Opinjoni | Is-saltna tad-dritt imminata

L-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tad-delegazzjoni tal-UE fir-rapport tagħha ta’ 36 paġna ma tantx jagħmlulna ġieħ...

Is-saltna tad-dritt hu prinċipju demokratiku bażiku li jifforma parti integrali mil-liġijiet ta’ pajjiżi demokratiċi.

Biex inkunu ħielsa, aħna lkoll skjavi tal-liġi. F’demokrazija l-liġi għandha tapplika għal kulħadd, bla ebda eċċezzjoni. Meta s-saltna tad-dritt tkun dgħajfa din twassal għal inqas demokrazija sakemm nispiċċaw b’faċċata finta.

Il-liġi qiegħda hemm biex tkun osservata minn kulħadd: qiegħda hemm biex tirregola kem l-imġieba ta’ individwi kif ukoll l-imġiba tal-istituzzjonijiet. Kulħadd hu soġġett għal-liġi. L-istituzzjonijiet min-naħa l-oħra qegħdin hemm biex jipproteġuna, mhux biss minna nfusna imma wkoll minn kull attentat ta’ abbuż ġej mill-istituzzjonijiet infushom.

Hu f’dan il-kuntest li rridu nikkunsidraw ir-rapport tad-delegazzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew. Dan ir-rapport juri kif ħaddieħor iħares lejn id-demokrazija tagħna, avolja f’xi partijiet tiegħu r-rapport mhux preċiż.

Id-delegazzjoni kellha l-inkarigu li tinvestiga l-allegazzjoni dwar applikazzjoni żbaljata tal-leġislazzjoni Ewropea f’konnessjoni mal-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.

L-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tad-delegazzjoni fir-rapport tagħha ta’ 36 paġna ma tantx jagħmlulna ġieħ. Il-ħsieb komuni fil-paġni differenti tar-rapport hi li f’Malta r-rispett tal-liġi hu nieqes: hawn bosta li jippretendu li huma l-fuq mil-liġi. Hekk jarawna.  

Fil-fehma tiegħi mhumiex wisq ’il bogħod mir-realtà. Ir-rapport jenfasizza li l-liġi teħtieġ li tkun osservata mhux biss fil-kelma imma fuq kollox fl-ispirtu.

F’Malta l-istituzzjonijiet huma dgħajfa. Anzi, ikolli ngħid li huma mfassla b’mod li jkunu dgħajfa, speċifikament biex jinkinaw meta ffaċċjati bil-poter politiku selvaġġ. Dan hu rifless kemm fil-persuni li jinħatru kif ukoll fil-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jiddefenduna.

Ir-rapport, pereżempju, josserva li l-ebda wieħed mir-rapporti tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) dwar il-persuni Maltin esposti għall-politika (PEPs) ma kien investigat mill-Pulizija minkejja li dawn ġew mgħoddija lilhom għal kull azzjoni meħtieġa.

L-Oppożizzjoni hi kollaburattur attiv f’dan l-eżerċizzju li qiegħed jimmina s-saltna tad-dritt f’Malta.

Qed nistennew wisq meta nippretendu li tal-inqas il-Pulizija tagħmel xogħolha u tinvestiga? Għax il-fatt li ma saret l-ebda investigazzjoni jwassal messaġġ ċar daqs il-kristall li għall-pulizija l-persuni Maltin esposti għall-politika (PEPs) m’humiex soġġetti għal-liġi bħal kull persuna oħra. Ir-rapport tal-Parlament Ewropew hu ċar ħafna għalfejn l-investigazzjonijiet huma neċessarji. Fil-fatt jgħid: Il-persuni li jidher li huma implikati f’atti serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, bħala riżultat ta’ dak svelat mill-Panama Papers u mir-rapporti tal-FIAU, m’għandhomx jitħallew jibqgħu jokkupaw karigi pubbliċi u għandhom ikunu investigati malajr b’mod formali kif ukoll għandhom jittieħdu passi kontra tagħhom.

Li jinżammu fil-ħatra għandu mpatt fuq il-kredibilità tal-Gvern, jagħti l-messaġġ li hemm min igawdi minn immunità u jista’ jwassal għal iktar ħsara lill-interessi tal-istat billi jiffaċilita l-kontinwazzjoni tal-attività kriminali. (“Persons perceived to be implicated in serious acts of corruption and money laundering, as a result of Panama Papers revelations and FIAU reports, should not be kept in public office and must be swiftly and formally investigated and brought to justice. Keeping them in office affects the credibility of the Government, fuels the perception of impunity and may result in further damage to State interests by enabling the continuation of criminal activity.”)

Il-mistoqsija li jinħtieġ nistaqsu hi: għaliex qed isir dan? Għaliex l-awtoritajiet Maltin jagħwġu regola lil hawn u jagħlqu għajn lil hemm?

Nistgħu nippruvaw nifhmu għaliex dan qed iseħħ minn żewġ affarijiet li ġraw f’Malta fl-2018. Fil-fehma tiegħi dawn jispjegaw tajjeb kif jaħdem il-moħħ tal-awtoritajiet Maltin.

L-ewwel eżempju hu assoċjat mal-kamra tan-nar fiż-Żebbiegħ. Wara tletin sena l-Qorti, il-komunità rurali taż-Żebbiegħ rebħet kawża fil-Qrati Ċivili u bħala riżultat ta’ dan il-permess tal-kamra tan-nar kien dikjarat null mill-Qorti tal-Appell. Il-Gvern irreaġixxa billi ressaq malajr fil-Parlament emendi għall-Ordinanza dwar l-Isplussivi b’mod li ġie assigurat li minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti xorta jista’ jibqa’ joħroġ il-permess.

It-tieni eżempju għadu mhux konkluż. Il-Qorti tal-Appell hi u tapplika l-liġi tal-kera ddecidiet li fil-Każin tal-Banda Antoine de Paule tar-Raħal Ġdid kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-kuntratt li kien jirregola dik il-kirja. Bħala riżultat ta’ dan il-Qorti tal-Appell ordnat li l-bini tal-każin kellu jingħata lura lis-sidien fi żmien 4 xhur.

Il-Gvern irreaġixxa billi ppubblika emendi għall-Kodiċi Ċivili li bħala riżultat tagħhom jimblokka l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti.

Dawn huma biss żewġ eżempji li juru r-reazzjoni tal-Gvern għal deċiżjonijiet tal-Qrati: il-Gvern jibdel ir-regoli bis-sehem dirett (u l-qbil) tal-Oppożizzjoni. Ir-reazzjoni tal-pubbliku ghal dawn iż-żewġ każi kienet minima. L-opinjoni pubblika saret immuni għal dan il-logħob u t-tgħawwiġ tar-regoli għax donnu kulħadd dara li dan hu l-mod ‘normali’ kif jaħdmu l-istituzzjonijiet f’Malta. L-Oppożizzjoni hi kollaburatur attiv f’dan l-eżerċizzju li qiegħed jimmina s-saltna tad-dritt f’Malta.

Għalfejn mela niskantaw meta dan il-logħob u t-tgħawwiġ  tar-regoli isir fl-iktar materji serji f’Malta u ma huwiex limitat għal affarijiet ta’ natura ‘żgħira’? Sfortunatament, li jinbidlu r-regoli kull meta jkun jaqbel politikament huwa l-mod kif jaħdem dan il-pajjiż sal-lum. Attitudni anti-demokratika u li definittivament tmur kontra s-saltna tad-dritt.

More in Blogs