Opinjoni | Infrastruttura Malta qed tinjora l-unika soluzzjoni

Transport Malta teħtieġ li taġixxi mingħajr iktar dewmien. Hemm ħtieġa ta’ pjan ċar biex tkun implimentata l-mira tat-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna

Għadhom kif ġew ippubblikati l-istudji li jiffurmaw parti mill-EIA (Environmental Impact Assessment) dwar il-proġett infrastrutturali tat-toroq bejn l-Imrieħel u Ħ’Attard: is-Central Link Project. Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa’ għaddejja sal-21 ta’ Frar 2019.

L-istudji ppubblikati huma voluminużi. Apparti r-rapport finali miktub mill-kordinatur tal-EIA b’543 paġna hemm 11-il rapport tekniku dwar temi ta’ relevanza. Dawn ivarjaw mill-użu tal-art, il-pajsaġġ u l-impatti viżivi, il-ġeoloġija, l-ilma, l-ekoloġija, l-agrikultura, l-arkeoloġija, il-kwalità tal-arja, il-ħsejjes, l-infrastruttura u s-servizzi u l-aċċess pubbliku.

Dawn ir-rapporti nkitbu bejn Awwissu 2015 u Jannar 2019 u fihom madwar 1,400 paġna. Fiż-żmien qasir li ilhom aċċessibbli ma kienx possibbli li jinqraw kollha. Imma, il-pożizzjoni li qed tieħu Infrastruttura Malta, bla ebda dubju fuq bażi ta’ direzzjoni politika, hi waħda ċara ħafna.

Sfortunatament il-Gvern naqas milli jifhem li diġà kellu f’idejh is-soluzzjoni għall-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Soluzzjoni li tindirizza l-kawża (il-karozzi) flok tindirizza l-effett

Infrastruttura Malta qed tipproponi li tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna bil-bini jew twessiegħ ta’ toroq flimkien mat-titjib ġenerali tal-infrastruttura tagħhom. B’dan il-mod, jidhrilha li l-konġestjoni tkun eliminata inkella tonqos drastikament. Dan għandu jwassal għal inqas emissjonijiet u allura titjieb il-kwalità tal-arja, jonqos il-ħin li jintilef tistenna fit-traffiku u allura jonqos ukoll il-konsum tal-petrol u d-disil li jinħela bil-karozzi weqfin jistennew.

F’kapitlu 3 tar-rapport finali miktub mill-kordinatur tal-EIA hemm eżami tal-alternattivi għall-proġett ta’ toroq propost. Hemm sitt alternattivi li huma kkunsidrati. Dawn ivarjaw milli ma tagħmel xejn għal numru ta’ soluzzjonijiet infrastrutturali differenti (ara paġna 66 tar-rapport).

Fir-rapport tiegħu l-kordinatur tal-EIA injora waħda mill-iktar miri ċari tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport 2025: it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq. Meta kien approvat dan il-pjan nazzjonali stabbilixxa numru ta’ miri operattivi. Il-mira 2.2.2 tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ alternattivi għall-karozzi privati biex tkun inkoraġġuta mobilità sostenibbli u tnaqqas il-karozzi miż-żoni fejn hemm il-konġestjoni. (Provide alternatives to private vehicles to encourage sustainable travel patterns and reduce private vehicular demand in the congested hub area). Il-pjan jispjega li dan l-oġġettiv kien identifikat li madwar 50% tal-vjaġġi li jsiru b’karozzi privati jdumu inqas minn kwarta, liema fatt juri li dawn huma fuq distanzi qosra ħafna (ara paġna 95 tal-pjan).

L-EIA li Infrastruttura Malta tippreżenta għall-konsultazzjoni pubblika jonqos milli jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ dan il-mira fost l-alternattivi differenti kkunsidrati bħala soluzzjonijiet possibbli għall-konġestjoni tat-traffiku. Probabbilment li Infrastruttura Malta qed tiffaċċja nuqqas ta’ rieda politika biex tittieħed azzjoni. Xi ħadd jeħtieġ li jispjega għaliex din l-għodda qed tkun skartata daqshekk malajr wara li ddaħħlet tifforma parti mill-pjan tat-trasport.

Meta kien approvat dan il-pjan nazzjonali stabbilixxa numru ta’ miri operattivi. Il-mira 2.2.2 tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ alternattivi għall-karozzi privati biex tkun inkoraġġuta mobilità sostenibbli

Iktar kmieni dan ix-xahar konna infurmati b'żieda sostanzjali fl-użu tat-trasport pubbliku matul l-2018. Kien irrapportat li kien hemm 53.4 miljun passiġġier li għamlu użu mit-trasport pubbliku fl-2018. Żieda ta’ 11.25% fuq l-2017. Hu ċar li l-pubbliku qed jirrispondi billi jagħmel użu mit-trasport sostenibbli offrut għall-użu tiegħu.

Transport Malta teħtieġ li taġixxi mingħajr iktar dewmien. Hemm ħtieġa ta’ pjan ċar biex tkun implimentata l-mira tat-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna. Din hi l-iktar soluzzjoni li tagħmel sens għax hi soluzzjoni li tħares fit-tul. Meta dan il-pjan ikun stabbilit, imbagħad ikun possibbli li l-proġett Central Link ikun ikkunsidrat mill-ġdid f’kuntrast ma’ alternattiva realistika.

Sfortunatament il-Gvern naqas milli jifhem li diġà kellu f’idejh is-soluzzjoni għall-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Soluzzjoni li tindirizza l-kawża (il-karozzi) flok tindirizza l-effett.

Huwa nuqqas kbir li l-EIA jonqos milli jqis dan kollu. Għax l-EIA suppost li hu proċess ta’ eżami indipendenti tas-soluzzjonijiet għall-problemi li ser ikunu indirizzati. Jeħtieġ li dan in-nuqqas ikun indirizzat immedjatament.

More in Blogs