Opinjoni | Dan huwa Gvern Riformista

Illum fil-Parlament se jibda proċess biex jinfatmu l-funzjonijiet ċivili tal-Avukat Ġenerali mill-funzjonijiet prosekutorjali tiegħu

Mil-lum, fil-Parlament se nibda bi proċessi leġiżlattivi biex inkompli nżid mal-lista abbundanti ta’ riformi u liġijiet li rriformaw mill-qiegħ nett żewġ kolonni importanti ta’ dan il-pajjiż – il-qasam Ġudizzjarju u s-Saltna tad-Dritt. U allura permezz tagħhom issaħħet sew id-demokrazija f’pajjiżna.

Illum se nibda proċess leġiżlattiv fil-Parlament biex jinfatmu l-funzjonijiet ċivili tal-Avukat Ġenerali mill-funzjonijiet prosekutorjali tiegħu.

Illum fil-Parlament se nibda wkoll proċess legiżlattiv biex isiru emendi għal dawn il-ħames oqsma ulterjuri li wkoll hemm rakkomandazzjonijiet dwarhom mill-Kummissjoni ta’ Venezja: l-Ombudsman, is-Segretarji Permanenti, il-pożizzjonijiet ta’ fiduċja, il-Kummissjonijiet Indipendenti u l-Pulizija.

***

Meta dħalna fil-Gvern fl-2013, bdejna nwettqu l-pjan ta’ ħidma li kellna f’idejna u li ħdimna fuqu b’reqqa – li sintendi aġġornajnieh skont dak li sibna ma’ wiċċna – il-wirt li ħallielna l-Gvern ta’ qabilna. Pjan li wassal biex daħħalna riformi kbar, daħħalna u implimentajna liġijiet, bdilna sistemi u inkorporajna sistemi oħrajn – li kollha wasslu biex rajna s-setturi tant importanti għaċ-ċittadin Malti u Għawdxi – dak tal-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt – jieħdu żvolta. U b’hekk illum nistgħu niftaħru li għandna demokrazija vera fil-pajjiż.

Mhux se niddejjaq ngħid li minkejja l-ftaħir ta’ dik li llum hija l-Oppożizzjoni, li donnha inkurunat lilha nnifisha bħala x-xempju tad-demokrazija, kien dan il-Gvern li verament ittrasforma dawn is-setturi. U dan ma ngħidux jien biss. Tgħidu wkoll il-Kummissjoni Venezja.

Infakkar li din tissejjaħ hekk għaliex il-laqgħat ta’ din il-Kummissjoni jsiru f’Venezja l-Italja. Hija l-organu konsultattiv fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa dwar materji kostituzzjonali u magħmula minn esperti indipendenti fil-qasam tal-liġi internazzjonali. Tipprovdi parir legali lill-istati membri tagħha – u Malta hija membru – u b’mod partikolari tgħin l-istati membri li jkunu jixtiequ jġibu l-istrutturi legali u istituzzjonali f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali fl-oqsma tad-demokrazija, drittijiet umani u s-saltna tad-dritt.

Il-Gvern se jkun spedit, imma se jaġixxi b’galbu u attenzjoni fejn tidħol it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni Venezja stess saħqet fuq dan il-bżonn

Meta bdejna ndaħħlu liġijiet u nimplimentaw riformi, ma qgħadniex lura. Ma bżajniex immissu magħhom. Tant li l-elenku tagħhom ma jintemm qatt.

Imma ma konniex kuntenti b’hekk biss. B’mandat mill-Gvern, bdejt sensiela ta’ laqgħat biex inkompli nħares lejn titjib. Laqgħat minnhom kienu wkoll ma’ din il-Kummissjoni Venezja. Dawn wasslu biex stedint lil din il-Kummissjoni tiġi f’pajjiżna u tara b’għajnejha u tmiss b’idejha x’kellna fil-pajjiż.

Ma qgħadniex lura lanqas hawn. Tant li l-Kummissjoni Venezja ltaqgħet ma’ min kellha tiltaqa’, iddiskutiet ma’ min kellha tiddiskuti u tkellmet ma’ min kellha titkellem.

Fit-18 ta’ Diċembru li għadda mbagħad, wara li fliet b’reqqa dan li semgħet f’pajjiżna, din il-Kummissjoni għamlet pubbliku r-rapport tagħha – rapport li kien juri x’inhi l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar dik li kienet is-sitwazzjoni f’pajjiżna.

Aħna bħala Gvern mal-ewwel u mingħajr tlaqliq stqarrejna li naqblu mal-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet.

U l-Ħamis li għadda, f’anqas minn 100 ġurnata mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, ħabbart li se nibdew naħdmu fuq terz tar-rakkomandazzjonijiet.

Issa dan huwa paragun enormi meta tagħmel ftit kontijiet bl-aktar mod sempliċi. Dan il-Gvern ilu jirriforma bil-kbir għal dawn l-aħħar 6 snin. F’anqas minn 100 ġurnata se nibdew naħdmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Terġa’ u tgħid, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja m’humiex rakkomandazzjonijiet li jmissu l-liġijiet u r-riformi li daħħal dan il-gvern! Imma huma rakkomandazzjonijiet fuq liġijiet li dan il-Gvern wiret mingħand ta’ qablu. Rakkomandazzjonijiet fuq liġijiet li ilhom hemm għal ġenerazzjonijiet sħaħ – nazzarda ngħid sekli sħaħ.

Jiġifieri fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Venezja tat l-opinjoni tagħha u qalet li għandu jsir titjib fuq liġijiet li ilhom hemm – allura tat ċertifikat lil dan il-Gvern ta’ dak li għamel f’dawn l-aħħar sitt snin.

***

Issa hawn fuq fakkart li daħħalna diversi liġijiet, riformi u sistemi ġodda, filwaqt li saħħana u tejjibna dak li kien hemm. Dorna s-setturi kollha u tejjibna. It-tijib sar u biddel għall-aħjar mhux biss għal dawk li jaħdmu propju f’dawn l-oqsma, imma wkoll pemezz tagħhom tejjibna l-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

X’ma daħħaliniex!

Minn liġi li żżomm lill-politiċi responsabbli kontra l-korruzzjoni matul il-ħajja kollha tagħhom, sa liġi li tirregola d-donazzjonijiet li jingħataw lill-partiti politiċi;

Minn liġi li tat ċans ieħor lill-vittmi ġenwini tad-droga, sa liġi li ħolqot sistema ta’ grilling Parlamentari għal numru ta’ uffiċċji pubbliċi;

Minn liġi li tipproteġi l-Whistleblower – meqjusa bħala l-aqwa waħda fl-Ewropa – sa liġi li żiedet l-għodod ta’ dixxiplina fuq il-ġudikanti, mill-ġudikanti stess;

Minn liġi li bdiet tbiddel il-mod kif jinħatru l-ġudikanti, sa liġi li ħolqot struttura legali b’saħħitha għall-qasam tal-Għajnuna Legali (Legal Aid);

Minn liġi li rat il-ħolqien ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, sa liġi li naqqset il-poteri kbar li kellu l-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga.

Minn tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ġudikanti biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ, sa sistemi ġodda tal-Informatika b’xejn għal kulħadd.

Mit-twaqqif ta’ Sede oħra tal-Qorti tal-Appell għal iktar effiċjenza, sa għoti ta’ riżorsi bla preċedent, anke fil-forma ta’ Court Attorneys, lill-ġudikatura.

Ma’ dawn trid iżżid bosta riformi oħra wħud minnhom li jolqtu liċ-ċittadin fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum u tagħmilhielu aħjar fl-affarijiet l-iktar sempliċi.

Ma ninsewx ukoll li kien dan il-Gvern li daħħal riforma li bis-saħħa tagħha twessgħet f’livelli b’saħħithom ħafna l-libertà tal-espressjoni artistika u warajha daħħal liġi dwar il-midja u malafama, li tagħti libertajiet bla preċedent lill-ġurnalisti u li neħħiet għalkollox mill-vokabularju ta’ pajjiżna l-kawżi ta’ libell kriminali.

Issa ħalliha li għad hawn min għadu jgħid li f’pajjiżna l-ġurnalist huwa maħnuq u li m’hawnx libertà tal-espressjoni eċċetra.

Dan kollu t’hawn fuq saħħaħ bil-bosta s-saltna tad-dritt.

Il-ġudizzju dwar dak li jingħad minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista u l-friegħi kollha li jappartjenuh, inħallih f’idejkom.

***

X’se jsir minn mil-lum stess?

Għandi mandat mill-Kabinett biex b’effett immedjat nibda proċess leġiżlattiv fil-Parlament biex jinfatmu l-funzjonijiet ċivili tal-Avukat Ġenerali mill-funzjonijiet prosekutorjali tiegħu.

Din hija riforma li, hekk kif se tidħol fis-seħħ, se tkun qed tara t-tmiem ta’ sistema legali li ilha magħna sa mill-1936 u li kienet ġiet konfermata fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964.  B’hekk, kif jgħaddi dan l-abbozz, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta Indipendenti se jkollna persuna responsabbli mill-funzjonijiet prosekutorjali differenti u distinta mill-persuna li taġixxi bħala Avukat u konsulent legali tal-Gvern tal-ġurnata.

Dan huwa Gvern riformista, motivat mill-bżonn ta’ bidla, ta’ titjib, ta’ enerġija biex itejjeb lil dan il-pajjiż, fid-diversi oqsma tiegħu

Aħna qed naraw li dan l-abbozz ta’ liġi jkun għadda mill-istadji kollha tiegħu sas-sajf li ġej.

Din hija l-bidla li wegħedna li se nagħmlu. L-ewwel qari ta’ dan l-abbozz se jsir mil-lum it-Tnejn stess.

Il-Ħamis informajt b’dan lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni ta’ Venezja b’ittra li ppubblikajt fil-mezzi tax-xandir.

Lil dawn l-istituzzjonijiet informajthom ukoll li l-Gvern iqis bħala prijorità wkoll ir-riforma tal-metodu tal-ħatra u tneħħija tal-Ġudikanti kif intqal mill-Kummissjoni Venezja.

Bidla f’dawn is-sistemi tista’ ssir biss bil-qbil ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Għalhekk se nibdew proċess ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni bl-għan li naslu għal kunsens b’mod spedit filwaqt li naċċertaw ruħna li l-bidla tiġi implimentata b’għaqal u attenzjoni.

Imma dan mhux kollox.

Il-Kabinett tal-Ministri tani wkoll mandat biex nhar it-Tnejn stess nibda l-proċess leġiżlattiv biex isiru emendi għal dawn il-ħames oqsma ulterjuri li wkoll hemm rakkomandazzjonijiet dwarhom mill-Kummissjoni Venezja: l-Ombudsman, is-Segretarji Permanenti, il-pożizzjonijiet ta’ fiduċja, il-Kummissjonijiet Indipendenti u l-Pulizija. 

L-abbozzi rispettivi se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej u l-mira tal-Gvern hija li jiġu approvati sa tmiem is-sena kurrenti. Ħafna minn dawn l-emendi jeħtieġu l-qbil ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati u għalhekk il-kunsens tal-Oppożizzjoni.

Il-Gvern se jkun spedit, imma se jaġixxi b’galbu u attenzjoni fejn tidħol it-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni Venezja stess saħqet fuq dan il-bżonn.

Nagħlaq kif bdejt. Dan huwa Gvern riformista, motivat mill-bżonn ta’ bidla, ta’ titjib, ta’ enerġija biex itejjeb lil dan il-pajjiż, fid-diversi oqsma tiegħu.

Inkluż fil-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt.

More in Blogs