Editorjal | Knisja mheżża

Inħossu li l-Arċisqof għandu jiffaċċja lill-mezzi tax-xandir u bħala eks Promotur tal-Ġustizzja fil-Vatikan, jispjega aħjar is-sitwazzjoni ta’ Dun Cini 

Il-Knisja Kattolika mill-ġdid tinsab mheżża bi skandli u stejjer ta’ abbuż jew allegat abbuż fuq tfal. Din id-darba fil-mira mhuwiex kardinal jew qassis f’xi djoċesi ftit li xejn magħrufa. Il-mira hija lejn il-Papa Franġisku nnifsu bl-akkuża tkun li ilu snin jaf b’allegat abbuż u m’għamel xejn.

Fil-verità din l-akkuża mill-aktar dannuża ġejja minn persuna għolja fil-Knisja illi qatt ma kellu xi simpatija wisq lejn il-Papa Franġisku, u allura f’dan il-kuntest wieħed jagħmel tajjeb li jistenna u jkun kawt qabel jemmen. Jekk, allaħares qatt, din tirriżulta illi hija vera allura tkun verament daqqa kerha ħafna għall-Knisja u għall-Papa li rebaħ ir-rispett ta’ ħafna, li huwa maħbub u li dejjem xerred il-messaġġ tal-imħabba, l-umiltà u r-rispett dawk li dejjem l-Knisja forsi tathom il-ġenb.

Lokalment qamu xi każi wkoll. Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM tat rendikont dettaljat tal-istorja kollha, jew kważi kollha, ta’ Dun Felix Cini. Issa aħna stajna komplejna mal-kurrent u tfajna ħafna tikketti fuq dan il-qassis, imma jekk fil-ġurnaliżmu dejjem jgħallmuna biex dejjem tagħti l-verżjoni ta’ kulħadd, allura ma stajniex noħorġu stejjer bħal tal-ġimgħa l-oħra, mingħajr ma nisfidaw lil Dun Cini bil-fatti ċari u nistaqsuh dwar fatti li għadhom xi ftit jew wisq mitlufin fiċ-ċpar tal-legaliżmi.

                                   Hawn hi l-istorja sħiħa ta' Dun Cini b'fatti ġodda u mistoqsijiet diretti lejn Dun Cini nnifsu

Għall-ewwel darba fi 15-il sena Dun Cini ddefenda lilu nnifsu u aħna se nħallu lill-qarrejja tagħna biex jixtarru u jiddeċiedu huma jekk Dun Cini hux kredibbli jew le.

Għall-ewwel darba fi 15-il sena Dun Cini ddefenda lilu nnifsu u aħna se nħallu lill-qarrejja tagħna biex jixtarru u jiddeċiedu huma jekk Dun Cini hux kredibbli jew le

Min-naħa tagħna aħna nfakkru biss fi kliem l-Arċisqof preċeżenti meta fi Frar tas-sena 2013 kien deskritt hekk fuq il-midja tal-Knisja; “Mons Scicluna kien dak li f’ħidmietu applika l-politika ta’ tolleranza żero għall-abbuż sesswali fuq il-minuri.”

Issa aħna mhux qed nimplikaw li f’daqqa waħda l-Arċisqof sar tolleranti għall-abbuż. Qed ngħidu imma, li ħafna u ħafna nies qed jitkellmu u probabilment se reġgħu tkellmu ladarba raw l-istorja tal-ILLUM. U għax ħafna persuni qed jitkellmu l-Arċisqof għandu l-obbligu li jmur lil hinn minn stqarrija li taċċertana li Dun Cini kien maħfur mill-Vatikan (wara li aħna żvelajna dan il-fatt). Inħossu li għandu jiffaċċja lill-mezzi tax-xandir u bħala Arċisqof kif ukoll bħala eks Promotur tal-Ġustizzja fil-Vatikan, jispjega aħjar is-sitwazzjoni ta’ Dun Cini u jikkonferma jew jinnega dak li qal lil din il-gazzetta u li qed nippubblikaw f’paġni 8 u 9.

Issa naturalment għal min jara lill-Knisja bħala partit politiku, kemm dan l-editorjal u anke l-istorja tal-Ħadd li għadda se jqisuh bħala daqqa lill-Knisja. Nistgħu naċċertaw lill-qarrejja tagħna li din il-gazzetta qattgħet sigħat sħaħ tirriċerka, tibgħat emails u ċċempel Malta u barra.

Nemmnu illi dak li qed nippubblikaw illum huwa l-aktar ritratt ġust li stajna nagħtu tal-kwistjoni kollha, bil-fatti u l-kummenti li għandna s’issa.

Issa nistennew li min jaf iktar minn din il-gazzetta jitkellem. Ħalli fejn hemm id-dlam ikun hemm id-dawl, fejn hemm bżonn tal-ġustizzja din isseħħ u sabiex is-sewwa jirbaħ dejjem.

Biżżejjed naraw li mhumiex il-qarrejja tagħna biss li jħossu illi dan is-suġġett huwa pjaga għall-knisja kollha, stħarriġ onlajn fuq sit tal-aħbarijiet lokali ieħor juri li ħafna jemmnu li l-abbuż huwa inkwiet serju għall-Knisja.

Fuq livell internazzjonali, inħossu li wasal iż-żmien li l-Vatikan jeżamina s-sitwazzjoni u jara għaliex qed jiġri dan. Għaliex dawn il-każi qed iqumu u fil-proċess jagħmlu tant ħsara. U biex tagħmel dan, kemm il-Knisja imma aħna lkoll irridu nifhmu li qassis huwa uman.

Il-qassis huwa uman li jista’ jagħmel tajjeb, imma jista’ jagħmel ħażin ukoll. Uman li għandu ġibdiet sesswali, lejn mara, lejn raġel u traġikament, anke jekk il-ftit, lejn it-tfal ukoll. Il-qassis huwa uman allura ħaqqu l-ġustizzja, imma wkoll il-kastig tal-liġi fejn dan huwa meħtieġ.  

Knisja mheżża, hija soċjetà mheżża. Ma jaqbel għal ħadd li l-awtorità tal-Knisja tiddgħajjef, iktar milli ddgħajfet. Għalhekk wasal iż-żmien tad-deċiżjonijiet.

Ċerti illi huwa att diffiċilissimu għall-Knisja li treġġa’ lura l-ħażin u tneħħi l-għeruq tas-sikrana, imma hekk jeħtieġ tagħmel.

Hemm ħafna lpup lesti biex lil Papa Franġisku iqattgħuh biċċiet. Forzi rigressivi li jridu Knisja esklussiva u li twarrab lin-nies, imma li togħxa fil-pompa u fit-torrijiet tal-avorju. Nemmnu li jkun hu iżda li jifred il-qamħ mis-sikrana, sakemm l-akkużi kontrih mhumiex minnhom.

Knisja mheżża, hija soċjetà mheżża. Ma jaqbel għal ħadd li l-awtorità tal-Knisja tiddgħajjef, iktar milli ddgħajfet.

Għalhekk wasal iż-żmien tad-deċiżjonijiet.

More in Blogs