Opinjoni | Id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi

L-istat Malti ftit qed jinvesti bejn jgħinna nikkuraw ruħna minn din id-dipendenza...

Il-qoxra tal-pjan nazzjonali għat-trasport intitolat “National Transport Master Plan 2025” fuq nett juri l-emblema tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jurina li kien iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan il-pjan li hu ppubblikat minn Transport Malta kien iffinalizzat f’Ottubru 2016.

Iċ-Chairman (u CEO) ta’ Transport Malta, jgħidilna f’dikjarazzjoni stampata qabel il-pjan, li l-iskop tal-pjan hu biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.

Wieħed mill-oġġettivi ta’ dan il-pjan li ftit nisimgħu dwaru huwa dak li jfittex li jipprovdi alternattivi għall-użu ta’ karozzi privati biex tkun inkoraġġita mobilità sostenibbli u bħala riżultat tonqos id-domanda għall-karozzi fit-toroq tagħna.  

Billi, kif anke jgħidilna l-pjan innifsu, madwar nofs il-vjaġġi bil-karozzi privati jdumu inqas minn kwarta, nistgħu nikkonkludu li l-mobilità meħtieġa hi waħda ta’ natura lokali u dan għal distanzi ferm qosra. Xi bżonn għandna ta’ karozzi privati għal dan? Il-mezzi ta’ transport alternattiv mhumiex biżżejjed għal dawn il-ħtiġijiet f’pajjiż fejn prattikament kullimkien hu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod?

Il-politika dwar it-trasport tagħna, flok ma tindirizza dak li qed joħloq il-problemi tal-mobilità, qed tiffoka fuq l-effetti bit-tama li tnaqqashom

Sirna dipendenti wisq fuq il-karozzi privati. Il-Malti, jgħidilna l-pjan nazzjonali għat-trasport fil-paġna 88, jippretendi li kulħadd jibdel id-drawwiet tiegħu biex hu jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozza!

Din hi l-problema reali tat-toroq Maltin: l-imġiba u l-aspettattivi tagħna. Il-konġestjoni tat-traffiku hi fil-fatt il-konsegwenza ta’ din id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi privati. Sfortunatament il-proġetti massiċċi li jindirizzaw l-infrastruttura tat-toroq, kemm dawk li bdew kif ukoll dawk ippjanati, jinjoraw kompletament din id-dipendenza u minflok jiffukaw fuq il-ħtieġa immaġinarja ta’ żieda fil-kapaċità tat-toroq. Mela l-politika dwar it-trasport tagħna, flok ma tindirizza dak li qed joħloq il-problemi tal-mobilità, qed tiffoka fuq l-effetti bit-tama li tnaqqashom. Dan sakemm l-effetti jerggħu jakkumlaw u mbagħad ikun ovvjament wasal iż-żmien għal iktar toroq u flyovers! Viżjoni mċajpra iktar minn din għad irrid nara!  

L-istat Malti ftit qed jinvesti bejn jgħinna nikkuraw ruħna minn din id-dipendenza.

Dan l-investiment massiv fl-iżvilupp ta’ iktar toroq qiegħed jibgħat messaġġ wieħed, li jkolli ngħid qiegħed jinftiehem b’mod ċar ħafna: il-karozza privata hi l-mezz preferut tal-Gvern Malti għat-trasport. Dan hu l-iktar mod faċli kif tindirizza l-problema:  għax bil-flus it-toroq mhux fil-baħar biss tibnihom. B’hekk ikun evitati d-diffikultaiet kbar biex ikunu indirizzati l-attitudnijiet u l-imġiba tagħna lkoll. Attitudnijiet u mġiba li huma r-reazzjoni tagħna, bħala komunità, għan-nuqqas tal-istat Malti (fuq perjodu twil ta’ żmien) li jindirizza l-ħtiġijiet tagħna għal mobilità sostenibbli.

Id-dipendenza tagħna fuqn il-karozzi teħtieġ kura mingħajr iktar dewmien

Meta l-istat jibgħat messaġġ daqshekk ċar jkun qiegħed jinnewtralizza l-impatti pożittivi kollha tal-ftit inizjattivi (b’finanzjament relattivament limitat) favur il-mobilità sostenibbli.  Dawn jinkludu, fost oħrajn, sussidji għat-trasport pubbliku, inċentivi biex jinxtraw ir-roti u sussidji biex jinħolqu l-faċilitajiet neċessarji għal xowers fuq il-post tax-xogħol bħala inkoraġġiment għal min irid imur ix-xogħol bir-rota.

Madwar erba’ snin ilu, l-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima tal-Università ta’ Malta kien ippubblika studju li kien ġie ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li kien intitolat The External Costs of Passenger and Commercial Vehicles Use in Malta. Dak l-istudju kien ikkonkluda li l-konġestjoni tat-traffiku kien qed jiekol 1.7% minn dak kollu li jipproduċi l-pajjiż fis-sena.

Ma jkunx forsi aħjar kieku flok ma nibqgħu ffissati fuq in-numru u l-qisien tat-toroq inħarsu ftit fil-mera u nirrealizzaw li l-problema mhux it-toroq imma aħna u l-imġiba tagħna? Id-dipendenza tagħna fuqn il-karozzi teħtieġ kura mingħajr iktar dewmien.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs