Editorjal | Imma kif jibqa’ popolari?

Muscat reġa’ jinsab minn fuq bil-qawwi b’distakk kbir bejn iż-żewġ partiti u qabża ikbar f’dak li jirrigwarda l-fiduċja fiż-żewġ mexxejja politiċi

Issa ilha ġimgħa minn meta kienet ippubblikata l-istorja mir-Reuters dwar 17 Black. Inċidentalment fl-istess tmiem il-ġimgħa illi fiha ħafna mill-gazzetti kienu qed jitkellmu dwar 17 Black, inkluż din il-gazetta, kien ippubblikat stħarriġ li juri illi Muscat reġa’ jinsab minn fuq bil-qawwi b’distakk kbir bejn iż-żewġ partiti u qabża ikbar f’dak li jirrigwarda l-fiduċja fiż-żewġ mexxejja politiċi.

Issa wieħed jista’ jgħid illi stħarriġ huwa ritratt ta’ dak il-mument. Vera. Però jekk inħarsu lejn ir-ritratti kollha li ttieħdu fl-aħħar sena wieħed isib li din ix-xejra qawwija ħafna favur il-Partit Laburista ilha preżenti u persistenti.

Ħafna, primarjament votanti Nazzjonalisti jistaqsu kif jista’ jkun li minkejja allegazzjonijiet jew fatti xi ftit jew wisq xokkanti, dan il-Gvern xorta jibqa’ popolari. Ngħiduha kif inhi, bil-każ tal-Panama, l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus, bid-dubju li waħda mill-kumpaniji li rċeviet il-flus kienet ta’ mart il-Prim Ministru u elezzjoni bikrija, f’kull pajjiż ieħor il-partit fil-Gvern kien jaqla’ daqqa ta’ ponn tajba fl-2017.

Ikun hemm min jgħid illi dan huwa għaliex il-poplu Malti “jara sal-but biss” għax huwa poplu “injorant” jew inkella għax “poplu mgħammad.”

Naturalment Muscat ħaddan politika u strateġija illi fiha jippromovi l-interess settorjali u individwali qabel l-interess aktar ġenerali. Filwaqt li din l-istrateġija u tip ta’ politika mhux l-ideali, wieħed jifhem li Muscat jista’ jagħmel dan b’faċilità ladarba m’hemmx kwistjoni importanti ta’ viżjoni għall-pajjiż

Apparti li hija analiżi insolenti u xi ftit klassista, nifhmu li min jgħid hekk ikun qed jasal għal konklużjoni mill-iktar frivola u mgħaġġla.

Aħna nemmnu li l-klima ekonomika, anke jekk hemm min qed jgħix il-faqar, hija tali li l-poplu huwa aktar ottimist li jekk s’issa ma gawdiex mit-tkabbir ekonomiku, għada se jgawdi. Huwa ferm diffiċli li Gvern jitlef meta l-ekonomija tkun għaddejja minn tkabbir bħal dak li qed nesperejnzaw f’pajjiżna. Mela n-nies li qed igawdu mill-benefiċċji li żied jew ħoloq il-Gvern jew inkella dawk in-negozji/kuntratturi li sejrin tajjeb ħafna bħalissa, aħjar minn qatt qabel, filwaqt li forsi affarijiet bħal stejjer dwar 17 Black se jdarrsuhom u jdejquhom, fl-aħħar mill-aħħar qed iħarsu lejn dak li qed jifdal fil-but. Sew? Mhux neċessarjament, imma hekk hu!

Ħafna persuni li qed jiggwadanjaw jew li għandhom bżonn l-IVF, jew li huma LGBTIQ mhumiex insensittivi lejn dak li jista’ jkun ħmieġ, rgħiba u gwadann personali fil-politika. Imma l-probabilità hija li minkejja li jafu li hemm min qed jaħtaf jafu wkoll li dan il-Gvern tahom dritt li jagħmlu dak li lanqas qatt ma konna nimmaġinaw li se jseħħ. Faċli tgħajjar koppja LGBTIQ “injoranta” jew persuna li tixtieq ċans ikbar fl-IVF bħala “wiċċha tost”, imma mhux faċli tkun fiż-żarbun u tifhem.

Naturalment Muscat ħaddan politika u strateġija illi fiha jippromovi l-interess settorjali u individwali qabel l-interess aktar ġenerali. Filwaqt li din l-istrateġija u tip ta’ politika mhux l-ideali, wieħed jifhem li Muscat jista’ jagħmel dan b’faċilità ladarba m’hemmx kwistjoni importanti ta’ viżjoni għall-pajjiż. Dan ma jfissirx li min jivvota għall-interessi settorjali jew individwali huwa injorant. Ifisser li ladarba hawn perċezzjoni li m’hawnx kwistjonijiet li se jiddeterminaw il-kollettiv, persuna tħares aktar lejn dak li huwa individwali.

Sakemm dan il-Gvern ikollu oppożizzjoni sura ta’ nies; stuża, b’saħħitha, b’Kap li jiġbed il-folol bħalma kien Eddie Fenech Adami, l-ebda 17 Black mhi se ċċaqalaq lil Muscat jew lill-PL minn Kastilja!

Minkejja dan kollu, nemmnu illi r-raġuni prinċipali għalfejn minkejja kull akkuża, allegazzjoni jew fatt mhux ikkontestat xokkanti dwar il-każ Panama, hija l-istat illi fih jinsab il-Partit Nazzjonalista.

Minkejja illi r-reazzjoni ta’ Delia għal dak li kien żvelat dwar 17 Black tista’ titqies bħala għall-punt u effettiva Delia se jkollu jagħmel bil-wisq aktar minn hekk biex jikkonvinċi illi l-Partit Nazzjonlista huwa magħqud u għandu viżjoni u risposti. Il-votant mhuwiex se jagħżel partit li huwa mifrud u kull darba li partit mar għall-elezzjoni bi ġrieħi interni dejjem tilef. Min jiftakar l-1998 u kif Alfred Sant kien mar għal elezzjoni b’partit li kellu inkwiet intern serju u pubbliku, jaf x’qed ngħidu. Il-votant rari jekk qatt jagħżel partit li hu mifni bil-ġlied, anke jekk il-partit l-ieħor fil-Gvern ikun qed jiżloq jew jagħmel żbalji kbar.

It-tieni, 17 Black jew le (u ma rridu bl-ebda mod innaqqsu mis-serjetà tal-akkużi u fatti) il-poplu jaf fejn qiegħed ma’ Muscat fejn jirriggwarda finanzi tal-pajjiż, kwistjonijiet morali u fuq il-mod kif titmexxa l-ekonomija. Jaf li tajjeb jew ħażin, Muscat huwa Prim Ministru li jrid joħloq il-ġid, anke jekk l-vejjikolu ta’ dak il-ġid jista’ jkun dubjuż (bejgħ tal-passaporti) u dak il-ġid iqassmu b’miżuri maħsubin u ġeneralment pożittivi. Ma’ Adrian Delia ma jafux fejn ikunu. Ma jafux ma’ liema miżuri jaqbel u ma’ liema le. Ma jafux x’jagħmel fuq kwistjonijiet ta’ moralità u kif se jagħmel dak li jixtieq.

Jekk ippruvat, il-każ ta’ 17 Black jaf ikun wieħed mill-akbar każi ta’ korruzzjoni li qatt ra l-pajjiż, segwit jekk mhux isegwi, dak li ġara fl-għoti oxxen ta’ kuntratt lill-VGH għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet. Imma oxxeni kemm jistgħu jkunu oxxeni ċerti kuntratti jew ftehim li saru, il-poplu Malti se jibqa’ mwaħħal ma’ dak li jaf u mhux se jbiddel sakemm l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.

Sakemm dan il-Gvern ikollu oppożizzjoni sura ta’ nies; stuża, b’saħħitha, b’Kap li jiġbed il-folol bħalma kien Eddie Fenech Adami, l-ebda 17 Black mhi se ċċaqalaq lil Muscat jew lill-PL minn Kastilja!

More in Blogs