Opinjoni | Lil hinn mis-siġar

Ftit li xejn, iżda, hawn diskussjoni fuq il-mistoqsija bażika: xi ħtieġa għandna ta’ dan il-programm ta’ toroq?

Id-dibattitu pubbliku dwar il-proġett tat-toroq, imlaqqam Central Link, huwa ffukat fuq kif dan ser ikollu impatt fuq is-siġar tul ir-rotta tiegħu. Hi diskussjoni importanti għax qed tikkonċentra fuq wieħed mill-impatti viżibbli tal-proġett. Bla dubju is-siġar jeħtieġu kemm il-ħarsien kif ukoll li jiżdiedu fin-numru.

Imma l-ħarsien u n-numru tas-siġar, għalkemm importanti hu biss dettall. Bla dubju hemm dettalji oħra importanti li jeħtieġ li jkunu kkunsidrati: fosthom l-art agrikola li ser tittieħed, l-emissjonijiet li jeħtieġ li jonqsu, ewlieni fosthom it-trab fin, kif ukoll it-tniġġiż mill-ħoss.

Ftit li xejn, iżda, hawn diskussjoni fuq il-mistoqsija bażika: xi ħtieġa għandna ta’ dan il-programm ta’ toroq?

Biex ikollna tweġiba għal din il-mistoqsija bażika jeħtieġilna nikkunsidraw l-għażliet differenti li għandna li jistgħu jiffaċilitaw il-mobilità sostenibbli madwar il-ġżejjer tagħna. Huma għażliet li qegħdin quddiemna. Nagħmlu użu minnhom?

Wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jimplimenta l-pjan tiegħu stress, minflok ma jibqa’ jinjorah kif issa ilu jagħmel żmien

Għaliex nagħmlu użu minn karozzi privati meta nivvjaġġaw għal distanzi qosra? Nafu li madwar nofs il-vjaġġi bil-karozzi privati fit-toroq tagħna jdumu inqas minn ħmistax-il minuta?

Aħna u nfittxu tweġiba għall-mistoqsija tagħna m’għandniex niffukaw fuq il-konġestjoni tat-traffiku. Għax il-konġestjoni tat-traffiku fir-realtà hi l-effett u mhux il-kawża tal-problemi li għandna fil-qasam tat-trasport: tfisser biss li t-toroq tagħna ma jesgħux iktar karozzi. Il-materja jeħtieġ li nikkunsidrawha fil-fond u b’mod olistiku.

Il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport għall-gżejjer Maltin jagħmel eżattament hekk.

Meta nħarsu lejn il-proposti mniżżla fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport m’għandniex il-lussu li nagħżlu liema mill-proposti għandhom ikunu implimentati u liema le. Uħud mill-proposti jistgħu jkunu implimentati bla diffikultà. Imma oħrajn huma iebsa għax jindirzzaw il-kawża reali tal-problemi tat-trasport: l-imġiba tagħna. Ftit li xejn qiegħed isir sforz f’din id-direzzjoni.  

L-oġġettivi operattivi għat-trasport fuq l-art li nsibu fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport jemfasizzaw il-ħtieġa li tonqos l-użu tal-karozza privata fiż-żoni urbani kif ukoll biex f’dawn iż-żoni, diġà mifnija b’konġestjoni ta’ traffiku, ikunu pprovduti mezzi alternattivi ta’ mobilità.

Sfortunatament, flok ma timplimenta dawn l-oġġettivi bażiċi Trasport Malta qiegħda tiffoka fuq li żżid il-kapaċità tat-toroq biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku. Bħala riżultat ta’ dan qed tindirizza l-effetti u tinjora l-kawża tal-istat miżerabbli tat-toroq tagħna.

Il-politika tal-Gvern ta’ investiment massiċċ fit-toroq hu wieħed kontro-produttiv għax fit-tul ser iwassal għal żieda fil-karozzi fit-toroq u allura għal iktar konġestjoni

Il-politika tal-Gvern ta’ investiment massiċċ fit-toroq hu wieħed kontro-produttiv għax fit-tul ser iwassal għal żieda fil-karozzi fit-toroq u allura għal iktar konġestjoni.  

Is-sussidji sostanzjali tat-trasport pubbliku mhumiex qed ikun effettivi daqskemm nixtiequ. L-impatti pożittivi ta’ dawn is-sussidji (u oħrajn) qed ikunu kkanċellati mill-programm massiv ta’ investiment fit-toroq: dikjarazzjoni li min ifassal il-politika tat-trasport jippreferi l-użu tal-karozza privata.

Ir-riżultat hu messaġġ ċar li l-politika dwar it-trasport f’Malta sempliċiment tittollera t-trasport pubbliku għax l-emfasi hu kif il-ħajja tkun iktar faċli għal min jagħmel użu mill-karozzi privati.  L-affarijiet għandhom ikunu bil-maqlub.

Il-Pjan Nazzjonali tat-Trasport jemfasizza b’mod mill-iktar ċar li n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul fil-qasam tat-trasport kellu l-impatt li qatt ma kellna pjan integrat ibbażat fuq analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni u bit-tfassil ta’ miri ċari. Dan wassal għal nuqqas ta’ direzzjoni strateġika u l-inkapaċità li nindirizzaw bis-serjetà l-użu tal-karozza privata fit-toroq tagħna.

Wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jimplimenta l-pjan tiegħu stress, minflok ma jibqa’ jinjorah kif issa ilu jagħmel żmien.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs