Opinjoni | L-10 President tar-Repubblika

Il-Ministru Owen Bonnici jitkeb dwar it-Tabib George Vella bħala l-10 President ta’ Malta Repubblika

Huwa unur għaż-Żejtun u unur għal Malta: hekk niddiskrivi n-nomina tat-Tabib George Vella bħala l-10 President ta’ Malta Repubblika.

In-nomina kienet approvata b’mod unanimu kemm mill-Kabinett u wkoll mill-Grupp Parlamentari. Kienet tajba wkoll u nilqa’ d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ddeċieda li se jivvota favur in-nomina ta’ George Vella, għalkemm ma naqbilx mar-raġunament tagħhom li ntilfet opportunità b’din in-nomina.

Ngħid għalija, u nemmen li kulħadd jaqbel, din kienet għażla għaqlija ferm. It-Tabib Vella huwa rispettat ferm minn pajjiż twelidu, miż-Żwieten. Dawn għadhom isemmu ż-żmien meta George kien it-tabib ta’ din il-belt, jara lill-pazjenti b’dedikazzjoni u ħafna jgħidulek li f’każi lanqas ħlas ma kien jieħu – riflessjoni tal-qalb tajba li għandu.

Imma t-Tabib Vella huwa wkoll rispettat kemm lokalment u wkoll internazzjonalment bħala diplomatiku prim. Kulħadd jaqbel li l-karriera politika ta’ George kienet waħda li spikkat, kemm bħala Deputat Prim Ministru, imma wkoll bħala l-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin.

Ningħaqad ma’ dawk kollha li wrew apprezzament lit-Tabib Vella. Iva huwa persuna umli imma bi prinċipji sodi; huwa ġentlom u fuq kollox għandu mħabba kbira għal pajjiż twelidu li dejjem poġġieh l-ewwel u ddefendieh b’qalbu kollha.

Żgur li se jagħmel unur lil pajjiżna. U kif qal il-Prim Ministru, “Nemmen li t-Tabib Vella għandu l-kwalitajiet essenzjali meħtieġa biex ikompli jibni fuq it-tradizzjoni stellari tal-Kapijiet ta’ Stat li kellu l-pajjiż”.

Nifraħ lill-President il-ġdid u wkoll lill-First Lady, is-Sinjura Miriam Vella.

Inkun qed nonqos jekk ma nirringrazzjax ukoll lill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca. President ta’ kariżma, li ħadmet qatigħ għall-poplu li tant żammet viċin tiegħu. Naqbel ukoll li r-rwol tagħha m’għandux jieqaf ma’ tmiem il-presidenza tagħha, imma kif inhu maqbul, tkompli tagħti s-sehem tagħha fil-fondazzjoni illi waqqfet hija stess – Il-Fondazzjoni għall-Benesseru tas-Soċjetà.

***

Persuna oħra bi kwalitajiet essenzjali – Dr Ramona Frendo li hija l-kandidat Malti biex iservi fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u nstabet li tissodisfa l-kwalifiki meħtieġa minn panel ta’ esperti skont kif trid il-liġi tal-Unjoni Ewropea biex isservi bħala mħallef fuq din il-Qorti. Deċiżjoni li ġiet ikkonfermata l-Erbgħa mill-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħet fi Brussell.

Huwa ta’ sodisfazzjon li permezz ta’ dan ir-riżultat pożittiv, pajjiżna se jkollu żewġ imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll imħallef ieħor fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Nemmen li Dr Ramona Frendo, li hija miż-Żejtun, għandha l-ħiliet meħtieġa biex tokkupa din il-kariga tant kruċjali. Awguri.

***

Huwa essenzjali li nrawmu l-imħabba lejn il-kultura minn età ċkejkna. Dan nemmen fih bis-sħiħ u huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom qed naħdmu bħala ministeru – li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd – anki għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Qed naħdmu fuq dan u se nkomplu naħdmu.

Żewġ okkażjonijiet li kelli dil-ġimgħa huma propju xhieda ta’ dan. Kienet interessanti ferm żjara li għamilt f’Għar Dalam fejn rajt b’għajnejja s-sinerġija bejn artisti rimomati u żgħażagħ.

Bħalissa tliet artisti li qed jieħdu sehem fil-Padiljun ta’ Malta fit-58 edizzjoni tal-wirja internazzjonali tal-arti La Biennale di Venezia qed imexxu workshops ma’ studenti f’Malta u f’Ċipru. Vince Briffa, Trevor Borg u Klitsa Antoniou qegħdin jippreżentaw workshop kreattiv kull wieħed, ibbażat fuq l-installazzjonijiet artistiċi tagħhom li se jkunu esibiti fil-Padiljun ta’ Malta f’Venezja bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena.

U dan huwa pass tajjeb ferm biex niżirgħu l-imħabba tal-kultura fiċ-ċkejkna tagħna. U dan għaliex grazzi għall-fatt li qed nagħmlu aspett internazzjonali ta’ livell għoli tal-Kunsill Malti għall-Arti aċċessibbli għall-istudenti tagħna, nistgħu nkomplu nedukaw u nrawmu kultura artistika tal-aħjar livell, li tħares kemm lejn avvenimenti internazzjonali u nazzjonali. Dan l-investiment ipoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tas-settur artisiku, imma jagħti wkoll kontribut biex nedukaw lit-tfal tagħna fuq l-apprezzament tal-arti, biex iwessgħu l-orizzonti fejn tidħol l-esportazzjoni tat-talent tagħhom. Il-workshops li żort ittellgħu bi sfond ta’ Għar Dalam, sit kulturali ieħor dehen għal din l-okkażjoni.

Permezz ta’ dan il-programm ta’ involviment, it-tfal, studenti tas-sixth form, kif ukoll studenti Universitarji f’Malta u f’Ċipru se jipparteċipaw f’sett ta’ workshops kreattivi, li qed isiru bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, biex jesploraw il-kunċett tal-Padiljun ta’ Malta. L-istudenti se jipproduċu wkoll l-arti tagħhom stess.

Workshop tal-Prof. Vince Briffa, li se jsir bejn Frar u Novembru, se jiffoka fuq l-istallazzjoni tal-film tiegħu ‘Outland’. Il-workshops jidderieġu lill-istudenti biex jieħdu approċċ awto-riflessiv u introspettiv f’xogħolhom, u jisfidaw lilhom infushom biex jaħdmu barra miż-żoni tal-kumdità tagħhom f’varjetà ta’ media.

Iva huwa persuna umli imma bi prinċipji sodi; huwa ġentlom u fuq kollox għandu mħabba kbira għal pajjiż twelidu

L-artist Trevor Borg mexxa wkoll workshop fil-Grotta ta’ Għar Dalam ma’ studenti mill-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar. Dan kien jikkonsisti minn attività animata li tgħid l-istejjer fil-grotta, segwita minn workshop kreattiv. Wara dan, l-istudenti għaddew fil-kamra edukattiva għal workshop prattiku kreattiv billi, flimkien mal-assistenza ta’ membri oħra tat-team, l-istudenti ħolqu l-fdalijiet ta’ annimali immaġinarji mit-tafal.

Il-workshop l-ieħor mill-artista Klitsa Antoniou qed isir f’Ċipru ma’ studenti tal-arti tal-ewwel sena tad-Dipartiment tal-Arti fl-Università tat-Teknoloġija ta’ Ċipru. Wara introduzzjoni dwar l-installazzjoni ta’ Klitsa fil-Padiljun ta’ Malta - Atlantropa X, l-istudenti jingħataw l-ipoteżi li għandhom jibnu pont fuq il-baħar. L-ewwel se jwettqu r-riċerka permezz tal-użu ta’ tpinġijiet u kostruzzjonijiet żgħar b’diversi materjali.

Il-Biennale tal-Arti ta’ Venezja hija waħda mill-akbar wirjiet tal-arti kontemporanja fid-dinja, u Malta għal darb’oħra se tipparteċipa bil-Padiljun tagħha stess matul it-58 edizzjoni ta’ din il-wirja tal-arti internazzjonali.

***

Aspett kulturali ieħor huwa li wieħed jesprimi lilu nnifsu, din id-darba mhux bl-arti tat-tpinġija jew skultura, imma wkoll bl-arti tal-kant.

Kien għalhekk ukoll ta’ pjaċir għalija li attendejt għat-tnedija tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, li se jittella’ fil-15 ta’ Marzu, fit-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop.

Kif għidt qabel, avvenimenti bħal dawn huma importanti għaliex ipoġġu fuq quddiem il-bżonn li nibqgħu nippromovu l-kultura fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna. Huma inizjattivi essenzjali fil-formazzjoni tat-talent lokali żagħżugħ.

Tajjeb li ngħid li l-Għanja tal-Poplu tibbenefika minn ‘cultural partnership agreement’ mill-Kunsill Malti għall-Arti, li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet biex jippjanaw, jikbru, jiżviluppaw, u jwasslu l-miri strateġiċi primarji tal-kunsill li primarjament jindirizzaw lill-komunitajiet u  professjonisti kreattivi.

Dan l-avveniment għandu wkoll l-appoġġ tal-Malta Concert Orchestra li ensemble minnha se takkumpanja l-parteċipanti waqt il-festival.

Matul il-festival se jipparteċipaw sittax-il finalist, li għandu l-għan li jippromovi t-talent lokali żagħżugħ. Din l-edizzjoni se tara wkoll li tindirizza l-aspett edukattiv li jitwassal mit-talent artisiku u se sservi bħala pjattaforma ta’ tnedija għall-programm tal-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, li għandu l-għan li jsaħħaħ l-abbilitajiet artistiċi taż-żgħażagħ permezz tal-kitba u żvilupp ta’ kanzunetti.

Dan il-festival huwa propju ħolqa oħra li permezz tagħha qed inkomplu nrawmu l-apprezzament tal-kultura fil-forom kollha tagħha fil-ġenerazzjonijiet li telgħin. Huwa apprezzat tant li apparti x-xogħol li għaddej mill-ministeru u wkoll l-entitajiet kulturali diversi li jinsabu fi ħdanu, nagħtu appoġġ ukoll lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam kulturali – f’dan il-każ speċifiku fost iż-żgħażagħ.

L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ qiegħed jiġi organizzat mill-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, Aġenzija Żgħażagħ, l-Akkademja tal-Malti u l-Awtorità tal-Ippjanar, bil-parteċipazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal bil-Malta Concert Orchestra.

***

Ma niddejjaqx ngħid li l-Ministeru qed jagħmel ħiltu kollha biex lit-tfal tagħna u t-tfal tagħhom inħallulhom legat f’dan il-qasam tant importanti tal-kultura. Bħalma jgħid il-Malti, qed nifirxu t-tapit. Huwa f’idejn il-ġenituri u dawk li jindokraw lit-tfal tagħna li huma wkoll jieħdu l-okkażjoni biex ikomplu, id f’id magħna, jgħollu ’l fuq il-prodott Malti; il-prodott kulturali Malti.

More in Blogs