Opinjoni | Żmien li niġbdu ħabel wieħed

Tassew pajjiżna daħal fi sqaq illi aktar ma jgħaddi ż-żmien m’għandniex idea kif ser noħorġu minnu...

Pajjiżna għaddej minn żmien delikat ħafna illi ma jistax ma jinkwetax lilna lkoll. Żmien ta’ sfida kbira għall-istituzzjonijiet tagħna u illi jew ser jikkonsolida d-demokrazija tagħna jew jitfagħha ferm lura. Pajjiżna hu tassew f’salib it-toroq.

Peress illi l-ekonomija għadha għaddejja b’ritmu ġmielu tassew, il-pressjoni fuq il-mexxejja tagħna hi tollerabli. Jekk Pariġi kien ħaqqha quddiesa, għal bosta l-ħobża ta’ kuljum hi importanti aktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Verament it-test ta’ kwalunkwe sistema politika hu kemm jirnexxilha tpoġġi l-ħobż fuq il-mejda. Imma ħadd m’għandu jilludi ruħu illi l-evoluzzjoni tal-qagħda politika fil-pajjiż f’xi ħin jew ieħor ser taffettwa l-ħobża ta’ kuljum u x’aktarx diġà bdiet tagħmel hekk.

Sitt xhur wara l-qtil brutali tagħha, jidher ċar illi Daphne Caruana Galizia altru li mhux ser tispiċċa minsija bħalma min ordna l-qtil tagħha x’aktarx stenna. Qatt ma kien hawn Malti jew Maltija li l-mewt tiegħu jew tagħha ħalla impatt daqstant kbir fuq ix-xena internazzjonali. Dan hu ċar meta tħabbar illi l-għaqda bbażata f’Pariġi, ”Forbidden Stories” qiegħda tikkoordina l-ħidma ta’ tmintax-il ġurnal jew aġenzija tal-aħbarijiet minn ħmistax-il pajjiż sabiex ikomplu jinvestigaw l-istejjer li kienet qiegħda taħdem fuqhom Daphne, speċjalment wara illi xi ħadd għaddielha 680,000 file ftit qabel mewtha. Fost dawn il-ġurnali nsibu n-New York Times, Le Monde, The Guardian, Suddeutche Zeitung u Repubblica kif ukoll l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.

Il-potenzjal ta’ konflitti ta’ interess huwa infinit, imma jidher illi kulħadd fil-Gvern u fil-Partit Laburista, mill-Prim Ministru ’l isfel hu impotenti fil-konfront tas-sur Schembri u l-pożizzjoni tiegħu ma tistax tintmess

Niftaħ xħin niftaħ żewġ sorsi prinċipali tal-aħbarijiet tiegħi, The Guardian u Repubblica, tara bi prominenza kbira l-istejjer illi qegħdin jiġu ppubblikati fl-isfond ta’ dak li ġie msejjaħ The Daphne Project. Malta ma jistax ikollha pubbliċità aktar negattiva minn hekk u dan mhux minħabba l-isforzi ta’ xi strateġija makkjaveljana Nazzjonalista, jekk għad hawn minnhom. Huwa l-frott ta’ ftehim illi l-Gvern daħal fihom, possibilment minħabba impenji pre-elettorali li ħafna drabi għadhom misturin minn għajnejn iċ-ċittadini taħt il-pretest ta’ sensittività kummerċjali.

Għax trid tkun verament inġenju biex ma tikkonkludix illi kien hemm ftehim pre-elettorali ma’ bosta individwi sabiex isir il-power station tal-Electrogas. Minkejja illi saret sejħa għall-espressjoni ta’ interess qabel ma ntgħażel il-konsorzju rebbieħ, wieħed ftit jista’ jkollu fiduċja fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni li twettaq. Dana jista’ jingħad b’kunfidenza assoluta għaliex wieħed mill-komponenti ewlenin tal-konsorzju li ntgħażel, Electrogas  b’40% tal-ishma tiegħu, Gasol p.l.c. kien f’qagħda finanzjarja prekarja u kif ktibt snin ilu, kien baqa’ għaddej bis-saħħa ta’ self ta’ £1m mill-kumpanija taż-żejt ażera Socar. Il-qagħda finazjarja prekarja ta’ Gasol p.l.c. kienet tali illi l-awdituri ħassew illi għandhom jikkwalifikaw l-kontijiet tagħha meta wetqu l-verifika tagħhom.

Fil-fatt meta l-konsorzju Electrogas ngħata self minn konsorzju ta’ banek fuq bażi ta’ garanzija temporanja illi ħareġ l-Istat (kundizzjoni li ma kienetx stipulata fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess), Gasol ħareġ mill-konsorzju. Il-qagħda finanzjarja tiegħu probabilment kienet tipprekludi kwalunkwe self bankarju u dan minkejja l-garanzija statali illi eventwalment ġiet sostitwita bil-provision of supply agreement. Imma l-kontroversji relatati ma’ dan il-proġett ma naqsux.

Fost ir-revelazzjonijiet illi ħareġ id-Daphne Project hemm illi saru żewġ ħlasijiet lil żewġ kumpaniji f’Dubai, 17 Black u Macbridge.  Il-ħlasijiet kienu ta’ $ 1.4 m u $ 200,000 u saru minn kumpanija fis-Seychelles  ta’ negozjant mill-Azerbaijan u mill-aġent Malti tat-tanker tal-gass. Is-Suddeutsche Zeitung ippubblikat e-mail ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT tas-17 ta’ Diċembru 2015 lid-ditta ta’ avukati Panamjana Mossack Fonseca illi fiha ntqal illi l-kumpaniji panamjani ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri li nfetħu ftit jiem wara r-rebħa elettorali tal-2013, Tillgate u Hearnville kellhom jirċievu mas-$2 m fis-sena u illi l-klijenti potenzjali tagħhom kienu appuntu 17 Black Limited u Macbridge Ltd. Din l-informazzjoni ngħatat fl-isfond tal-isforzi sfrenati sabiex dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri jirnexxielhom jiftħu kont bankarju.

L-individwi involuti ċaħdu li huma rċevew il-ħlasijiet inkwistjoni u teknikament jista’ jkun illi  l-flus ma laħqux waslu għandhom għax intant inkixfu l-Panama Papers u kulma kellu x’jaqsam mal-kumpaniji Panamjani tagħhom sar tossiku. Madankollu, Schembri ammetta illi 17 Black u MacBridge kienu ġew identifikati bħala klijenti potenzjali f’business plans tal-kumpaniji Maltin tiegħu illi skont hu jagħmlu bil-bosta matul iż-żmien.  Schembri stqarr ukoll illi la hu u l-anqas il-kumpaniji tiegħu ma wettqu xi negozju ma’ dawn iż-żewġ kumpaniji.

Wieħed ma jeskludix illi Schembri qal dan għax qed jantiċipa aktar rivelazzjonijiet. Għax verament ma kellux bżonn jgħid dak li qal. Imma fi kwalunkwe każ, dak li qal Keith Schembri jiżvela aspett inkwetanti ħafna illi donnu sfuġġa lil kulħadd. Jekk kwalunkwe impjegat pubbliku suppost iżomm ’il bogħod minn kwalunkwe attività kummerċjali u jekk is-sur Schembri kien irriżenja minn direttur tal-kumpaniji tiegħu sabiex skont ma  qalulna jevita konflitti ta’ interessi, kif għandu informazzjoni daqshekk dettaljata dwar il-kumpaniji tiegħu? Jidher illi l-arranġamenti li saru mhuma adekwati xejn, illi r-riżenja minn direttur f’dawn il-kumpaniji hija, kif wieħed jistenna, daħqa fil-wiċċ, u illi s-sur Schembri effettivament jaf x’inhu għaddej fin-negozju tiegħu jekk mhux qed imexxihom hu wkoll.

Dan mhu xejn aċċettabli u juri l-laxkezza etika ta’ dan il-gvern. Mhuwiex aċċettabli illi kariga daqshekk delikata bħal dik ta’ chief of staff tal-Prim Ministru jkun involut b’ruħu u ġismu f’attivitajiet kummerċjali.  Il-potenzjal ta’ konflitti ta’ interess huwa infinit, imma jidher illi kulħadd fil-Gvern u fil-Partit Laburista, mill-Prim Ministru ’l isfel hu impotenti fil-konfront tas-sur Schembri u l-pożizzjoni tiegħu ma tistax tintmess. Qegħdin f’sitwazzjoni tassew anomala u dan ma jistax jiġi bl-ebda ġġustifikat bil-kapaċitajiet maniġerjali tas-sur Schembri.  Pajjiżi oħra għandhom proċeduri ferm aktar riġidi sabiex jevitaw konflitti ta’ interess imma f’pajjiżna qisu xejn mhu xejn.

Min ittama illi r-rebħa enormi Laburista tal-2013 kienet ser iġġib bidla radikali u posittiva fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż għandu għalfejn iħossu tassew ddiżappuntat u ttradut

Imbagħad din il-ġimgħa kellna rivelazzjoni oħra dwar il-gass illi l-kumpanija statali ażera Socar, illi hija ukoll waħda mill-investituri f’Electrogas qiegħda tbigħ lill-istess Electrogas skont ftehim li ntlaħaq fl-2015. Skont il-files li kienu ngħataw lil DCG qabel ma nqatlet, Malta ħalset  is-sena l-oħra tal-anqas €40m aktar lis-SOCAR milli l-istess SOCAR ħallset lix-Shell għall-gass li Malta kellha bżonn.  Skont kalkoli ta’ esperti internazzjonali, l-ammont ta’ €131.6m illi hu kkalkulat illi Malta ħallset is-sena l-oħra għall-gass li użat kien kważi d-doppju l-prezz fuq is-suq miftuħ! Meta wieħed jagħmel ftehim fit-tul bħalma għamlet Malta mas-SOCAR għal għaxar snin li mid-dehra ma għandhiex kapaċità fil-qasam tal-liquefied natural gas u jkollha tixtri l-gass likwifikat mingħand ix-Shell wieħed jistenna illi jkollu prezz aħjar milli wieħed isib fuq is-suq miftuħ. Il-fatt illi spiċċajna nħallsu kważi d-doppju tal-prezz tas-suq miftuħ jista’ jindika xi ħaġa waħda biss : jew inkompetenza enormi jew agħar minn hekk, korruzzjoni bla rażan.

Tassew pajjiżna jinsab f’qagħda mwiergħa.  Il-Gvern Laburista jippretendi illi jinjora dawn ir-rivelazzjonijiet esplussivi  fuq bażi tal-maġġoranza enormi li għandu u l-qagħda fraġli tal-oppożizzjoni.  Imma l-ħsara għall-immaġini ta’ Malta kif ukoll id-dannu ekonomiku huma inkalkulabbli u żgur ser iħallu effett negattiv. Sfortunatament, Malta qiegħda wkoll tispiċċa ttimbrata bħala ġurisdizzjoni ta’ fama ferm dubjuża.  Biex tgħaqqad sar ħafna diskors żejjed mill-kap tal-Valletta18, Jason Micallef li messu fehem id-delikatezza tal-qagħda f’pajjiżna u żamm għalih il-ħsibijiet tiegħu.  Minn fuq, min suppost iċċensurah spiċċa jiddefendieh fuq il-bażi fażulla illi Micallef eżerċita d-dritt t’espressjoni ħielsa. Ir-riżultat hu illi l-V18 spiċċat farsa mistmerra mill-kumplament tal-Ewropa u  minn ħafna artisti minħabba l-paroli żejda ta’ Micallef.

Qed isiru wkoll bosta attentati fuq bażi Pan-Ewropea sabiex jinvestigaw il-kwistjonijiet Maltin. Il-Kunsill tal-Ewropa ħatar rapporteur sabiex jirrapporta dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ DCG mentri l-Kumitat tal-Ewroparlamentalri illi diġà żar Malta ħabbar illi ser jagħmel żjara oħra.  Esponenti ewlieni ta’ dan il-kumitat, Sven Geilgold sejjaħ biex il-Kummissjoni tkun aktar iebsa fil-konfront ta’ Malta u Ewroparlamentari ieħor attakka lil Juncker bħala wisq qrib ta’ Muscat.

Min wassal lil pajjiż f’dina s-sitwazzjoni huwa fid-dmir illi jara kif jagħmel u jnaqqas l-impatt u jevita illi ssir aktar ħsara.  Imma donnu l-gvern rasu marbuta u ma jridx jirrikonoxxi l-gravità tal-qagħda.  Il-gvern iħoss illi l-maġġoranza enormi li għandu tilleġġitimah minkejja r-rivelazzjonijiet kollha li ħarġu s’issa u jistgħu joħorġu. Dan qajla hu l-każ u għalkemm il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’qagħda xejn feliċi, il-pajjiż qiegħed jgħaddi minn ħafna turbolenza bla bżonn.

Tassew pajjiżna daħal fi sqaq illi aktar ma jgħaddi ż-żmien m’għandniex idea kif ser noħorġu minnu. Min ittama illi r-rebħa enormi Laburista tal-2013 kienet ser iġġib bidla radikali u posittiva fil-mod kif jitmexxa l-pajjiż għandu għalfejn iħossu tassew ddiżappuntat u ttradut. F’din il-fażi delikata tal-ħajja politika ta’ pajjiżna għadna nistennew illi jitfaċċaw fuq ix-xena persunaġġi ta’ statura sabiex jittragettaw lil pajjiżna ’l bogħod mill-iskollijiet li qegħdin nersqu lejhom bil-periklu dejjem jikber li pajjiżna jinkalja.  U meta u jekk jinkalja, kulħadd jissogra l-għarqa, kemm Laburisti kemm Nazzjonalisti u kemm min mhu ma’ ħadd.

Għalhekk, irridu lkoll inkunu umli, inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna u niġbdu ħabel wieħed biex noħorġu lil pajjiżna mill-qagħda xejn sabiħa li spiċċa fiha fl-interess komuni tagħna lkoll.

[email protected]

More in Blogs