Opinjoni | Pass lura mill-Awditur Ġenerali

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jagħmel tajjeb jekk jagħmel pass lura u dan biex jassigura li jiddistakka ruħu kemm jista’ mill-amministrazzjoni...

Riċentment l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO) ippubblika r-rapport tiegħu għas-sena 2017. F’demokrazija r-rwol tal-Awditur Ġenerali għandu importanza kbira. Għandu r-rwol li jaċċerta ruħu mill-preżenza jew l-assenza ta’ tmexxija tajba (good governance) f’kull livell tal-amministrazzjoni pubblika. Dan hu kruċjali biex ikun determinat l-istat tas-saħħa tas-settur pubbliku.

Ir-rapport fih lista tal-investigazzjonijiet li saru fl-2017 u li dwarhom ġew ippubblikati rapporti separati li diġà ġew diskussi pubblikament. Dawn jinkludu r-rapport annwali dwar il-kontijiet pubbliċi, ir-rapport konsolidat annwali dwar il-Kunsilli Lokali u l-verifiki speċjali. Matul l-2017 ukoll ġie ppubblikat rapport dwar ir-riżultati milħuqa mit-tliet dipartiment tal-Gvern li huma fuq quddiem fil-ġbir tal-flus u ċioè d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT u d-Dwana. 

Fid-daħla tiegħu għal dan ir-rapport, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara laqa’ l-iżviluppi pożittivi li jagħtu indikazzjoni ċara tar-rieda tal-amministrazzjoni biex, sa fejn hu possibli, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur. Dan issa seħħ għal sentejn wara xulxin u wieħed jittama li jibqa’ jseħħ ta’ kull sena.

Ir-rapport jispjega l-isforzi li jsiru fit-taħriġ tal-impjegati biex ikun assigurat li sa fejn hu possibli l-uffiċċju tal-awditur ikun armat sa snienu biex ikun jista’ jsegwi u jinvestiga kif meħtieġ. Dan hu essenzjali biex l-uffiċċju tal-awditur iżomm lil kull amministrazzjoni attenta u kif ngħidu fuq ix-xwiek.

L-Uffiċċju tal-Awditur fil-forma preżenti twaqqaf 20 sena ilu. Mill-1997 sar jirrapporta direttament lill-Parlament. Qabel, għalkemm teknikament indipendenti kien jifforma parti mill-Ministeru tal-Finanzi.

Matul dawn l-aħħar 20 sena l-Uffiċċju tal-Awditur kellu ħafna x’jagħmel. Aħna nisimgħu l-iktar bil-każijiet individwali li dwarhom ikun hemm investigazzjonijiet. Il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Awditur, imma, hi ħafna ikbar minn hekk. Hija, fost oħrajn, eżami kontinwu tal-kontijiet pubbliċi u r-rakkomandazzjonijiet li jsiru biex jitjieb il-mod kif ikun assigurat li jkunu segwiti r-regoli.

L-Uffiċċju tal-Awditur qiegħed hemm biex jissorvelja l-operat tal-amministrazzjoni u mhux biex jifforma parti minn gruppi ta’ ħidma biex jimplimenta proposti inkella biex ifassal proposti li jkunu implimentati minn ħaddieħor

Biex l-Uffiċċju tal-Awditur ikun effettiv jeħtieġ illi jkun assigurat illi jkun distakkat mill-amministrazzjoni u l-ħidma tagħha. Għalhekk iddejjaqt naqra fir-rapport tal-2017 dwar il-lista ta’ dawk li jissejħu “domestic working groups” – gruppi ta’ ħidma lokali li fihom ipparteċipa l-Uffiċċju tal-Awditur. Dawn ivarjaw mill-Bord għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-accounting fis-settur pubbliku, il-grupp dwar il-leġislazzjoni finanzjarja u dak dwar il-governanza tajba fil-gvern lokali, fost oħrajn. 

L-Uffiċċju tal-Awditur qiegħed hemm biex jissorvelja l-operat tal-amministrazzjoni u mhux biex jifforma parti minn gruppi ta’ ħidma biex jimplimenta proposti inkella biex ifassal proposti li jkunu implimentati minn ħaddieħor.   

Ftit ilu, l-Awditur Ġenerali flimkien mal-Ombudsman u ċ-Ċhairman tal-Kummissjoni Elettorali wkoll kienu marru lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom meta aċċettaw l-inkarigu mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jeżaminaw il-materja tar-rimunerazzjoni tal-Membri Parlamentari u ta’ dawk kollha li jokkupaw uffiċċju politiku. Jiena kont argumentajt mal-Ombudsman Said Pullicino dwar dan meta flimkien ma’ Arnold Cassola kont iltqajt ma’ dak it-trio. Huma kienu ġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom b’parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali u minn oħrajn! Sfortunatament, dawn it-tliet għorrief ma rrealizzawx li kkompromettew l-uffiċċju li jokkupaw u dan minħabba li min hu maħtur mil-liġi bħala regulatur ma jistax temporanjament jitfi s-swiċċ u minflok jibda jagħti l-pariri!

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jagħmel tajjeb jekk jagħmel pass lura u dan biex jassigura li jiddistakka ruħu kemm jista’ mill-amministrazzjoni. Jekk ma jagħmilx hekk ikun qed jibgħat messaġġi żbaljati.

Risposta mill-Awditur Ġenerali:

Nirreferi għall-artiklu miktub mill-Perit Carmel Cacopardo li ġie ppubblikat fil-ħarġa tal-Illum tad-29 t’April 2018 bit-titlu “Pass Lura mill-Awditur Ġenerali”.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jixtieq jiċċara xi punti li ssemmew mill-artikolista, speċifikament fuq is-sehem tal-Uffiċċju f’dawk li fil-pubblikazzjoni annwali tal-NAO ssejħu “Domestic Working Groups”.

Ir-rwol tal-Uffiċċju fl-imsemmija ‘working groups’ huwa wieħed ta’ osservatur.  Għaldaqstant ir-rappreżentanti tiegħu m’għandhom l-ebda rwol eżekuttiv fi ħdan l-istess kumitati.  Il-parteċipazzjoni tal-Uffiċċju bħala tali osservatur, tgħinu jżomm aġġornat ma’ dak li jkun qed iseħħ fis-servizz pubbliku, dejjem fil-parametri tal-indipendenza u awtonomija tal-istess Uffiċċju.  Ta’ min wieħed jgħid li tali prassi titħaddem anke f’organizzazzjonijiet barra minn Malta.

L-Uffiċċju altru li qed mhux jitlef mill-indipendenza u l-awtonomija li dejjem gawda.

Nirreferu lill-artikolista għas-seminar imsemmi f’paġna 13 tar-Rapport Annwali fuq il-Ħidma tal-Uffiċċju fejn appuntu ġie diskuss x’għandu jkun ir-rwol tal-Awditur f’riformi finanzjarji adottati mill-Gvern, b’rispett assolut lejn l-indipendenza tiegħu.  Esperti li ħadmu fi ħdan it-Teżor u l-NAO Ingliż qasmu magħna l-esperjenza tagħhom fir-riformi li saru fir-Renju Unit.

F’kuntest ta’ bidla kontinwa, wieħed japprezza li l-Uffiċċju tal-Verifika ma jistax jiżola ruħu minn dak li jiġri madwaru, speċjalment f’materji pjuttost tekniċi u riformi addottati mill-Gvern Ċentrali.

Nassiguraw lill-artikolista li fejn jidħlu aspetti ta’ leġislazzjoni, bħal dik finanzjarja, il-prerogattiva tibqa’ dejjem tal-eżekuttiv.  Is-sehem tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika huwa dak li jfiehem in-nuqqasijiet li jkun sab fis-sistema amministrattiva finanzjarja, ir-riskji li l-Uffiċċju jkun qed jara kif ukoll li jfiehem ir-rakkomandazzjonijiet li jkun ippubblika.  Fl-istess waqt, l-Uffiċċju għandu d-dmir li jissalvagwardja l-pożizzjoni tiegħu fejn jidħlu skadenzi li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma ta’ skrutinju tal-istess Uffiċċju.  F’dan is-sens, l-Uffiċċju altru li qed mhux jitlef mill-indipendenza u l-awtonomija li dejjem gawda. 

More in Blogs