Editorjal | L-Immigrazzjoni; Ma ninżlux toroq perikolużi

l-barranin mhux qed jiġu pajjiżna la biex jagħmlu pjaċir lilna u lanqas għax Malta hija ċ-ċentru tal-univers...

It-tema ewlenija tal-gazzetta ILLUM tal-bieraħ kienet il-barranin. U mhux b’kumbinazzjoni. Mhux b’kumbinazzjoni għal ħafna raġunijiet. L-ewwel nett għax f’kull stħarriġ li tagħmel id-dar tal-midja li din il-gazzetta hija parti minnha jirriżulta li l-immigrazzjoni jew ‘il-barranin’ huma fost l-aktar li qed ‘jinkwetaw’ lil bosta Maltin. It-tieni għaliex iż-żewġ mexxejja politiċi għażlu li jitkellmu dwar il-barranin nhar it-Tlieta li għadda, nhar Jum il-Ħaddiem. U finalment għax kif tistgħu taraw f’din il-gazzetta, għadu kif ħareġ sondaġġ ieħor din id-darba ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea li jħasseb xi ftit mhux ħażin.

Il-barranin mhux qed jiġu pajjiżna la biex jagħmlu pjaċir lilna u lanqas għax Malta hija ċ-ċentru tal-univers. Il-barranin, fil-biċċa l-kbira tagħhom qed jiġu pajjiżna għaliex 1) l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata mgħaġġla u b’konsegwenza 2) hawn ix-xogħol. Tant hu hekk li apparti l-artiklu li qed nippublikaw, din il-gazzetta għandha informazzjoni, s’issa mhux ikkonfermata uffiċjalment, illi ħafna mill-immigranti li qed jiġu Malta qed jagħmlu dan mill-Italja. Jiġifieri pajjiżna sejjer tajjeb b’tali mod li minflok ma jridux jiġu hawn, qed isibu mod kif fil-fatt jiġu hawn.

Issa, dan huwa tajjeb jew le? Minflok nwieġbu bl-‘iva’ jew bil-‘le’ se nitolbukhom timmaġinaw kieku għada, malli jdoqq l-iżveljarin il-barranin kollha, li qegħdin f’Malta legalment u li għandhom permess jaħdmu f’pajjiżna, jitilqu. Kieku jiġri hekk setturi diversi f’pajjiżna, li huma l-mutur wara t-tkabbir prattikament bla preċedent li qed naraw, jikkrolla. Kieku s-servizzi finanzjarji, igaming, nofs il-lukandi u ristoranti, trasport pubbliku, kostruzzjoni, l-aġenziji tal-proprjetà, tindif, ix-xogħol tal-carers u numru ta’ setturi oħrajn jikkrollaw. Anke li kieku kull min hu Malti irid jaħdem ta’ xufier, jew ta’ carer, jew bennej, jew kaħħal, jew waiter xorta m’għandniex biżżejjed riżorsa.

Ekonomija li qed tikber b’5% u aktar, teħtieġ iżjed ħaddiema u la Matin m’hemmx biżżejjed iridu jiġu minn ximkien

Jiġifieri ma nistgħux niftaħru bl-ekonomija li qed tikber pero fl-istess ħin irridu nkeċċu lill-barranin. Ekonomija li qed tikber b’5% u aktar, teħtieġ iżjed ħaddiema u la Matin m’hemmx biżżejjed iridu jiġu minn ximkien. Jiġifieri minkejja li 63% tal-Maltin, skont stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, inkwetati li l-immigranti qed jeħdulna l-post tax-xogħol tagħna ta’ min wieħed jistaqsi, bl-ekonomija tagħna bl-akbar tkabbir fl-UE vera qed jeħdulna xogħolna? Jew qed jieħdu xogħol li m’għandniex biżżejjed riżorsa li nimlew? Jew qed jieħdu xogħol li sforz in-nuqqas ta’ viżjoni ta’ gvernijiet sussegwenti m’hawnx biżżejjed nies biex jimlewhom? U jekk vera hemm min qed jieħu xogħol ‘tal-Maltin’ (bħallikieku xogħol huwa garantit lilek għax twelidt hawn) għalfejn? Għax qed jitħallsu inqas? Għax qed ikunu iffirmati kuntratti kontra l-liġi? Għax hawn min qed jimporta ħaddiema b’xi aġenzija, jħallashom biċ-ċiċri u minn dawk iċ-ċiċri jħallas lill-aġenzija li ġabitu hawn? Għax hawn min qed iħaddem il-kuntratti tliet xhur, tliet xhur?

Dawk huma l-mistoqsijiet li suppost qed nistaqsu, kif staqsiet din il-gazzetta lura fl-2015 dwar ‘Bulgari importati’ f’pajjiżna u li jagħtu 25ċ fis-siegħa lill-aġenzija li ġabithom u bqajna mingħajr risposti.

Għalhekk ninsabu mill-aktar diżappuntati li proprju f’nhar Jum il-Ħaddiem il-Kap tal-Oppożizjoni għoġbu jżeffen fost oħrajn lill-persuni Pakistani li ġew Malta jaħdmu bħala xufiera. Delia għandu jgħid ċar x’qed jipprova jimplika. Li għandna nkeċċuhom sempliċiment għax huma mill-Pakistan? Li għandna bilfors insibu Maltin biex jaħdmu xufiera? U sakemm insibu, min jaqbad tallinja x’jagħmel, joqgħod jittewweb? U jekk il-problema hija l-paga x’qed jipproponi Delia? Li jiddetermina hu kemm il-Malta Public Transport għandha tħallas lill-ħaddiema? Delia ma jistax jaqbad jitfa’ sentenza fl-arja fuq grupp ta’ nies, għax jaf li mhux se jirrisponduh u jaf li bihom mhux se jitlef voti u jimplika li qed nitilfu l-identità minħabba fihom. Għax jekk huma ma jitkellmux għax jibżgħu, se nitkellmu aħna għalihom.

Ninsabu mill-aktar diżappuntati li proprju f’nhar Jum il-Ħaddiem il-Kap tal-Oppożizjoni għoġbu jżeffen fost oħrajn lill-persuni Pakistani li ġew Malta jaħdmu bħala xufiera

Kif se nitkellmu għal dawk in-nisa barranin li kellhom ulied f’Malta illi milli jidher se jkunu l-vittmi l-ġodda, wara s-single mothers, għal kull falliment tas-soċjetà. Fl-analiżi (ara paġna 4 u 5) ngħidu ċar għalfejn inħossu li Delia żelaq meta żeffen lin-nisa, ommijiet, immigranti fil-kredu biex ngħidu li qed nitilfu l-identità. Mhux hekk hux. Għax mara, omm u speċjalment barranija mhux se titkellem, hux. Demmha taħt il-blat għax inqalftuha ‘l barra. Allura nwaħħlu fihom, ‘easy prey’!

Għalhekk minkejja li dan l-editorjal ma jiddejjaq xejn jikkritika lill-Gvern ta’ Muscat u hekk se jibqa’ jagħmel fejn iħoss li l-affarijiet mhumiex sew, fuq din l-kwistjoni dan l-editorjal huwa miegħu mill-bidu sal-aħħar

Jekk hemm l-abbuż, ejja niġġilduh. Imma li ninżlu t-triq taż-żenofobija, le. Fil-PN la Eddie Fenech Adami, la Lawrence Gonzi u lanqas Simon Busuttil m’għamluha. Nitolbu lil Delia biex fuq dan is-suġġett jieħu lezzjoni mill-predeċessuri tiegħu!

More in Blogs