Editorjal | Il-ġimgħa tas-Summit u tal-għalliema

Il-waqfien mid-diskussjonijiet tal-MUT minħabba li l-Prim Ministru qal x’inhi l-kundizzjoni tal-Gvern f’dawn id-diskussjonijiet kienet naqra pwerili

Din il-ġimgħa f’pajjiżna sar id-Delta Summit. Laqgħa li trattat l-introduzzjoni tas-settur tal-blockchain f’Malta u li kien organizzat mill-Gvern, li jagħmel lill-Gvern Malti l-uniku wieħed fid-dinja, s’issa, illi qed jimbotta dan is-settur f’pajjiżu b’din il-qawwa.

Issa huwa vera li għal ħafna id-dinja tal-blockchain u l-cryptocurrency għadha pjuttost aljena, imma ta’ min wieħed jirrikonoxxi illi f’dan is-settur pajjiżna qiegħed fuq quddiem. Fis-summit ta’ din il-ġimgħa kienu bosta l-kelliema li mhux biss faħħru l-fatt li Malta hija l-ewwel pajjiż fid-dinja illi ħoloqt leġislazzjoni fir-rigward tal-blockchain, imma saħansitra wħud minnhom qalu illi se jkunu qed jirrilokaw jew jinvestu f’pajjiżna.

Naturalment it-teknoloġija tal-blockchain u l-użu tal-blockchain mill-cryptocurrency għadha fit-twelid tagħha u allura l-investiment fil-bitcoin (jiġifieri l-munita virtwali) għadu xi ftit jew wisq volatili, bil-valur jitla’ u jinżel fi żmien qasir. Huwa riskju għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna wkoll, għaliex jekk allaħares qatt it-teknoloġija blockchain tinżel jew tkun ippruvata bħala waħda li tippermetti illegalitajiet (bħal ħasil ta’ flus) mingħajr qafas ta’ ‘checks and balances’ tajbin, ninżlu magħha.

Min-naħa l-oħra imma hemm min qed jipprevedi li dan is-settur se jikber b’mod illi jaqbeż il-kobor ta’ dak finanzjarju, fil-ġid u forsi anke fl-impjiegi li joħloq. U fil-fatt pajjiżna diġà beda jattira xi kumpaniji.

Dak tal-Gvern f’dan il-qasam huwa riskju kkalkulat li s’issa qed iħalli l-frott u li jekk ikun suċċess, li aħna lkoll nittamaw li jkun, ipoġġi lil pajjiżna bħala wieħed mill-aktar pajjiżi ekonomikament progressivi fid-dinja. Definittivament, id-direzzjoni li se jieħu dan is-settur se tkun parti importanti mill-wirt tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

L-għalliema din il-ġimgħa

Din il-ġimgħa kienet ikkaratterizzata mit-tilwim bejn il-Gvern u l-MUT, b’theddida imminenti ta’ strajk li lbieraħ ħareġ li mhux se jsir.

Issa dan l-editorjal dejjem saħaq illi l-istrajk huwa dritt u għodda f’idejn il-ħaddiem u min jirrapreżentah meta kull mezz ieħor ikun eżawrit mingħajr riżultati. Dak ta’ din il-ġimgħa, filwaqt li kien dritt tal-Malta Union of Teachers, ma deherx li kien (sejħa ta’) strajk xprunat minn sitwazzjoni fejn kull mezz ieħor kien eżawrit, speċjalment meta kellek lill-Gvern jgħid li lest jiritra l-Att dwar l-Edukazzjoni kif propost minnu u jerġa’ jibda d-diskussjonijiet.

Il-waqfien mid-diskussjonijiet tal-MUT minħabba li l-Prim Ministru qal x’inhi l-kundizzjoni tal-Gvern f’dawn id-diskussjonijiet kienet naqra pwerili, anke jekk il-Prim Ministru missu kien jaf aħjar u ma qal xejn.

It-tieni. It-theddida ta’ strajk kienet iddur l-aktar mal-akkuża illi l-Gvern se jneħħi l-warrant tal-għalliema u li l-home schooling jista’ jsir minn kulħadd. Din il-gazzetta ma qagħditx la fuq il-Gvern u lanqas fuq l-MUT u minflok evalwat l-Atti proposti mill-Gvern biex tifhem eżatt dawn l-akkużi.

Fuq paġni 4 u 5 ta’ din il-ħarġa nuru kif il-Gvern ippropona li għalliem jagħmel żvilupp personali kontinwu, fil-forma ta’ taħriġ, kultant żmien biex b’hekk l-għalliema jibqgħu aġġornati u jitgħallmu ħiliet u anke kontenut ġdid. Jekk edukatur, tkompli tgħid il-proposta, ma jsegwix is-sigħat meħtieġa ta’ dan it-taħriġ jingħata ċans jikkonforma u huwa biss meta edukatur jibqa’ jinjora t-talba għat-taħriġ li jitneħħa l-warrant.

Huwa ċar illi fl-ebda punt fl-Att dwar l-Edukazzjoni ma kien hemm li se jitneħħa l-warrant. Jiġifieri stqarrijiet f’dan is-sens kienu, jew miżinformati jew qarrieqa.

Min-naħa l-oħra l-MUT għandha raġun tkun imħassba dwar il-home schooling, kunċett ġdid li għandu jkun introdott b’kawtela kbira għax il-konsegwenzi jistgħu jkunu perikolużi.

Naturalment l-MUT għandha raġun, daqs l-MUMN, meta tisħaq li għandu jkun hemm iktar rispett lejn il-karriera tal-għalliem. Ngħiduha kif inhi, minkejja ftehim settorjali li sar ftit żmien ilu u anke diversi ftehim kollettiv taħt gvernijiet differenti l-paga tal-għalliema għadha pjuttost miżera. Dan speċjalment meta tiftakar li l-għalliema huma ċ-ċavetta għall-futur tagħna u meta tqis ukoll li l-isfidi żdiedu mhux naqsu.

Lil hinn mill-kwistjoni ta’ din il-ġimgħa, il-Gvern u l-MUT għandhom jaħdmu flimkien biex jagħtu l-aqwa u l-aħjar lill-għalliema tagħna. L-aħħar ħaddiema li qatt nistgħu nixxaħħu magħhom (hekk kif jgħidu li qegħdin fl-aqwa żmien) huma dawk li b’ħidmiethom qed iwittu t-triq għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għall-ekonomija tal-futur u għas-soċjetà ta’ għada.

More in Blogs