Opinjoni | Nissalvagwardjaw l-identità tagħna fl-arkitettura

Li ndaħħlu inċentivi sabiex il-kuntratturi jpoġġu mad-disinjaturi tal-faċċata sabiex idaħħlu karatteristiċi ta’ arkitettura Maltija, hija xi ħaġa pożittiva u fiha aktar vantaġġi milli żvantaġgi...

F’dawn l-aħħar ftit snin, smajna ħafna tgergir dwar il-ħafna blokok ta’ appartamenti li qegħdin jinbnew ġewwa pajjiżna. Ħafna huma dawk illi huma kontra d-dehra tagħhom; dwar l-għoli tagħhom, dwar kif xi wħud jidhru mostri ħdejn id-djar tradizzjonali madwarhom; oħrajn mistgħagbin biċ-ċokon fil-qies minn ġewwa ta’ dawn l-appartamenti; u anke tgergir dwar il-prezzijiet li wħud minnhom huma inkreddibilment m’għola s-sema.

Ftit taż-żmien ilu kont miexi ġewwa l-Kalkara. Max-xatt eżatt, rajt blokka ta’ appartamenti ġdida u sabiħa illi nbniet ftit taż-żmien ilu. Personalment, ma tantx jien xi wieħed li nieqaf inħares lejn appartamenti għaliex xi wħud minnhom jidhru pjuttost l-istess.

Iżda nħobb nammira u nieħu ritratti ta’ djar antiki – il-ferro battuto sabiħ fil-loġoġ tal-bibien u mal-gallariji, il-gallarija tradizzjonali tal-injam, il-bibien sbieħ b’kuluri pariġġ il-gallarija b’pumm tradizzjonali jiddomina l-entratura u l-ġebla Maltija. Fihom ħafna xogħol liema bħalu; snajja’ li xi wħud minnhom qegħdin jintilfu bl-avvanzi ta’ teknoloġija u l-prezzijiet tal-produzzjoni tal-massa ta’ materjali oħra rħas.

Però din il-blokka ta’ appartamenti, kienet differenti mill-oħrajn. Kellha l-faċċata tagħha mibnija fuq l-istil tradizzjonali Malti: il-gallariji tal-ferro battuto, twieqi u bibien stil Malti u bil-ġebla Maltija. Kienet tiġbed il-għajn. Ħassejtni qisni qiegħed nara bini għoli ġewwa l-Belt Valletta – għoli, iżda b’karatteristiċi Maltin. Rajt turisti jieqfu jieħdu r-ritratti. Saħansitra tellajt ritratt ta’ din il-blokka ta’ appartamenti fuq Instagram u Facebook, u l-kummenti pożittivi ma waqfux.

Jien u nħares lejn it-turisti jammiraw ix-xogħol sabiħ li hu tradizzjonalment Malti, b’karattarestici li juri l-identità tagħna, ħsibt bejni u bejn ruħi: min jaf li kieku kellu jkun hemm inċentivi min-naħa tal-Gvern illi jinkoraġġixxu lill-kuntratturi u lill-periti sabiex l-appartamenti li qegħdin jinbnew ikollhom dehra tradizzjonali Maltija bi produzzjoni ta’ gallariji, bibien ġodda tradizzjonali mal-modern?

Tgħid kieku, nibqgħu ngergru fuq kemm huma koroh il-blokok ġodda ta’ appartamenti għoljin? M’iniex nirreferi għal xi torri li nimmaġina illi l-istruttura moderna tiġi ddisinjata sabiex tirrispetta l-enġinerija kontra l-elementi, iżda l-blokka b’xi erba’ jew sitt appartamenti illi ħadu post dar fuq u isfel.

Hemm diversi inċentivi li l-Gvern jista’ jintroduċi b’din l-iskema kieku; pereżempju inqas taxxa fuq il-prodotti u s-servizzi li jipproduċu dawn il-gallariji, il-bibien u x-xogħol tal-ħadid. Taxxa inqas u għajnuna għal dawk il-kuntratturi illi jiddeċiedu li jieħdu dan il-pass. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jiddiskuti u kif jistgħu jsiru dawn l-inċentivi.

Li jkollok il-karatteristiċi Maltin mal-faċċata mħalltin mal-modern, fl-opinjoni tiegħi, jafu jagħtu spazju għal bilanċ bejn il-progress u t-tradizzjonali biex jitpaxxew l-għajnejn

Li ndaħħlu inċentivi sabiex il-kuntratturi jpoġġu mad-disinjaturi tal-faċċata sabiex idaħħlu karatteristiċi ta’ arkitettura Maltija, hija xi ħaġa pożittiva u fiha aktar vantaġġi milli żvantaġgi.

L-ewwel ħaġa, inkunu qegħdin insaħħu l-identità ta’ arkitettura Maltija, u dan jawgura tajjeb għall-Maltin li jgħixu fil-madwar u anke għat-turisit. L-irħula tagħna jkunu jistgħu jżommu sod fit-tradizzjoni u karattarestici fil-bini tal-lokalità. Fil-verità, qatt ma rajt turist jieħu ritratt ta’ blokka ta’ appartamenti; iżda arah jitpaxxa b’postijiet bħall-Birgu, l-Isla, il-Belt, l-Imdina u r-Rabat.

Anke fil-kartolini tal-Eurovision u f’ħafna bloggs, naraw emfasi fuq il-bini tradizzjonali. It-tieni vantaġġ b’skema bħal din hu li jkollok is-sengħa Maltija illi terġa’ tingħata l-ħajja. Veru li llum forsi x-xogħol jeħfief u jkun aktar mgħaġġel minħabba l-għajnuna tat-teknoloġija; iżda t-teknoloġija qiegħda hemm sabiex tnaqqas it-tbatija tal-ħaddiem u l-ħin li jrid jistenna l-klijent, però sservi sabiex tkun tista’ tikkrea ideat ġodda wkoll fil-produzzjoni.

It-tielet vantaġġ hu li b’sengħa li terġa’ tieħu l-ħajja, tkun qiegħed tagħti spinta u qawmien lis-settur Malti tas-snajja’ fl-ekonomija.  Apparti minn hekk, dan jawgura tajjeb anke għall-periti illi jistgħu jimirħu fl-imaginazzjoni meta huma jkollhom il-possibiltà illi jżewġu d-dehra tad-dar Maltija permezz tal-karatteristiċi Maltin, ma’ dawk moderni.

Inħeġġeġ lil min hu fl-awtorità biex jagħti widen lil dan is-suġġeriment ġenwin minn bniedem illi jammira s-snajja’ Malti u fuq kollox, dak kollu illi jagħmlu pajjiż. Li jkollok il-karatteristiċi Maltin mal-faċċata mħalltin mal-modern, fl-opinjoni tiegħi, jafu jagħtu spazju għal bilanċ bejn il-progress u t-tradizzjonali biex jitpaxxew l-għajnejn, iżda fuq kollox, illi tippreserva l-identità tal-arkitettura fid-djar Maltin u Għawdxin.

More in Blogs