjiż, kellha rwoli influwenti li wasslet għal għaqda u azzjoni f’diversi okkażjonijiet

Din il-ġimgħa, flimkien ma’ sħabi l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kelli l-opportunità nindirizza sessjoni l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, f’Ta’ Sannat Għawdex. Bħas-soltu f’Għawdex kellna merħba mill-isbaħ – l-istess merħba li tinħass meta nżur il-komunitajiet, id-djar u n-negozji f’Malta u Għawdex.

Matul din is-sessjoni ġejt mistoqsija dwar l-effettività ta’ Malta bħalha stat membru tal-Unjoni Ewropea. F’dawn il-ħames snin, flimkien rajna lil Malta tikseb riżultati pożittivi: riżultati li poġġewna fuq quddiem f’termini ta’ riżultati ekonomiċi, impjiegi u drittijiet ċivili.

Malta, minkejja li hi l-iżgħar pajjiż, kellha rwoli influwenti li wasslet għal għaqda u azzjoni f’diversi okkażjonijiet. Rajna lil Malta tieħu rwol ta’ mexxej fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jaħdem biex iġib aktar pajjiżi flimkien ħalli jinqasam il-piż u r-responsabbilità u mhux pajjiżna jibqa’ waħdu.

Li ġġib pajjiżi flimkien mhix faċli. Għextha jiena waqt diversi negozjati, inkluż fil-ħidma tiegħi fuq żewġ liġijiet li jirregolaw fondi għall-immigrazzjoni irregolari. Il-forzi konservattivi ma jimpurtahomx minn pajjiżi fuq il-fruntiera bħal Malta. Kuntenti jagħtu l-flus lil pajjiżi oħra milli jgħinu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk irnexxieli nikkonvinċi li r-realtà tagħna, bħalha pajjiż fil-Mediterran ma tistax tiġi injorata.

L-appell tiegħi huwa lill-elettorat: għandna sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew u rridu nużawhom bil-għaqal biex nibqgħu nħarsu l-interessi ta’ Malta. Magħqudin, għal Malta

Din ir-realtà tfisser ukoll li l-awtoritajiet Ewropej irid ikollhom komunikazzjoni aktar diretta u effiċjenti bejniethom – u għalhekk ħdimt biex, fost oħrajn, ikun hemm qsim ta’ informazzjoni aktar rapidu bejn l-awtoritajiet.

Bħalha Malta konna effettivi meta mexxejt il-liġi biex jitnaqqas it-tniġġis mill-karozzi. Ngħid Malta għax meta ġejt maħtura bħalha negozjatur kien hemm min ħaseb li għax ġejja minn Malta, mhux se jkollna s-saħħa biex  biex nindirizzaw l-oppożizzjoni ta’ pajjiżi, industriji u lobbyists ferm akbar minna.

U kellhom żball għax mhux iċ-ċokon tal-pajjiż li jagħmilna aħna min aħna imma d-determinazzjoni li nbiddlu l-affarijiet għall-aħjar. Iddefendejt l-ambizzjoni ta’ din il-liġi. Tkellimt mal-ħaddiema, inkluż Maltin. Tkellimt mal-industrija. Tkellimt mal-konsumaturi u fl-aħħar għandna liġi ffirmata li tgawdi l-appoġġ b’saħħtu kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-pajjiżi.

Din il-liġi hi waħda minn pakkett sħiħ ta’ kif irridu, li Malta u l-Unjoni Ewropea, inaqqsu t-tniġġis mill-ambjent u ninvestu fil-kompetittività. Ta’ kif nnaqqsu l-mard respiratorju mit-tfal tagħna, ta’ kif nimbottaw l-innovazzjoni fl-industrija u noħolqu impjiegi ġodda.

Malta, l-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea, li fl-irwol tagħha bħalha Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet diversi liġijiet li bihom igawdu ċ-ċittadini Maltin u Ewropej b’mod dirett.

Fosthom, meta ssiefer f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, tista’ tuża l-mobile tiegħek daqs li kieku qiegħed Malta.

Għandna sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew u rridu nużawhom bil-għaqal biex nibqgħu nħarsu l-interessi ta’ Malta

Mod ieħor kif gawdew iċ-ċittadini u l-konsumaturi permezz ta’ liġijiet konklużi mill-Presidenza Maltija hu li apparat li jaħdem bl-elettriku jkollu tabelli ċari dwar l-effiċjenza tal-enerġija li jikkonsmaw. Din tifforma parti mill-clean energy package u bħalha kordinatur tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-qasam tal-ambjent ħdimt biex ikun hemm, mhux biss miri ċari, imma biex il-pajjiżi jimplimentaw dawn il-miżuri. Bħalha Soċjalisti emminna li din hija waħda minn miżuri differenti ta’ kif il-konsumaturi jkunu infurmati aktar meta jiġu biex jixtru xi appliance u jkunu jafu wkoll kemm tikkonsma enerġija.

Il-faqar jaf forom differenti. Meta dan il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għamel dan għax investa fis-settur tal-enerġija u investa fl-effiċjenza filwaqt li qaleb għal sistema li tniġġes anqas. Għalhekk importanti li nkomplu ninvestu fl-effiċjenza. Fil-Parlament Ewropew, mexxejna u ksibna pożizzjoni li timbotta għal enerġija affordabbli għal kulħadd.

Ngħixu fuq żewġ gżejjer mill-isbaħ, imdawrin mill-baħar Mediterran. Baħar iżda li rridu nibżgħu għalih. Ħafna mill-plastik li nikkonsmaw u skart ieħor qed jispiċċa fl-ibħra tagħna b’detriment għall-ispeċi marittimi u għal saħħitna. Għalhekk ħdimt fil-kumitat tal-ambjent biex jiżdied aktar għarfien dwar kif niddisponu mill-iskart, kif nirriċiklaw u kif l-innovazzjoni fil-prodotti tista’ tagħtina alternattivi għall-plastik. Permezz tal-innovazzjoni, minn plastik użat tista’  toħloq prodott ġdid.

Meta nitkellmu dwar ħidma biex verament inkunu l-aqwa fl-Ewropa, nemmen li dan jinkludi wkoll l-istandards ta’ pajjiżna. Dan huwa l-livell li jmiss: li nkomplu ntejbu s-servizzi li jieħdu ċ-ċittadini u ntejbu u nassiguraw l-infurzar tal-liġijiet biex kulħadd iħossu sigur fil-lokalitajiet. Fuq kollox, il-livell li jmiss ta’ kif inġibu ruħna bħala rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew. Għalijja li nirrappreżenta lil dan il-poplu jfisser responsabbilità biex nuri li għalkemm żgħar nistgħu nagħmlu d-differenza, għandna l-kuraġġ inbiddlu u ma niddejqux minn min bħala pajjiż u akbar minnha, għaliex huma l-ħsibijiet tagħna li jagħmluna kbar.

Malta kienet effettiva fuq livell Ewropew, kif ukoll min-naħa tagħna l-MEPs, membri tad-delegazzjoni tal-Partit Laburista. Għalhekk l-appell tiegħi huwa lill-elettorat: għandna sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew u rridu nużawhom bil-għaqal biex nibqgħu nħarsu l-interessi ta’ Malta. Magħqudin, għal Malta, nistgħu nkomplu nagħmlu d-differenza biex nieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss.

Miriam Dalli hija MEP u kandidata f’isem il-Partit Laburista

More in Blogs